Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1079

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1079 tat-30 ta' Lulju 2018 dwar l-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni tal-Bacillus subtilis DSM 28343 bħala addittiv fl-għalf għall-ħnienes miftuma (detentur tal-awtorizzazzjoni Lactosan GmbH & Co. KG) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/4912

    ĠU L 194, 31.7.2018, p. 131–133 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1079/oj

    31.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 194/131


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1079

    tat-30 ta' Lulju 2018

    dwar l-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni tal-Bacillus subtilis DSM 28343 bħala addittiv fl-għalf għall-ħnienes miftuma (detentur tal-awtorizzazzjoni Lactosan GmbH & Co. KG)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta' addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni.

    (2)

    Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni tal-Bacillus subtilis DSM 28343. Mal-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (3)

    Dik l-applikazzjoni tirrigwarda l-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni tal-Bacillus subtilis DSM 28343 bħala addittiv fl-għalf għall-ħnienes miftuma sabiex ikun kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi”.

    (4)

    Il-preparazzjoni tal-Bacillus subtilis DSM 28343, li tinsab fil-kategorija tal-addittivi “addittivi zootekniċi”, ġiet awtorizzata għal għaxar snin bħala addittiv fl-għalf tat-tiġieġ għas-simna bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/187 (2).

    (5)

    Fl-opinjoni tagħha tas-6 ta' Marzu 2018 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti, il-preparazzjoni tal-Bacillus subtilis DSM 28343 ma tħallix effett negattiv fuq is-saħħa tal-annimali, fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent, u li għandha l-potenzjal li żżid il-piż, iż-żieda fil-piż jew il-proporzjon tal-għalf maż-żieda fil-piż tal-ħnienes miftuma. L-Awtorità ma tqisx li hemm bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi għas-sorveljanza ta' wara t-tqegħid fis-suq. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta' analiżi tal-addittiv fl-għalf, fl-għalf li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta' Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (6)

    Il-valutazzjoni tal-preparazzjoni tal-Bacillus subtilis DSM 28343 turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant jenħtieġ li l-użu ta' din il-preparazzjoni jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u mill-grupp funzjonali “stabbilizzanti għall-batterja li jkun hemm fil-musrana”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Lulju 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/187 tat-2 ta' Frar 2017 dwar l-awtorizzazzjoni ta' preparat ta' Bacillus subtilis (DSM 28343) bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna (detentur tal-awtorizzazzjoni Lactosan GmbH & Co. KG) (ĠU L 29, 3.2.2017, p. 35).

    (3)  EFSA Journal 2018;16(3):5221.


    ANNESS

    Numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv

    Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

    Addittiv

    Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

    Speċi jew kategorija tal-annimal

    Età massima

    Kontenut minimu

    Kontenut massimu

    Dispożizzjonijiet oħra

    Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

    CFU/kg ta' għalf sħiħ b'kontenut ta' ndewwa ta' 12 %

    Kategorija ta' addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: stabbilizzanti għall-batterja li jkun hemm fil-musrana

    4b1825

    Lactosan GmbH & Co. KG

    Bacillus subtilis

    DSM 28343

    Kompożizzjoni tal-addittiv

    Preparazzjoni tal-Bacillus subtilis (DSM 28343) li fiha minimu ta' 1 × 1010 CFU/g ta' addittiv

    Għamla solida

    Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

    Spori Vijabbli tal-Bacillus subtilis DSM 28343

    Metodu analitiku  (1)

    Għall-identifikazzjoni tal-Bacillus subtilis DSM 28343 fl-addittiv tal-għalf, fit-taħlitiet lesti minn qabel u fl-għalf:

    Identifikazzjoni: Elettroforeżi bil-Ġell f'Kamp Pulsat (PFGE)

    Għall-enumerazzjoni tal-Bacillus subtilis DSM 28343 fl-addittiv tal-għalf, fit-taħlitiet lesti minn qabel u fl-għalf:

    Enumerazzjoni: Il-metodu tat-tifrix bl-użu tal-agar tat-triptonju tas-soja - EN 15784

    Ħnienes (miftuma)

    1 × 109

    1.

    Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħażna u l-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

    2.

    Għall-użu fi ħnienes miftuma li jiżnu sa 35 kg tal-piż tal-ġisem.

    3.

    Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi xierqa biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali tal-użu tiegħu. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew imnaqqsa għal-livell minimu bi proċeduri u miżuri ta' dan it-tip, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b'tagħmir ta' protezzjoni personali.

    20.8.2028


    (1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


    Top