Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2057

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2057 tal-24 ta’ Novembru 2021 li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mir-Repubblika ta’ Singapore maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/8631

ĠU L 420, 25.11.2021, pp. 129–131 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/2057/oj

25.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 420/129


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2057

tal-24 ta’ Novembru 2021

li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mir-Repubblika ta’ Singapore maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom jekk il-Kummissjoni tikkonstata li dawk iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu f’konformità ma’ standards li jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza ta’ din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mir-Repubblika ta’ Singapore liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, abbażi tar-Regolament (UE) 2021/954, jenħtieġ li tali sejbiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mir-Repubblika ta’ Singapore liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Fis-26 ta’ Lulju 2021, ir-Repubblika ta’ Singapore pprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni dettaljata dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim u tat-testijiet skont is-sistema intitolata "HealthCerts". Ir-Repubblika ta’ Singapore infurmat lill-Kummissjoni li hija tqis li ċ-ċertifikati COVID-19 tagħha qed jinħarġu f’konformità ma’ sistema standard u teknoloġika li jkunu interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika ta’ Singapore infurmat lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mir-Repubblika ta’ Singapore f’konformità mas-sistema “HealthCerts” fihom id-data stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

(4)

Ir-Repubblika ta’ Singapore infurmat ukoll lill-Kummissjoni li hija taċċetta ċertifikati tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Istati Membri u mill-pajjiżi taż-ŻEE f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953. Barra minn hekk, ir-Repubblika ta’ Singapore infurmat lill-Kummissjoni li se tittratta lid-detenturi taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE tat-tilqim u tat-testijiet bl-istess mod bħad-detenturi taċ-ċertifikati tat-testijiet u tat-tilqim maħruġa mir-Repubblika ta’ Singapore. B’mod partikolari, ir-Repubblika ta’ Singapore kkonfermat li ċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE tat-testijiet se jiġu aċċettati bħala prova valida ta’ test negattiv ta’ qabel it-tluq għall-vjaġġaturi. Ir-Repubblika ta’ Singapore indikat li, wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, id-detenturi ta’ Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE tat-tilqim se jkunu eliġibbli għal miżuri ta’ ġestjoni sikura differenzjati bit-tilqim f’Singapore għal 30 jum mingħajr ċertifikati tat-tilqim addizzjonali.

(5)

B’mod partikolari, ir-Repubblika ta’ Singapore infurmat lill-Kummissjoni li hija tirrikonoxxi l-vaċċini kollu li temm il-proċedura ta' tqegħid fuq il-lista għall-użu ta' emerġenza tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kif ukoll dawk awtorizzati taħt ir-Rotta ta’ Aċċess Speċjali Pandemiku ta’ Singapore. Singapore se taċċetta wkoll vaċċini awtorizzati mill-PSAR. Rigward it-testijiet, Singapore infurmat lill-Kummissjoni li taċċetta ċertifikati tat-testijiet bħala prova tal-istatus ta’ infezzjoni tal-vjaġġatur jew in-nuqqas ta’ infezzjoni, iżda dawn attwalment ma jirriżultawx fir-rinunzja tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Dawn ir-rinunzji huma kwistjoni tal-politiki tas-saħħa fil-fruntieri ta’ Singapore. Barra minn hekk, Singapore bħalissa ma tillaxkax ir-rekwiżiti tal-fruntieri għal vjaġġaturi li fiequ.

(6)

Fit-30 ta’ Settembru 2021, wara talba mir-Repubblika ta’ Singapore, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet jinħarġu mir-Repubblika ta’ Singapore f’konformità mas-sistema, “HealthCerts”, li hija interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953, u tippermetti l-verifika tal-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mir-Repubblika ta’ Singapore f'konformità mas-sistema “HealthCerts” fihom id-data meħtieġa.

(7)

Barra minn hekk, ir-Repubblika ta’ Singapore infurmat lill-Kummissjoni li se toħroġ ċertifikati tat-tilqim interoperabbli għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Dawk il-vaċċini bħalissa jinkludu Comirnaty u Spikevax.

(8)

Ir-Repubblika ta’ Singapore infurmat ukoll lill-Kummissjoni li se toħroġ ċertifikati tat-testijiet interoperabbli biss għal testijiet ta’ amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku u għal testijiet rapidi tal-antiġeni elenkati fil-lista komuni u aġġornata ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 (4).

(9)

Barra minn hekk, ir-Repubblika ta’ Singapore infurmat lill-Kummissjoni li hija ma toħroġx ċertifikati interoperabbli tal-fejqan.

(10)

B’żieda ma’ dan, ir-Repubblika ta’ Singapore infurmat lill-Kummissjoni li meta verifikaturi f’Singapore jivverifikaw iċ-ċertifikati, id-data personali inkluża fihom se tiġi pproċessata biss biex tivverifika u tikkonferma t-tilqim, ir-riżultat tat-test jew l-istatus tal-fejqan tad-detentur u mhux se tinżamm wara.

(11)

L-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mir-Repubblika ta’ Singapore f'konformità mas-sistema “HealthCerts” għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f'konformità ir-Regolament (UE) 2021/953 huma għalhekk issodisfati.

(12)

Għalhekk, iċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mir-Repubblika ta’ Singapore f'konformità mas-sistema “HealthCerts” jenħtieġ li jiġu aċċettati skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) u fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) 2021/953.

(13)

Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, ir-Repubblika ta’ Singapore għandha tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

(14)

Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi jew ittemm din id-Deċiżjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

(15)

Sabiex ir-Repubblika ta’ Singapore tiġi konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(16)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 2021/953,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mir-Repubblika ta’ Singapore f'konformità mas-sistema “HealthCerts” għandhom, għall-fini tal-iffaċilitar tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f'konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 2

Ir-Repubblika ta’ Singapore għandha tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).

(3)  Id-Deċiżjoni 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).

(4)  Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar qafas komuni għall-użu u l-validazzjoni ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni u r-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19 fl-UE (ĠU C 24, 22.1.2021, p. 1).


Top