Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0691

    2010/691/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta’ Novembru 2010 li tagħti deroga lir-Repubblika Ċeka mill-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/679/KE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema ta’ kontroll (kontroll-kmand) u ta’ sinjalar tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea lil-linja Strančice–České Budějovice (notifikata bid-dokument numru C(2010) 7789)

    ĠU L 298, 16.11.2010, p. 85–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2018

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/691/oj

    16.11.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 298/85


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-15 ta’ Novembru 2010

    li tagħti deroga lir-Repubblika Ċeka mill-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/679/KE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema ta’ kontroll (kontroll-kmand) u ta’ sinjalar tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea lil-linja Strančice–České Budějovice

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 7789)

    (It-test biċ-Ċek biss huwa awtentiku)

    (2010/691/UE)

    Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/679/KE tat-28 ta’ Marzu 2006 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema ta’ kontroll (kontroll-kmand) u ta’ sinjalar tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (1), b’mod partikolari t-Taqsima 7.1.3, tal-Anness tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/561/KE (2) li temenda d-Deċiżjoni 2006/679/KE, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità fir-rigward tas-sottosistema tal-kontroll-kmand u tas-sinjalar tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea.

    (2)

    Skont it-Taqsima 7.1.3 tal-Ispeċifikazzjoni Teknika għall-Interoperabilità fir-rigward tas-sottosistema tal-kontroll-kmand u tas-sinjalar tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea, l-użu tal-ERTMS/ETCS huwa obbligatorju fil-każ ta’ ammeljorament jew installazzjoni ġdida tal-parti tal-protezzjoni tal-ferrovija armata bis-CCS għal proġetti ta’ infrastruttura ferrovjarja li jirċievu appoġġ finanzjarju minn Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali u/jew Fondi ta’ Koeżjoni.

    (3)

    Meta s-sinjalar ikun imġedded fuq partijiet qosra (inqas minn 150 km) u fuq partijiet mhux kontinwi, il-Kummissjoni tista’ tagħti deroga temporanja għal din ir-regola, sakemm l-Istat Membru kkonċernat iressaq fajl lill-Kummissjoni. Dan il-fajl għandu jinkludi analiżi ekonomika li turi li hemm vantaġġ ekonomiku u/jew tekniku sostanzjali meta jitqiegħed fis-servizz l-ERTMS iktar ’il quddiem għat-tagħmir minflok matul it-twettiq tal-proġett iffinanzjat mill-UE.

    (4)

    Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-fajl imressaq u l-miżuri proposti mill-Istat Membru u għandha tgħarraf lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) bir-riżultat tal-analiżi tagħha. Meta tingħata deroga, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ERTMS tkun installata mill-inqas 5 snin wara tmiem il-proġett u hekk kif il-parti tal-linja tiġi konnessa ma’ linja oħra mgħammra bl-ERTMS.

    (5)

    Il-linja Strančice–České Budějovice se tiġi ammeljorata gradwalment sal-2016, fejn ċerti partijiet qed jirċievu jew se jirċievu appoġġ finanzjarju mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali u/jew Fondi ta’ Koeżjoni.

    (6)

    Il-linja Strančice–České Budějovice hija iqsar minn 150 km u mhijiex konnessa ma’ linja oħra diġà mgħammra bl-ERTMS. Fl-24 ta’ Jannar 2010, l-Awtoritajiet Ċeki bagħtu lill-Kummissjoni talba għal deroga flimkien ma’ fajl li juri li hemm vantaġġ ekonomiku u tekniku sostanzjali fl-użu tal-ERTMS sa tmiem l-2018 minflok waqt li jkun qed isir il-proġett iffinanzjat mill-UE.

    (7)

    Fl-20 ta’ Mejju 2010 l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea tat l-opinjoni teknika tagħha dwar it-talba għal deroga skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (8)

    Din l-opinjoni teknika indikat li l-fajl imressaq jinkludi l-elementi meħtieġa għal deroga imma ssuġġeriet li tinkiseb il-konferma li l-offerta tkun tinkludi għażla għat-tagħmir tal-ERTMS tal-linja.

    (9)

    Fis-7 ta’ Ġunju 2010, l-Awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li l-offerta għall-aħħar sotto taqsima se tkun tinkludi għażla ċara għat-tagħmir tal-ERTMS tal-linja.

    (10)

    Il-Kummissjoni infurmat lill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2008/57/KE dwar ir-riżultati tal-analiżi tagħha,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-deroga mill-obbligi biex jiġi implimentat il-Kontroll-Kmand u s-Sinjalar tat-TSI tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea għal-linja Strančice–České Budějovice mitluba mir-Repubblika Ċeka qiegħda tingħata b’dan.

    Din id-deroga ngħatat sal-31 ta’ Diċembru 2018.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Siim KALLAS

    Viċi President


    (1)  ĠU L 284, 16.10.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 194, 25.7.2009, p. 60.

    (3)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.

    (4)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1.


    Top