EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0465

Kawża C-465/16 P: Appell ippreżentat fl-20 ta’ Awwissu 2016 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fid-9 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-276/13, Growth Energy and Renewable Fuels Association vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

ĠU C 402, 31.10.2016, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 402/21


Appell ippreżentat fl-20 ta’ Awwissu 2016 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fid-9 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-276/13, Growth Energy and Renewable Fuels Association vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-465/16 P)

(2016/C 402/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: S. Boelaert, aġent, N. Tuominen, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Growth Energy, Renewable Fuels Association, Il-Kummissjoni Ewropea, ePURE, de Europese Producenten Unie van Hernieuwbare Ethanol

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Ġunju 2016, innotifikata lill-Kunsill fl-10 ta’ Ġunju 2016, fil-Kawża T-276/13, Growth Energy and Renewable Fuels Association vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza ppreżentat mill-Growth Energy and Renewable Fuels Association għall-annullament tar-regolament ikkontestat (1);

tikkundanna lill-Growth Energy and Renewable Fuels Association għall-ispejjeż tal-Kunsill relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

Sussidjarjament,

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid;

tirriżerva l-ispejjeż relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell fil-każ li l-kawża tintbgħat lura lill-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan l-appell, il-Kunsill jitlob li s-sentenza appellata tiġi annullata għall-motivi sussegwenti:

Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tar-rikors u, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tagħha dwar l-interess dirett u individwali tar-rikorrenti huma żbaljati fid-dritt.

a.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tqis li, sabiex jiġi kkonstatat interess dirett, huwa biżżejjed li l-erba’ produtturi fil-kampjun Amerikani tal-bijoetanol ikunu produtturi tal-bijoetanol. Madankollu, din il-konstatazzjoni dwar l-effett dirett ma tistax tiġi kkonċiljata mal-ġurisprudenza stabbilita li tiċħad l-eżistenza ta’ effett dirett ibbażat fuq konsegwenzi purament ekonomiċi.

b.

It-tieni nett, ma huwiex ċar kif is-sempliċi fatt li l-produtturi Amerikani biegħu l-bijoetanol tagħhom lil operaturi tas-suq/blenders nazzjonali, li, sussegwentement, biegħu dan il-bijoetanol fis-suq intern jew esportawh lejn l-Unjoni f’kwantitajiet kbar qabel l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping, jista’ sostanzjalment jaffettwa l-pożizzjoni tagħhom fis-suq. Sabiex jintwera li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija sostanzjalment affettwata mill-impożizzjoni ta’ dazji antidumping, kien ikun neċessarju, għall-inqas, li r-rikorrenti jistabbilixxu l-impatt tad-dazji antidumping fuq il-livell tal-importazzjonijiet fl-Unjoni wara l-impożizzjoni tad-dazji antidumping. Issa, ir-rikorrenti ma pprovdew ebda informazzjoni f’dan ir-rigward u s-sentenza appellata lanqas ma tinkludi ebda konstatazzjoni dwar dan il-punt. Għaldaqstant, is-sentenza appellata hija vvizzjata kemm bi żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kriterju relattiv għall-interess individwali kif ukoll b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

Fir-rigward tal-fondatezza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-regolament bażiku (2) u żewġ żbalji ta’ liġi oħra fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tad-WTO.

a.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-regolament bażiku billi qieset li l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku huwa intiż li jimplementa kemm l-Artikolu 9.2 kif ukoll l-Artikolu 6.10 tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi doganali u l-kummerċ tal-1994 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping tad-WTO”). Minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku, din l-aħħar dispożizzjoni ma tittrattax il-kwistjoni tat-teħid ta’ kampjuni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6.10 tal-Ftehim antidumping tad-WTO huwa implementat permezz tal-Artikolu 17 u tal-Artikolu 9(6), u mhux permezz tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku.

b.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kelma “fornitur” li tinsab fl-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku u fl-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping tad-WTO. Mil-loġika u mill-istruttura tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku jirriżulta li biss “għejun […] li jinstab li kien l-oġġett ta’ dumping u li kkawża l-ħsara” jista’ jkun fornitur. Madankollu, peress li l-produtturi Amerikani ma kellhomx prezz ta’ esportazzjoni, huma ma setgħux jiġu akkużati b’dumping. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkwalifikathom bħala “fornituri” fis-sens tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku u tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping tad-WTO.

c.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kliem “mhux prattikabbli” li jinsab fl-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku u fl-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping tad-WTO billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku fid-dawl tal-Artikolu 6.10 tal-Ftehim antidumping tad-WTO kif ukoll fuq ir-rapport tal-organu ta’ appell fil-kawża “elementi ta’ twaħħil” (3). Dan ir-rapport jirrigwarda biss l-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping tad-WTO u għaldaqstant l-analiżi tiegħu tal-kliem “mhux prattikabbli” tirrigwarda biss is-sitwazzjoni u t-trattament li l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku jipprevedi għal esportaturi f’pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, l-organu ta’ appell ma pprovdiex interpretazzjoni tal-kliem “mhux prattikabbli” li tista’ tiġi applikata għal dawn il-proċeduri, li ma jikkonċernawx esportaturi ta’ pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali għamlet konstatazzjonijiet ta’ fatt sostanzjalment inkorretti meta kkonkludiet li l-kalkolu tad-dazji individwali kien “prattikabbli”. F’sitwazzjoni li fiha l-produtturi tal-bijoetanol ma għandhomx prezz ta’ esportazzjoni, iżda għandhom biss prezz nazzjonali, huwa bla dubju ta’ xejn mhux prattikabbli u impossibbli li jiġi stabbilit marġni ta’ dumping individwali, u l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi marġni ta’ dumping wieħed fuq livell nazzjonali.


(1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 157/2013, tat- 18 ta’ Frar 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 49, p. 10).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).

(3)  Komunitajiet Ewropej – Miżuri antidumping definittivi li jikkonċernaw lil xi elementi ta’ twaħħil tal-ħadid jew tal-azzar provenjenti miċ-Ċina – AB-2011-2- Rapport tal-organu ta’ appell, WT/DS397/AB/R (“KE – elementi ta’ twaħħil, WT/DS397/AB/R”).


Top