Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0328

    Kawża C-328/16: Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

    ĠU C 402, 31.10.2016, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.10.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 402/13


    Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

    (Kawża C-328/16)

    (2016/C 402/16)

    Lingwa tal-kawża: il-Grieg

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Zavvos u E. Manhaeve)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ellenika

    Talbiet

    tiddikjara li peress li ma adottatx il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2004, fil-Kawża C-119/02 (1), Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Ellenika ma kkonformatx ruħha mal-obbligu impost fuqha skont l-Artikolu 260(1) TFUE,

    tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni penalità fl-ammont ta’ EUR 34 974 għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawża C-119/02 dekorribbli mill-jum tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sal-jum tal-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-119/02,

    tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni rata fissa ta’ ħlas għal kull jum fl-ammont ta’ EUR 3 828 dekorribbli mill-jum tal-għoti tas-sentenza C-119/02 sal-jum tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża jew sal-jum tal-eżekuzzjoni tas-sentenza C-119/02, fil-każ li dan jiġri f’data preċedenti,

    tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    1.

    Fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Kawża C-119/02, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ellenika, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li:

    “Billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-istallazzjoni ta’ netwerk ta’ ġbir għall-ilma urban mormi tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio u ma ssuġġettatx għal trattment iktar rigoruż minn trattament sekondarju l-ilma urban mormi tal-imsemmi reġjun qabel ma jiġi skarikat fiż-żona sensittiva tal-Golf ta’ [Eleusi], ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-[Artikoli 3(1) u 5(2)] tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE  (2) , tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/15/KE tas-27 ta’ Frar 1998”.

    2.

    Ir-Repubblica Ellenika kellha tadotta l-miżuri neċessarji għall-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio (li jinkludi l-insedjamenti ta’ Eleusi, Aspropyrgos, Magoula u Mandra) konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271/KEE kif emendata bid-Direttiva 98/15/KE, qabel ma dan jiġi skarikat fiż-żona sensittiva tal-Golf ta’ Eleusi. Is-sistema ta’ skariku u ta’ trattament tal-ilma mormi tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio kellha tiġi installata sal-31 ta’ Diċembru 1998. Barra minn hekk, sa din id-data, l-ilma urban mormi kellu jiġi ssuġġettat għal trattament iktar rigoruż minn dak sekondarju (“trattament terzjarju”) qabel ma jiġi skarikat f’żoni sensittivi.

    3.

    Ir-Repubblika Ellenika kellha tiżgura l-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi kollu tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio, l-issuġġettar tiegħu għal trattament iktar rigoruż minn dak sekondarju u kellha turi l-konformità tal-funzjonament tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

    4.

    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiġi eżegwita permezz tat-twettiq ta’ diversi proġetti:

    il-ħolqien ta’ ċentru ta’ trattament tal-ilma mormi (iktar ’il quddiem is-“CTEUR”),

    il-kostruzzjoni ta’ kanali “prinċipali” (għan-netwerk tal-ilma urban mormi), jew “netwerk bażiku”,

    il-kostruzzjoni ta’ katusi (għan-netwerk tal-ilma urban mormi), jew “netwerk sekondarju”,

    il-kollegament tad-diversi abitanti/industriji tar-reġjun (tal-komuni ta’ Aspropyrgos, Eleusi, Mandra u Magoula) man-netwerk tal-ilma urban mormi, jew “netwerk terzjarju”.

    5.

    L-awtoritajiet Elleniċi kompetenti informaw lill-Kummissjoni li l-parti l-kbira tal-proġett kumplessiv kellha tkun lesta sal-aħħar tal-2010. In-netwerk bażiku kien fil-proċess ta’ twettiq, in-netwerk sekondarju tlesta 45 % u n-netwerk terzjarju kien qed jiġi kkostruwit. L-awtoritajiet sostnew li s-CTEUR seta’ jikkollega l-ilma urban mormi tal-popolazzjoni kollha tar-reġjun sal-aħħar tal-2010. Fir-rigward tan-netwerk prinċipali, dan seta’ jkopri 100 % tal-popolazzjoni tal-komuni ta’ Aspropyrgos, ta’ Mandra u ta’ Magoula u 2/3 ta’ dik ta’ Eleusi (jew, kumulattivament, madwar 90 % tal-4 komuni). Il-popolazzjoni rimanenti setgħet tkun koperta sat-30 ta’ April 2011.

    6.

    Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li, fit-18 ta’ Lulju 2011, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx għadha ġiet kompletament eżegwita.

    7.

    L-awtoritajiet Elleniċi, fit-tweġiba tagħhom tas-27 ta’ Novembru 2012, informaw lill-Kummissjoni li s-CTEUR kien qed jopera sa mis-27 ta’ Lulju 2012 iżda n-netwerk sekondarju u dak terzjarju kienu għadhom mhux lesti (kellhom ikunu lesti fl-aħħar ta’ Marzu 2013). Fir-rigward tan-netwerk sekondarju, dan kien kważi lest, bl-eċċezzjoni ta’ parti mill-Komun ta’ Eleusi (“Kato Eleusi”) fejn ix-xogħlijiet iddewmu minħabba skoperti arkeoloġiċi. Barra minn hekk, kien meqjus li f’dak il-mument 24 % tal-ilma urban mormi tal-agglomerazzjoni urbana ta’ Thriasio Pedio kien qed jinġabar u jiġi ttrattat mis-CTEUR. L-awtoritajiet bagħtu wkoll provi li juru (trattament terzjarju għall-ilma urban mormi miġbur) il-funzjonament regolari tal-impjanti.

    8.

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, minkejja li għaddew tnax-il sena mill-għoti tagħħa, is-sentenza kienet għadha ma ġietx kompletament eżegwita min-naħa tar-Repubblika Ellenika. L-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi tlestew u bdew joperaw sa mis-27 ta’ Lulju 2012, biex b’hekk seta’ jibda jiġi eliminat in-nitroġenu, madankollu, għandu jiġi enfasizzat li hija biss perċentwali partikolarment żgħira (28 %) tal-ilma urban mormi tar-reġjun ta’ Thriasio Pedio li attwalment tiġi miġbura u ttrattata.

    9.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma rċevietx mingħand l-awtoritajiet kompetenti kalendarju affidabbli li jippermetti li jiġi evalwat minn meta seta’ jkun hemm progress reali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li d-diversi skadenzi kkomunikati f’diversi okkażjonijiet mill-awtoritajiet Elleniċi ma ġew qatt osservati. Minbarra n-netwerk terzjarju, li jikkollega diversi abitazzjonijiet u industriji tar-reġjun, lanqas in-netwerk sekondarju (kostruzzjoni ta’ katusi kbar) ma tlesta peress li baqa’ l-parti ta’ Kato Eleusi, fil-Komun ta’ Eleusi.

    10.

    Il-Kummissjoni enfasizzat li, minbarra t-tweġiba tal-awtoritajiet Elleniċi tas-27 ta’ Novembru 2012, hija ma rċeviet ebda informazzjoni ta’ statistika li tista’ turi li l-ilma urban mormi miġbur ġie ssuġġettat għal trattament iktar rigoruż minn trattament sekondariju. It-tweġiba inkwistjoni kienet tinkludi xi ċifri, li iżda kienu jirreferu biss għal perijodu ta’ erba’ xhur peress li l-impjant kien beda jopera fis-27 ta’ Lulju tal-istess sena. Madankollu, sabiex juru t-trattament suffiċjenti tal-ilma mormi miġbur, l-awtoritajiet Elleniċi kellhom juru l-funzjonament tajjeb tal-impjant ta’ purifikazzjoni għal perijodu ta’ tnax-il xahar, billi jindikaw perċentwali ta’ tnaqqis tad-BOD5 u tad-DCO xierqa sabiex, fir-rigward tat-trattament sekondarju, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jkunu ssodisfatti u, fir-rigward tat-trattament terzjarju, perċentwali suffiċjenti ta’ tnaqqis tan-nitroġenu konformement mat-Tabella 2 tal-Anness I tad-Direttiva. Sakemm din id-data hija nieqsa, il-Kummissjoni ma tistax tivverifika jekk l-ilma urban mormi attwalment miġbur huwiex jiġi fil-fatt issuġġettat għal trattament iktar rigoruż minn trattament sekondarju, kif deskritt fl-Artikolu 4 tad-Direttiva.


    (1)  EU:C:2004:385

    (2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26.


    Top