Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1748

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1748 tat-30 ta' Settembru 2015 li jidderoga fir-rigward tas-sena tat-talba 2015 mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li jikkonċerna l-livell ta' ħlasijiet bil-quddiem għal pagamenti diretti kif ukoll għal miżuri ta' żvilupp rurali relatati mal-erja u mal-annimali u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(2) ta' dak ir-Regolament fir-rigward ta' pagamenti diretti

    ĠU L 256, 1.10.2015, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1748/oj

    1.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 256/9


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1748

    tat-30 ta' Settembru 2015

    li jidderoga fir-rigward tas-sena tat-talba 2015 mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li jikkonċerna l-livell ta' ħlasijiet bil-quddiem għal pagamenti diretti kif ukoll għal miżuri ta' żvilupp rurali relatati mal-erja u mal-annimali u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(2) ta' dak ir-Regolament fir-rigward ta' pagamenti diretti

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 75(3)(b) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, mis-16 ta' Ottubru sat-30 ta' Novembru, l-Istati Membri jistgħu jħallsu bil-quddiem sa 50 % fir-rigward ta' pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u sa 75 % għal miżuri ta' appoġġ relatati mal-erja u mal-annimali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (3).

    (2)

    L-Artikolu 75(2) tar- Regolament (UE) Nru 1306/2013 jipprovdi li pagamenti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, inkluż ħlasijiet bil-quddiem għall-pagamenti diretti, m'għandhomx isiru qabel ma jiġu ffinalizzati l-verifiki amministrattivi u fuq il-post li għandhom jitwettqu skont l-Artikolu 74 ta' dak ir-Regolament. Madankollu, fir-rigward ta' miżuri ta' appoġġ relatati mal-erja u mal-annimali fil-qafas tal-iżvilupp rurali, l-Artikolu 75(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jippermetti li l-ħlasijiet bil-quddiem isiru wara li jkunu ġew iffinalizzati l-verifiki amministrattivi skont l-Artikolu 59(1) ta' dak ir-Regolament.

    (3)

    Il-gravità tas-sitwazzjoni ekonomika f'ċerti setturi agrikoli, b'mod partikolari fis-suq tal-ħalib, ħolqot diffikultajiet finanzjarji serji u problemi ta' likwidità għall-benefiċjarji. Din is-sitwazzjoni tikkoinċidi mal-ewwel sena ta' implimentazzjoni tal-iskemi l-ġodda ta' pagament dirett. Minħabba d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri fl-implimentazzjoni prattika ta' dawk l-iskemi, dawn ittardjaw fl-amministrazzjoni tagħhom tal-applikazzjoni unika, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-ħlas u l-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti jew għaż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament skont l-iskema ta' pagament bażiku. B'konsegwenza ta' dan, il-verifiki meħtieġa x'aktarx li jitlestew aktar tard mis-soltu u l-pagamenti lill-benefiċjarji x'aktarx jiġu diferiti.

    (4)

    Minħabba n-natura eċċezzjonali ta' dawn iċ-ċirkostanzi f'daqqa u minħabba d-diffikultajiet finanzjarji li jirriżultaw għall-benefiċjarji, huwa neċessarju li jittaffew dawn id-diffikultajiet billi jsir possibbli għall-benefiċjarji li jassorbu t-telf sakemm tintlaħaq stabilizzazzjoni tas-swieq.

    (5)

    Huwa għalhekk iġġustifikat li tingħata deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar- Regolament (UE) Nru 1306/2013, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu livell ogħla ta' ħlasijiet bil-quddiem lill-benefiċjarji għas-sena tat-talba 2015.

    (6)

    Il-prinċipju tal-ħlas ta' pagamenti diretti biss wara li jkunu saru verifiki amministrattivi u fuq il-post huwa l-pedament tal-assigurazzjoni miksuba mis-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll. Madankollu, fid-dawl tad-diffikultajiet serji li jiltaqgħu magħhom il-benefiċjarji, huwa meħtieġ, bħala miżura eċċezzjonali għas-sena tat-talba 2015, li ssir deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li tippermetti ħlas bil-quddiem għal pagamenti diretti li jsiru wara li jkunu tlestew il-verifiki amministrattivi msemmija fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 809/2014 (4). Madankollu, huwa essenzjali li din id-deroga ma tfixkilx il-ġestjoni finanzjarja soda u r-rekwiżit ta' livell suffiċjenti ta' assigurazzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri li jagħmlu użu minn din id-deroga għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu evitati ħlasijiet żejda u li kwalunkwe ammont mhux dovut jiġi irkuprat malajr u effettivament. Barra minn hekk, l-użu ta' din id-deroga għandu jkun kopert minn dikjarazzjoni tal-ġestjoni msemmija fl-Artikolu 7(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għas-sena finanzjarja 2016.

    (7)

    Fid-dawl tal-gravità tad-diffikultajiet finanzjarji li bħalissa qed jiġu ffaċċjati mill-benefiċjarji, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, il-Kumitat għall-Pagamenti Diretti u l-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    B'deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, fir-rigward tas-sena tat-talba 2015, l-Istati Membri jistgħu jħallsu bil-quddiem sa 70 % fir-rigward ta' pagamenti diretti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u sa 85 % għall-appoġġ mogħti fil-qafas tal-iżvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 67(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    Artikolu 2

    B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, fir-rigward tas-sena tat-talba 2015, l-Istati Membri jistgħu jħallsu bil-quddiem fir-rigwrd tal-pagamenti diretti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 wara li jkunu ġew iffinalizzati l-verifiki amminstrattivi kif imsemmija fl-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    Artikolu 3

    Għal Stati Membri li japplikaw l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, għas-sena finanzjarja 2016 id-dikjarazzjoni ta' ġestjoni skont l-Artikolu 7(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tinkludi konferma li kienu evitati ħlasijiet żejda lill-benefiċjarji u li l-ammonti mhux dovuti ġew irkuprati malajr u effettivament, abbażi tal-verifika tal-informazzjoni kollha meħtieġa.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Settembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

    (4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).


    Top