EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0769

Kawża C-769/22: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

OJ C 54, 13.2.2023, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/16


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(Kawża C-769/22)

(2023/C 54/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Di Bucci, K. Talabér-Ritz, L. Malferrari, J. Tomkin, aġenti)

Konvenut: L-Ungerija

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tiddikjara li, billi adottat l-a pedofil bűnelkövetőkkel szembeni szigorúbb fellépésről, valamint a gyermekek védelme érdekében egyes törvények módosításáról szóló 2021. évi LXXIX. törvény (il-Liġi LXXIX tal-2021 li tadotta miżuri iktar stretti kontra persuni li nstabu ħatja ta’ pedofilija u li temenda ċerti liġijiet għall-protezzjoni tat-tfal), l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea bil-modi li ġejjin:

(1)

 

billi pprojbixxiet lit-tfal milli jkollhom aċċess għal kontenut li jippromwovi jew juri identitajiet tal-ġeneru li ma jikkorrispondux mas-sess assenjat mat-twelid, ir-riassenjament tas-sess jew l-omosesswalità, l-Ungerija kisret l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (1) l-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (2) l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikoli 1, 7, 11 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

billi pprojbixxiet lit-tfal milli jkollhom aċċess għal reklamar li jippromwovi jew juri identitajiet tal-ġeneru li ma jikkorrispondux mas-sess assenjat mat-twelid, ir-riassenjament tas-sess jew l-omosesswalità, l-Ungerija kisret l-Artikolu 9(1)(c)(ii) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (3), l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31/KE dwar il-Kummerċ Elettroniku, l-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-Servizzi fis-Suq Intern, l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikoli 1, 7, 11 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

billi imponiet fuq il-fornituri tas-servizzi tal-media li joffru servizzi tal-media lineari l-obbligu li jikklassifikaw taħt il-Kategorija V il-programmi kollha li l-element essenzjali tagħhom ikun li jippromwovu jew juru identitajiet tal-ġeneru li ma jikkorrispondux mas-sess assenjat mat-twelid, ir-riassenjament tas-sess jew l-omosesswalità, u għaldaqstant li jxandru dawn il-programmi bejn l-22.00 u l-05.00, u billi eskludiet tali programmi minn klassifikazzjoni bħala media ta’ interess pubbliku jew bħala reklamar li huwa ta’ benefiċċju soċjali, l-Ungerija kisret l-Artikolu 6a(1) tad-Direttiva 2010/13/UE dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u l-Artikoli 1, 7, 11 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

billi imponiet fuq il-Kunsill tal-Media l-obbligu li jitlob li l-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuq il-fornitur tas-servizzi tal-media jadotta miżuri effettivi u jieħu azzjoni sabiex itemm il-ksur li nstab mill-Kunsill tal-Media, l-Ungerija kisret l-Artikoli 2 u 3(1) tad-Direttiva 2010/13/UE dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva.

billi pprojbixxiet lil professjonijiet marbuta mal-kultura sesswali, il-ħajja sesswali, l-orjentazzjoni sesswali u l-iżvilupp sesswali milli jkollhom l-għan li jippromwovu identitajiet tal-ġeneru li ma jikkorrispondux mas-sess assenjat mat-twelid, ir-riassenjament tas-sess jew l-omosesswalità, l-Ungerija kisret l-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva 2006/123/UE dwar is-Servizzi fis-Suq Intern, l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikoli 1, 7, 11 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(2)

billi adottat il-leġiżlazzjoni ċċitata fl-ewwel paragrafu, l-Ungerija kisret l-Artikolu 2 TUE.

(3)

billi imponiet fuq il-korp li għandu aċċess dirett għad-data rreġistrata l-obbligu li jagħmel disponibbli, għal persuni li huma intitolati li jkollhom aċċess għaliha, id-data rreġistrata ta’ persuni li wettqu, kontra tfal, reati kontra l-libertà sesswali u l-moralità sesswali, l-Ungerija kisret l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), kif ukoll l-Artikolu 8(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(4)

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-15 ta’ Ġunju 2021, il-Parlament Ungeriż adottata l-a pedofil bűnelkövetőkkel szembeni szigorúbb fellépésről, valamint a gyermekek védelme érdekében egyes törvények módosításáról szóló 2021. évi LXXIX. törvény (il-Liġi LXXIX tal-2021 li tadotta miżuri iktar stretti kontra persuni li nstabu ħatja ta’ pedofilija u li temenda ċerti liġijiet għall-protezzjoni tat-tfal), li daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Lulju 2021. Il-Liġi tinkludi emendi għal numru ta’ diversi dispożizzjonijiet legali li jkopru, inter alia, is-servizzi tal-media, ir-reklamar, il-kummerċ elettroniku u l-edukazzjoni. L-emendi jimponu numru ta’ impożizzjonijiet u restrizzjonijiet rigward il-promozzjoni u r-rappreżentazzjoni ta’ identitajiet tal-ġeneru li ma jikkorrispondux mas-sess assenjat mat-twelid, ir-riassenjament tas-sess jew l-omosesswalità.

Fil-15 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta’ ksur kontra l-Ungerija fir-rigward tal-Liġi LXXIX tal-2021.

Peress li qieset li r-risposta pprovduta mill-Ungerija ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni għaddiet għall-fażi segwenti tal-proċeduri ta’ ksur u, fit-2 ta’ Diċembru 2021, bagħtet lill-Ungerija opinjoni motivata.

Peress li qieset li r-risposta għall-opinjoni motivata kienet hija wkoll mhux sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja għal dikjarazzjoni li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 3(1), 6a(1), and 9(1)(c)(ii) tad-Direttiva 2010/13/UE dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31/KE dwar il-Kummerċ Elettroniku, l-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-Servizzi fis-Suq Intern, l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-Protezzjoni tad-Data, l-Artikolu 56 TFUE, l-Artikoli 1, 7, 8(2), 11 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 2 TUE.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.

(2)  ĠU 2006 L 376, p. 36.

(3)  ĠU 2010 L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15.


Top