Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0541

Kawża T-541/08: Rikors ippreżentat fil- 15 ta' Diċembru 2008 — Sasol et. vs Il-Kummissjoni

ĠU C 44, 21.2.2009, pp. 57–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/57


Rikors ippreżentat fil-15 ta' Diċembru 2008 — Sasol et. vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-541/08)

(2009/C 44/99)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Sasol Ltd (Johannesburg, l-Afrika t'Isfel), Sasol Holding in Germany GmbH (Ħamburg, il-Ġermanja), Sasol Wax International AG (Ħamburg, il-Ġermanja), Sasol Wax GmbH (Ħamburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: W. Bosch, U. Denzel, C. von Köckritz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta fuq Sasol Limited, Sasol Holding in Germany GmbH, Sasol Wax International AG u Sasol Wax GmbH skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali tar-rikorrenti u spejjeż oħra relatati.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż biex jinkiseb l-annullament parzjali, skont l-Artikolu 230 KE, tad- Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta' Ottubru 2008, dwar proċedura taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-Każ COMP/39.181 — Xama' tax-xemgħat, f'isem ir-rikorrenti.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni sabet li numru ta' produtturi tax-xama' bajda u tax-xama' mhux raffinata (slack) iffurmaw kartell mill-1992 sal-2005 fejn kienu regolarment iżommu laqgħat sabiex jiddiskutu prezzijiet, sabiex jassenjaw swieq u/jew klijenti u sabiex jaqsmu informazzjoni kummerċjali sensittiva fir-rigward tax-xama' bajda u x-xama' mhux raffinata mibjugħin lill-konsumaturi finali fil-Ġermanja.

Ir-rikorrenti jibbażaw ir-rikors tagħhom fuq is-segwenti motivi u argumenti prinċipali:

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta żammet lil Sasol Limited (il-kumpannija parent tal-grupp Sasol), Sasol Holding in Germany u Sasol Wax International AG responsabbli għall-“perijodu ta' impriża konġunta” (1 ta' Mejju 1995 sat-30 ta' Ġunju 2002). Ir-rikorrenti jsostnu li l-preżunzjoni tal-Kummissjoni li Sasol Limited (permezz tas-sussidjarja tagħha Sasol Holding in Germany) influwenzat b'mod deċiżiv lil Schümann Sasol International AG tammonta għal żball manifest ta' evalwazzjoni tal-provi disponibbli għall-Kummissjoni.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni għamlet żball ukoll meta kkunisdrat lil Sasol Limited, Sasol Holding in Germany u Sasol Wax International AG responsabbli għall-“perijodu Sasol” mill-1 ta' Lulju 2002 sat-28 ta' April 2005. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-Kummissjoni applikat in-norma legali l-ħażina u injorat il-provi mressqa minn Sasol (1) li wrew li Sasol Wax kienet aġixxiet b'mod awtonomu fis-suq, u b'hekk ikkonfutaw kwalunkwe preżunzjoni ta' responsabbiltà bħala kumpannija parent.

Barra minn hekk, ġie sostnut li l-Kummissjoni għamlet żball meta ma kkunsidratx lil VARA responsabbli in solidum għall-“perijodu Schümann” (mit-3 ta' Settembru 1992 sat-30 ta' April 1995). Minflok ma żammet lil VARA (2) responsabbli, li kkontrollat l-entità li kienet qed tipparteċipa fil-ksur, il-Kummissjoni tefgħet ir-responsabbiltà komprensiva esklużivament fuq Sasol u b'hekk ippreġudikat rimedji possibbli għal Sasol kontra VARA.

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti oħrajn meta stabbiliet l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Sasol billi eżaġerat b'mod żbaljat id-dħul mill-bejgħ li kellu jiġi kkunsidrat u billi inkludiet dħul mill-bejgħ ta' prodotti li l-ksur ma kienx jirrelata magħhom direttament jew indirettament skont is-sens tal-Artikolu 23(2)(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (3). Il-Kummissjoni wettqet ukoll żball ta' liġi meta għażlet il-metodoloġija żbaljata sabiex tistabbilixxi l-ammont bażiku li għandu jiġi applikat f'każijiet fejn id-deċiżjoni dwar il-multa hija indirizzata lil indirizzi differenti għal perijodi differenti tal-ksur.

Barra minn hekk, ġie sostnut li l-Kummissjoni għamlet żball meta assumiet li Sasol hija leader fir-rigward ta' xama' bajda u b'mod żbaljat żiedet il-multa li kellha tinħareġ kontra Sasol b'ammont eċċessiv u sproporzjonat ta' 50 %.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni naqset b'mod żbaljat milli tapplika l-limitu ta' 10 % impost fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u kisret il-prinċipju ta' responsabbiltà legali individwali billi ma llimitatx il-multa li kellha tinħareġ għal dan il-perijodu għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tas-Sur Schümann, li, skont ir-rikorrenti kien jikkontrolla l-kumpannija li kienet involuta direttament fil-ksur.

Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta ma tatx immunità sħiħa lil Sasol fir-rigward ta' ċerti partijiet mill-multa li għaliha l-Kummissjoni iddependiet primarjament fuq provi pprovduti b'mod volontarju minn Sasol bħala parti mill-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni.


(1)  Sakemm ma jkunx ġie speċifikat mod ieħor, tirreferi għall-kumpanniji tal-Grupp Sasol allegatament involuta fil-kartell.

(2)  Imsieħba tal-impriża konġunta Schümann Sasol International AG, flimkien ma' Sasol Ltd li indirettament akkwistat żewġ terzi ta' Hans-Otto Schümann GmbH & Co KG.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1).


Top