Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0336

    Ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd - Komunikazzjoni Ġenerali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta' Settembru 2012 dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd – Komunikazzjoni Ġenerali (2011/2290(INI))

    ĠU C 353E, 3.12.2013, p. 104–116 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 353/104


    L-Erbgħa 12 ta’ Settembru 2012
    Ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd - Komunikazzjoni Ġenerali

    P7_TA(2012)0336

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2012 dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd – Komunikazzjoni Ġenerali (2011/2290(INI))

    2013/C 353 E/13

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Ftehim tal-1995 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokk ta’ Ħut li hu Komuni f’Aktar minn Żona Waħda u Stokk ta’ Ħut li hu Migratorju Ħafna (“Il-Ftehim ta’ New York” tal-4 ta’ Awwissu 1995),

    wara li kkunsidra l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO għas-Sajd Responsabbli, adottata fil-31 ta’ Ottubru 1995,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2002 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-Politika Komuni tas-Sajd (1),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni li saret fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar mis-26 ta’ Awwissu sal-4 ta’ Settembru 2002 f’Johannesburg,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (2),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “It-twettiq tas-sostenibilità tas-sajd fl-UE permezz tar-rendiment massimu sostenibbli” (COM(2006)0360) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-6 ta' Settembru 2007 dwar it-twettiq tas-sostenibilità tas-sajd fl-UE abbażi tal-ogħla rendiment sostenibbli (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2007 dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq fis-settur tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (4),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u jiġi eliminat ir-rimi lura ta' ħut fis-sajd Ewropew” (COM(2007)0136) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-31 ta’ Jannar 2008 dwar politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u jiġi eliminat ir-rimi lura ta’ ħut fis-sajd Ewropew (5),

    wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 12/2011 mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat "Il-miżuri tal-UE kkontribwixxew għall-adattament tal-kapaċità tal-flotot tas-sajd għal opportunitajiet ta' sajd disponibbli?",

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (6),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-PKS fl-implimentazzjoni tal-approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tal-ibħra (COM(2008)0187) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta’ Jannar 2009 dwar il-PKS u l-approċċ tal-ekosistema għat-treġija tas-sajd (7),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Settembru 2008 intitolata 'Strateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima: Qafas koerenti ta' Żona Ewropea ta' Riċerka b'appoġġ ta' użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra' (COM(2008)0534) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Frar 2009 dwar ir-riċerka applikata li jkollha x’taqsam mal-politika komuni tas-sajd (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009 dwar 'Il-Governanza fil-PKS: il-Parlament Ewropew, il-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali u atturi oħra' (9),

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar ir-rwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona (10),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu, "Il-bini ta' futur sostenibbli għall-akkwakultura - Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea" (COM(2009)0162),

    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-22 ta’ April 2009 dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2009)0163),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Frar 2010 dwar il-Green Paper dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (11),

    wara li kkunsidra l-objettiv Nru 6 ta’ Aichi tal-Protokoll ta’ Nagoya, ippubblikat wara s-Samit ta’ Nagoya dwar il-Bijodiversità, li sar bejn it-18 u d-29 ta’ Ottubru 2010,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2011)0425) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-proposta (SEC(2011)0891),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu, “Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd” (COM(2011)0417),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (COM(2011)0804),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura (COM(2011)0416),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2011)0424),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Obbligi tar-Rappurtar skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (COM(2011)0418),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2012 dwar il-kontribut tal-politika komuni tas-sajd għall-produzzjoni ta’ beni pubbliċi (12),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar il-kriżi fis-settur Ewropew tas-sajd minħabba ż-żieda fil-prezz taż-żejt (13),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata ‘Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp kif ukoll tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0253/2012),

    A.

    billi din hija l-ewwel darba fl-istorja tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) li l-Parlament qed jaġixxi bħala koleġiżlatur fit-twaqqif ta’ PKS riformata;

    B.

    billi l-industrija tas-sajd hija ta’ importanza strateġika f’termini tal-provvista pubblika tal-ħut u l-bilanċ tal-ikel f’diversi Stati Membri u fl-Unjoni Ewropea stess, u billi din tikkontribwixxi b’mod konsiderevoli għall-benessri soċjoekonomiku fil-komunitajiet kostali, l-iżvilupp lokali, l-impjiegi, il-preservazzjoni u l-ħolqien tal-attivitajiet ekonomiċi upstream u downstream u l-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali lokali;

    C.

    billi, minkejja ċerta progress li sar wara r-reviżjoni fl-2002, il-komunikazzjoni attwali tfakkar li l-PKS preċedenti naqset milli tilħaq uħud mill-objettivi ewlenin: sar sajd żejjed f’ħafna stokkijiet; is-sitwazzjoni ekonomika ta’ partijiet mill-flotta tal-UE hija fraġli minkejja s-sussidji; l-impjiegi fis-settur tas-sajd qed jintilfu u m'għadhomx attraenti, speċjalment għaż-żgħażagħ li jibdew jaħdmu f'dan is-settur, u s-sitwazzjoni ta’ ħafna komunitajiet kostali li jiddependu fuq is-sajd u l-akkwakultura hija prekarja;

    D.

    billi l-PKS preċedenti kellha madanakollu xi impatti pożittivi għaliex ippermettiet l-irkupru ta’ xi stokkijiet u l-ħolqien tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs);

    E.

    billi huwa essenzjali li l-politika komuni tas-sajd (PKS) issegwi approċċ għas-settur tas-sajd li jqis il-livelli ekoloġiċi, u d-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali (it-tliet pilastri tar-riforma PKS) sabiex dejjem ikun hemm kompromess bejn l-istat ta’ riżorsi eżistenti fid-diversi żoni marittimi u l-protezzjoni tan-nisġa soċjoekonomika tal-komunitajiet kostali li jiddependu fuq sajd qrib il-kosta biex jiggarantixxu l-impjiegi u l-prosperità;

    F.

    billi l-Unjoni Ewropea tirrappreżenta madwar 4,6 % tas-sajd globali u l-produzzjoni tal-akkwakultura, li jagħmilha r-raba’ l-akbar produttur fid-dinja; billi, madankollu, l-UE timporta iktar minn 60 % tal-ħut li tikkonsma;

    G.

    billi, minkejja n-nuqqas rikonoxxut ta' data xjentifika, il-Kummissjoni tikkalkula li 75 % tal-istokkijiet tal-ħut tal-UE huma sfruttati żżejjed, li aktar minn 60 % tal-istokkijiet fl-ilmijiet Ewropej huma mistada lil hinn mir-rendiment massimu sostenibbli (MSY), u li l-UE qed titlef madwar EUR 1.8 biljun fis-sena fi dħul potenzjali minħabba l-falliment tagħha li tamministra s-sajd b’mod sostenibbli;

    H.

    billi minkejja li ċerti industriji tas-sajd tal-UE huma akkreditati bħala sostenibbli li juri li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet governattivi, l-industrija tas-sajd u partijiet interessati oħra tista’ tikseb riżultati sodisfaċenti;

    I.

    billi, skont il-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill qabżu r-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi b’medja ta’ 47 % mill-2003, u attwalment 63 % tal-istokkijiet stmati fl-Atlantiku huma mistada żżejjed, bħalma huma 82 % ta’ dawk fil-Mediterran u 4 minn 6 ta’ dawk fil-Baltiku;

    J.

    billi, għalkemm l-industrija tas-sajd tal-UE tilfet 30 % tal-impjiegi tagħha bejn l-2002 u l-2007 minħabba l-istat ħażin tal-istokkijiet tal-ħut, l-inżul fil-prezzijiet ikkawżat minn importazzjonijiet irħas, u l-avvanzi teknoloġiċi, is-settur tas-sajd (inkluż l-akkwakultura) xorta hu stmat li ġġenera EUR 34.2 biljun fi qligħ annwali f'dak il-perjodu, u joħloq aktar minn 350 000 impjieg kemm upstream kif ukoll downstream fis-setturi tas-sajd, tal-ipproċessar tal-ħut u tat-tqegħid fis-suq, b’mod partikolari fiż-żoni kostali, ir-reġjuni mbiegħda u l-gżejjer, fejn qed jipproduċi 'prodotti għall-pubbliku' li għadhom mhux qed jiġu kkunsidrati; billi, minkejja t-telf tal-impjiegi, il-kapaċità tal-flotta tas-sajd żdiedet sew minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi;

    K.

    billi d-data disponibbli dwar il-kapaċità tal-flotta tas-sajd Ewropea mhix affidabbli minħabba li ma ġewx ikkunsidrati l-iżviluppi teknoloġiċi u l-Istati Membri qed jonqsu milli jirrappurtaw data preċiża dwar il-kapaċitajiet tal-flotta;

    L.

    billi d-dħul u l-pagi tan-nies li jaħdmu fl-industrija tas-sajd mhumiex siguri minħabba l-mod li bih jiġi kkumerċjalizzat is-sajd, il-mod li bih jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-ewwel bejgħ u l-karatteristiċi irregolari tas-sajd, li jfisser li hemm bżonn li jinżamm finanzjament pubbliku nazzjonali u tal-UE xieraq għal dan is-settur;

    M.

    billi l-flotot artiġjanali u dawk fuq skala żgħira, fuq naħa, inkluż dawk involuti f'sajd għall-molluski u attivitajiet oħra tradizzjonali u estensivi tal-akwakultura, u flotot ta' skala ikbar ta' natura industrijali, fuq l-oħra għandhom karatteristiċi differenti ferm, kif fil-fatt għandhom flotot f'partijiet differenti tal-UE irrispettivament mid-daqs tal-bastiment; billi, għaldaqstant strumenti u problemi ta’ ġestjoni xierqa ma jistgħux jiġu inkorporati f’mudell uniformi, u għalhekk flotot differenti għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti;

    N.

    billi r-riforma tal-PKS għandha tiżgura s-sopravivenza u l-prosperità futura tal-flotot tas-sajd artiġjanali u fuq skala żgħira kif ukoll dawk taż-żoni kostali, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda, li jiddependu ferm fuq is-sajd u li jistgħu jeħtieġu appoġġ soċjoekonomiku tranżitorju skont il-PKS il-ġdida, mingħajr ma jżidu l-kapaċità totali tal-flotta;

    O.

    billi huwa meħtieġ li r-rappreżentanti tas-setturi tal-flotot industrijali u ta’ skala żgħira u tal-akkwakultura jkunu involuti fid-definizzjoni u l-iżvilupp tal-PKS il-ġdida;

    P.

    billi n-nisa għandhom rwol fundamentali fis-settur tal-ipproċessar u l-akkwakultura, fl-eżerċizzju tal-kompiti anċillari ta’ ġestjoni u dawk amministrattivi, kif ukoll fil-ġbir tal-molluski; billi dawn huma wkoll, għalkemm fuq skala iżgħar, attivi fis-settur tal-qbid; billi, madankollu, il-kontribut importanti tagħhom ħafna drabi ma jiġix rikonoxxut u ppremjat kif xieraq;

    Q.

    billi t-Trattat ta' Lisbona jitlob li niżguraw koerenza fil-politiki tal-Unjoni, inkluż fir-riforma tal-PKS;

    R.

    billi l-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura għandhom rwol sinifikanti fid-dieta tal-bniedem, kemm fl-Ewropa u madwar id-dinja, bħala sors ta’ ikel bnin b’ħafna proteini;

    S.

    billi jeħtieġ li t-tfal tal-iskola jiġu mgħallma minn età żgħira dwar il-varjetà wiesgħa ta’ speċijiet ta’ ħut disponibbli u dwar l-istaġuni ta’ dawn l-ispeċijiet;

    T.

    billi jeħtieġ li l-konsumaturi jiġu infurmati b’mod kontinwu bil-varjetà wiesgħa ta’ speċijiet disponibbli, sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq ċerti stokkijiet;

    U.

    billi l-PKS għandha tkun responsabbli għall-finanzjament tal-ispejjeż tagħha, b'mod partikolari d-deċiżjonijiet u l-miżuri adottati skont il-parametri tagħha;

    GĦANIJIET TAR-RIFORMA

    Is-sostenibbiltà ambjentali

    Miżuri għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar

    1.

    Iqis li l-objettiv ewlieni ta’ kwalunkwe politika tas-sajd huwa li jiżgura l-provvista tal-ħut lill-pubbliku u l-iżvilupp tal-komunitajiet kostali, il-promozzjoni tal-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-professjonisti tas-sajd, f'qafas li jiggarantixxi s-sostenibbiltà u l-konservazzjoni tajba tar-riżorsi;

    2.

    Iqis li l-politika komuni tas-sajd (is-settur tal-sajd estrattiv u l-akkwakultura) teħtieġ riforma profonda u ambizzjuża jekk l-UE trid tiżgura s-sostenibbiltà fuq perjodu twil, li huwa prerekwiżit sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika u soċjali tas-settur tas-sajd tal-UE; isostni li l-politika riformata għandha tiġi koordinata iktar mill-qrib ma’ politiki Ewropej oħra bħall-politika ta’ koeżjoni, il-politika dwar l-ambjent, il-politika agrikola u l-politika esterna, u li l-ftehimiet internazzjonali fil-ġejjieni dwar is-sajd sostenibbli għandhom ikunu konsistenti magħha; ifakkar f'dan ir-rigward, f'l-importanza ta’ strumenti bħall-politika marittima integrata jew l-approċċ makro-reġjonali li jistgħu joffru livell ta’ integrazzjoni iktar mill-qrib;

    3.

    Jenfasizza li kwalunkwe politika tas-sajd għandha tqis varjetà ta’ dimensjonijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi li jirrikjedu approċċ integrat u bbilanċjat li jkun inkompatibbli ma’ viżjoni li toħloq ġerarkija bbażata fuq definizzjonijiet ta’ prijoritajiet a priori;

    4.

    Jenfasizza li s-settur tas-sajd estrattiv u tal-akwakultura tal-UE, jekk ġestit sew fuq il-bażi ta' sostenibbiltà globali, jista' jagħti kontribut akbar għall-ħtiġijiet tas-soċjetà Ewropea f'termini ta' sigurtà u kwalità tal-ikel, impjiegi, ħarsien ambjentali u ż-żamma ta' sajd dinamiku u varjat kif ukoll tal-komunitajiet kostali;

    5.

    Jirrikonoxxi li s-sajd, għal diversi ġenerazzjonijiet, ipprovda impjiegi għal komunitajiet numerużi, ħafna drabi ekonomikament fraġli, madwar il-kosta Ewropea; iqis li dawn il-komunitajiet kollha, irrispettivament mid-daqs, għandhom jiġu mħarsa taħt il-politika tas-sajd Ewropea u li għandha tinżamm il-konnessjoni storika bejn il-komunitajiet u l-ilmijiet li fihom storikament stadu;

    6.

    Jemmen li, bl-applikazzjoni tal-kunċett tal-kundizzjonalità, għandhom jiġu offruti inċentivi lil dawk li jistadu, jew jiġbru l-molluski, li jużaw tagħmir tas-sajd u metodi ambjentalment sostenibbli, b'impatt baxx u selettiv, sabiex jiżguraw l-użu mifrux ta' dawn it-tipi ta' prattiki tas-sajd u l-iżvilupp sostenibbli tal-komunitajiet kostali; iqis li l-industrija tas-sajd għandu jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' metodi tas-sajd sostenibbli, u li l-inċentivi kollha għandhom ikunu offruti f'livell li jkun qrib tal-partijiet interessati u b'kooperazzjoni mas-sajjieda u ma' partijiet interessati oħra; jinnota li dan jinkludi l-għoti ta’ appoġġ għal ekotikketta volontarja tal-UE, li tista’ tiġi ddelegata lil korpi ta' ċertifikazzjoni eżistenti, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda u l-produtturi kemm barra minn kif ukoll ġewwa l-UE

    7.

    Jinsab konvint li r-riforma tal-PKS għandha tistabbilixxi l-istrumenti adattati u effettivi biex issostni l-ġestjoni tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistemi; jemmen, għalhekk, li l-pjanijiet ta’ ġestjoni multiannwali għandhom iqisu dan l-approċċ ekosistemiku; huwa tal-opinjoni li hemm bżonn li tintemm din is-sitwazzjoni ta’ impass istituzzjonali fir-rigward ta’ dawn il-pjanijiet ta’ ġestjoni multiannwali u li għandha tiġi applikata l-proċedura leġiżlattiva ordinarja; iqis, barra minn hekk, li s-setgħat mikroġestjonali għandhom jgħaddu għand l-Istati Membri li jikkooperaw fuq bażi reġjonali;

    8.

    Itenni li l-iżvilupp kollu fiż-żoni marittimi u kostali għandu jikkonforma mal-leġiżlazzjoni ambjentali bħad-direttiva Qafas dwar Strateġija Marittima u d-direttivi dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità, għaliex stat ambjentali tajjeb għandu jkun prerekwiżit għall-attivitajiet kollha fir-reġjuni marittimi u kostali;

    9.

    Jenfasizza li l-PKS għandha tapplika l-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd u tiżgura li l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jreġġa' lura u jżomm popolazzjonijiet tal-istokkijiet kollha ta' speċijiet mistada f'livelli viċin ta' dawk li jistgħu jagħtu rendiment massimu sostenibbli (MSY); jenfasizza li skeda ċara, inkluż skadenza finali, għandha tkun stabbiliti fir-regolament bażiku; jenfasizza li l-provvista ta' riżorsi ekonomiċi xierqa għall-implimentazzjoni tal-PKS hi meħtieġa biex gradwalment tnaqqas is-sajd eċċessiv fejn dan ikun ippruvat u tintlaħaq konservazzjoni sostenibbli tal-istokk, li tkun teħtieġ data xjentifika affidabbli;

    10.

    Jemmen li għandu jiġi implimentat immedjatament l-objettiv tal-Ogħla Rendiment Sostenibbli fuq il-bażi tal-mortalità tas-sajd (FMSY), peress li dan jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà tal-istokkijiet fid-direzzjoni t-tajba; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw dan l-objettiv b’mod operazzjonali, fuq il-bażi ta’ data xjentifika soda u b’kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi;

    11.

    Jenfasizza, madankollu, id-diffikultajiet involuti fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-MSY, b’mod partikolari fil-każ ta’ sajd imħallat jew fejn id-data xjentifika dwar l-istokkijiet tal-ħut ma tkunx disponibbli jew ma tkunx affidabbli; jitlob, għalhekk, għall-ammonti xierqa allokati għar-riċerka xjentifika u l-ġbir tad-data bl-għan li tkun implimentata politika tas-sajd sostenibbli;

    12.

    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi għat-twaqqif ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni fit-tul (LTMPs) għall-industriji tas-sajd kollha tal-UE ibbażati fuq approċċ ekosistemiku, b’għanijiet definiti b’mod ċar u fejn ir-regoli għall-kontroll tal-ġbir ikollhom rwol kruċjali f’kull pjan, u li fuq il-bażi tagħhom jiġu stabbiliti regoli għad-determinazzjoni tal-isforz annwali tal-industrija tas-sajd b’kunsiderazzjoni tad-differenza bejn id-daqs attwali tal-istokk u l-istruttura tal-industrija tas-sajd u l-għan tal-istokk fil-mira; iħeġġeġ lill-Kunsill, f’dan ir-rigward, sabiex isegwi l-objettivi tal-LTMPs mingħajr eċċezzjoni;

    13.

    Jenfasizza l-konnessjoni diretta bejn il-ħut mormi, il-qbid inċidentali mhux mixtieq u s-sajd żejjed, u jifhem il-motivazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-ħtieġa li tiġi żviluppata politika effiċjenti tal-abolizzjoni tar-rimi fuq livell tal-UE fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (CFCA) għandu jkollha setgħat akbar sabiex tiżgura sistema ġusta ta’ regoli u sanzjonijiet bi qbil mal-prinċipju tat-trattament indaqs;

    14.

    Jipproponi għalhekk li issir obbligatorja id-dokumentazzjoni komprensiva tal-kwantitajiet ta’ speċijiet li jinqabdu 'il fuq minn ċerta volum u li ma jitniżżlux l-art u dan sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tar-riċerka xjentifika u jkun jista’ jsir żvilupp ta’ tagħmir selettiv għall-bastimenti b'għarfien sħiħ tal-fatti;

    15.

    Jemmen li l-eliminazzjoni gradwali tar-rimi għandha tkun ibbażata fuq is-sajd u tiddependi fuq il-karatteristiċi u r-realtajiet tal-modalitajiet differenti tas-sajd, filwaqt li jiġi kkunsidrat li dan hu eħfef li jintlaħaq fuq sajd għal speċi waħda u li sajd imħallat jirrapreżenta diversi sfidi għal li jeħtieġ jiġu megħluba; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tas-sajjieda għandhom jingħataw kunsiderazzjoni u jkunu involuti b'mod attiv; jenfasizza li l-eliminazzjoni tar-rimi għandu jkun akkumpanjat minn miżuri tekniċi li jnaqqsu jew jeliminaw qbid inċidentali u minn inċentivi li jinkoraġġixxu prattiki ta' sajd selettiv; jemmen li għandha tingħata prijorità biex ikunu evitati qabdiet mhux mixtieqa qabel kollox, aktar milli kif dawn jiġu ġestiti; jinsab imħasseb, f'dan ir-rigward, dwar l-emerġenza ta' suq tar-rimi parallel li joħloq periklu għall-ekosistema u s-settur tas-sajd Ewropew; jenfasizza li għandhom ikunu provduti salvagwardji xierqa; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-partijiet interessati ikunu involuti u li jsir ippjanar bir-reqqa tal-obbligu tal-ħatt fuq l-art u tat-trattament li jsir wara, sabiex ma jkunx hemm bidla minn ħut mhux mixtieq fil-baħar għal ħut mhux mixtieq fuq l-art;

    16.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied ir-riċerka xjentifika u jkunu allokati fondi għaliha, flimkien mal-iżvilupp ta' tekniki u ta' tagħmir tas-sajd li jevitataw qabdiet mhux mixtieqa; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri suffiċjenti u xierqa u li tipprovdi lill-Istati Membri b'appoġġ finanzjarju għal dan il-għan; jenfasizza, għal dan il-għan, l-importanza li tiġi indirizzata l-ġestjoni ta’ sajd imħallat; jinnota li t-teknoloġija eżistenti għat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tar-rimi mhix daqstant effettiva għat-tipi kollha tas-sajd; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex tippromwovi sħubijiet bejn ix-xjentisti u s-sajjieda, tqis l-opinjonijiet tagħhom fit-tfassil tal-politiki tagħha, u tassisti lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ tekniki ġodda tas-sajd;

    17.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex immedjatament iwettqu 'proġetti pilota' bl-għan li jtejbu s-selettività tat-tagħmir;

    18.

    Jinnota d-diffikultà fl-applikazzjoni ta’ miżura għall-eliminazzjoni tar-rimi fil-każ ta’ sajd imħallat, inkluż, iżda mhux limitat, għall-Mediterran, minħabba l-eżistenza ta’ prattiki tas-sajd speċifiċi u kundizzjonijiet klimatiċi u ġeoloġiċi speċifiċi; jemmen li teħtieġ konsultazzjoni ulterjuri biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet marbuta mat-twaqqif tal-infrastruttura meħtieġa għall-ġbir u l-ipproċessar tal-qbid inċidentali kif propost mill-Kummissjoni; jitlob għal aktar miżuri li jnaqqsu l-qbid taż-żgħar u jiskoraġġixxu l-kummerċjalizzazzjoni taż-żgħar;

    19.

    Jistieden lill-Kummissjoni, bl-għan li tippreserva r-riżorsi ħajjin u tiżgura s-sostenibilità ambjentali fit-tul, tivvaluta l-possibilità li tistabbilixxi netwerk ta' żoni magħluqa fejn l-attivitajiet kollha tas-sajd ikunu pprojbiti għal perjodu partikolari ta' żmien sabiex tiżdied il-produttività tal-ħut u jiġu kkonservati r-riżorsi akwatiċi ħajjin u l-ekosistema tal-baħar;

    20.

    Jenfasizza l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, li f'termini ekonomiċi, soċjali u demografiċi huma ferm dipendenti fuq is-sajd (l-aktar fuq skala żgħira), u li huma mdawwra b'baħar fond; jemmen li jeħtieġ ikun ristrett l-aċċess għaż-żoni marittimi bijoġeografikament sensittivi tagħhom għal flotot lokali li jużaw tagħmir tas-sajd li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent;

    21.

    Jesprimi d-dubji tiegħu dwar il-proposti relatati mal-kummerċjalizzazzjoni tal-qbid inċidentali, u jenfasizza li, fil-każ li jiġu implimentati, għandhom jiġu pprovduti salvagwardji adegwati li jevitaw il-ħolqien ta’ suq parallel li paradossalment jista’ jinkoraġġixxi lis-sajjieda biex ikabbru l-qabdiet tagħhom;

    22.

    Jemmen li l-projbizzjoni tar-rimi għandha tkun introdotta gradwalment għal kull tip ta’ sajd, sabiex ikun aktar faċli li s-settur jadatta; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom ikunu involuti b’mod attiv fl-implimentazzjoni gradwali ta’ din il-projbizzjoni;

    23.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tassisti lill-Istati Membri jikkumpensaw għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi diversi tal-adozzjoni tal-projbizzjoni tar-rimi;

    24.

    Jenfasizza li l-introduzzjoni ta’ miżuri li gradwalment jeliminaw ir-rimi teħtieġ riforma radikali tas-sistema ta’ kontroll u infurzar; jitlob lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri f’dan ir-rigward, sabiex tiżgura li l-infurzar japplika fl-Istati kollha b’mod uniformi; jemmen li CFCA għandha tkun sostnuta kif xieraq, b'setgħat u risorsi suffiċjenti biex twettaq id-dmirijiet tagħha u b'hekk tassisti lill-Istati Membri fl-applikazzjoni tas-sistemi tagħhom ta' regoli u sanzjonijiet;

    25.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga t-tnaqqis tal-istokkijiet tal-ħut minn predaturi naturali bħalma huma l-bumerini, il-foki u l-marguni u fl-istess ħin biex b'kooperazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati tiżviluppa u ddaħħal fis-seħħ pjanijiet ta’ ġestjoni għar-regolazzjoni ta’ dawn il-popolazzjonijiet.

    26.

    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timplimenta programmi li jeduka lit-tfal tal-iskola u l-konsumaturi bl-istess mod dwar il-varjetà ta’ speċijiet disponibbli u dwar l-importanza li jiġi kkunsmat ħut li jiġi prodott b’mod sostenibbli;

    27.

    Ifakkar fl-obbligu, li hemm fit-Trattat ta’ Lisbona, li tiġi żgurata l-koerenza tal-politiki tal-Unjoni, anki fir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd.

    Monitoraġġ u ġbir ta’ data ta’ kwalità

    28.

    Jemmen li l-affidabbiltà u d-disponibbiltà tad-data xjentifika u l-valutazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku dwar l-istokkijiet differenti, fil-baċini differenti tal-baħar, u l-ekosistemi rispettivi tagħhom kif ukoll it-titjib u l-istandardizzazzjoni tal-mudelli applikati, għandhom ikunu fost l-akbar prijoritajiet tar-riforma; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ data xjentifika affidabbli u disponibbli meħtieġa għal parir xjentifiku sod;

    29.

    Jenfasizza li r-riċerka xjentifika dwar is-sajd hija għodda essenzjali għat-treġija tas-sajd li hija indispensabbli kemm biex jiġu identifikati l-fatturi li jinfluwenzaw l-iżvilupp tar-riżorsi tas-sajd, billi ssir evalwazzjoni kwantittativa u billi jiġu żviluppati mudelli li bihom ikun jista' jitbassar l-iżvilupp tagħhom, kif wkoll biex jittejbu t-tagħmir tas-sajd, il-bastimenti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-sikurezza għas-sajjieda, flimkien mal-għerf u l-esperjenza tagħhom;

    30.

    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti, armonizzati fuq livell tal-UE, dwar ġbir effettiv tad-data ta' kwalità għax-xjentisti; iħeġġiġha, fl-istess ħin, biex tistabbilixxi qafas għat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ data u biex toħroġ b’mudelli xjentifiċi li fuqhom tkun tista’ tibbaża ġestjoni tas-sajd ta’ ħafna speċi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti s-sajjieda, kif ukoll il-partijiet interessati kollha, flimkien max-xjentisti sabiex dawn jikkontribwixxu għall-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni u l-iżvilupp attiv ta’ sħubiji ta’ riċerka;

    31.

    Jinnota li r-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta' data xjentifika bażika dwar il-maġġoranza tal-istokk huma rrapurtar b'mod inadegwat mill-Istati Membri, in-nuqqas ta' fondi adegwati, u riżorsi umani u tekniċi limitati fl-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni sabiex, f'dan ir-rigward, tistabbilixxi sistema fejn l-Istati Membri li ma jissodisfawx l-obbligi tal-ġbir u t-trażmissjoni tad-data tagħhom jiġu sanzjonati; jemmen li l-FEMS il-ġdid għandu jipprovdi lill-Istati Membri b'għajnuna teknika u finanzjarja, jekk meħtieġ, għall-ġbir u l-analiżi ta' data affidabbli, u li għandhom ikunu allokati riżorsi finanzjari adegwati għar-riċerka xjentifika relevanti fl-Istati Membri;

    32.

    Jinnota li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-finanzjament tal-akkwist, l-ipproċessar u d-disponibbiltà tad-data xjentifika, li jiffavorixxu ġestjoni bbażata fuq l-għarfien, preżentement ma teċċedix il-50 %; jitlob, għaldaqstant, għal sforz akbar mill-Unjoni f’dan il-qasam;

    33.

    Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi definizzjoni ta’ kapaċità żejda fil-livell tal-UE li takkomoda d-definizzjonijiet reġjonali, u li tikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi lokali; jitlob ukoll lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi mill-ġdid il-kapaċità tas-sajd b’tali mod li kemm il-kapaċità tas-sajd tal-bastiment kif ukoll l-isforz tas-sajd attwali tiegħu jittieħdu bħala bażi; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jkun definit is-sajd fuq skala żgħira sabiex dan ikun separat mis-sajd industrijali;

    Sostenibbiltà soċjoekonomika

    34.

    Iqis li r-riżorsi marittimi ħajjin huma ġid pubbliku komuni li ma jistax jiġi privatizzat; jirrifjuta l-ħolqien ta’ drittijiet ta’ proprjetà privata li jagħtu aċċess għall-isfruttament ta’ dan il-ġid pubbliku;

    35.

    Jinnota li l-proposta li hemm fir-regolament bażiku li tintroduċi 'konċessjoni tas-sajd trasferibbli' (TFCs), bħala l-mezz uniku li jsolvi l-problema ta' kapaċità żejda, tista' tiġġenera prattiki antikompetittivi, spekulattivi u ta' konċentrazzjoni, u jemmen għalhekk li din għandha tkun fuq bażi volontarja fin-natura u suġġett għad-deċiżjoni tal-Istati Membri, kif attwalment hu l-każ; jirrimarka li l-esperjenza diretta ta' xi Stati Membri li diġà introduċew sistemi TFC mingħajr restrizzjonijiet u salvagwardji effettiviti turi korrelazzjoni diretta bejn l-introduzzjoni tagħhom u żieda fil-konċentrazzjoni tad-drittijiet tas-sajd f'idejn ftit kummerċjanti, u sussegwentement żieda fil-prezzijiet tal-prodotti tas-sajd; jinnota li, għalkemm f'xi pajjiżi l-implimentazzjoni ta' din is-sistema kienet segwita minn tnaqqis fil-kapaċità tal-flotta, dan sar l-aktar għad-detriment ta' sajd kostali fuq skala żgħira u artiġjanali, li huma l-aktar setturi ta' flotot ambjentalment distruttivi, imma din hi l-aktar parti tal-industrija li ekonomikament qiegħda fil-periklu u dik li tipprovdi l-akbar numru ta' impjiegi u attività ekonomika fir-reġjuni kostali; ifakkar ukoll li tnaqqis fil-kapaċità tas-sajd ma jfissirx neċessarjament tnaqqis fl-attività tas-sajd, iżda biss il-konċentrazzjoni tal-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd minn operaturi li huma iżjed kompetittivi ekonomikament; jenfasizza li, jekk l-iskemi TFC ikunu introdotti, ikunu meħtieġa salvagwardji adegwati sabiex jipproteġu sajd fuq skala żgħira u kostali;

    36.

    Jemmen li għandu jingħata aċċess prijoritarju għal żoni tas-sajd lil dawk li jistadu b’mod soċjali u ambjentalment responsabbli; jirrimarka li tnaqqis fil-kapaċità ta' xi tipi ta' sajd jista' jintlaħaq mingħajr l-użu ta' TFCs; jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri l-aktar xierqa għaċ-ċirkustanzi tagħhom sabiex inaqqsu l-kapaċità fejn meħtieġ;

    37.

    Iqis li l-vijabbiltà ekonomika tas-settur tas-sajd hija affetwata, fost fatturi oħrajn, mill-volatilità fil-prezzijiet taż-żejt; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri adatti li jtejbu l-effiċjenza tal-fjuwils fis-settur tas-sajd u l-akwakultura mingħajr ma jżidu l-kapaċità tas-sajd, biex ittaffu s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli li jinsabu fiha s-sajjieda u dawk li jrabbu l-ħut Ewropej u biex tipproponi, f'dan ir-rigward, pjan ta' azzjoni għar-reġjuni kostali u l-gżejjer, b'mod partikolari r-reġjuni l-aktar imbiegħda;

    38.

    Ifakkar li l-oċeani tad-dinja, permezz tas-sajd, mhux biss jipprovdu nutrizzjoni, sigurtà tal-ikel u għajxien għal 500 miljun persuna madwar id-dinja u li tal-anqas 50 % tal-proteini mill-annimali għal 400 miljun persuna fl-ifqar pajjiżi, iżda huma wkoll ta’ importanza kruċjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, huma l-akbar bjar tal-karbonju fit-tul, jipprovdu t-trasport, u jospitaw il-ħabitats ta’ madwar 90 % tal-ħajja fid-dinja;

    39.

    Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa għal monitoraġġ u ċertifikazzjoni stretti ta’ prodotti tas-sajd li jidħlu fis-suq tal-Unjoni, inklużi importazzjonijiet, li jiġi żgurat li dawn joriġinaw minn sajd sostenibbli u li, fil-każ ta’ prodotti importati, dawn jilħqu l-istess rekwiżiti li għandhom jikkonformaw magħhom il-produtturi tal-Unjoni - pereżempju, fir-rigward tat-tikkettar, it-traċċabbiltà, ir-regolamenti fitosanitarji u d-daqsijiet minimi;

    Futur għall-impjiegi fl-industrija tas-sajd u l-akkwakultura

    40.

    Jemmen bis-sħiħ li l-PKS riformata m’għandhiex titneħħa mill-kuntest soċjoekonomiku u ambjentali li tinsab fih; iqis li s-sajd u s-setturi estensivi tal-akkwakultura għandhom jitqiesu bħala sorsi importanti diretti u indiretti għall-ħolqien tal-impjiegi li jagħtu vitalità lir-reġjuni marittimi tagħna u huma l-qafas tal-ekonomija ta' dawn ir-reġjuni, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għas-sigurtà alimentari fl-UE; jemmen, għal dan il-għan,li l-PKS għandha tikkontribwixxi biex jitjieb l-istandard tal-għajxien tal-komunitajiet li jiddependu mis-sajd, billi tipprovdi kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għas-sajjieda, b’mod partikolari permezz tal-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà u tar-regoli stabbiliti mill-ftehimiet kollettivi tax-xogħol;

    41.

    Jinsab imħasseb li aktar minn 30 % tal-impjiegi ntilfu fis-settur tal-qbid f’dawn l-aħħar għaxar snin; iqis li t-tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut, in-nuqqas ta’ salarju minimu ggarantit, il-valur baxx tal-ewwel bejgħ, u l-kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli huma ostakli għat-tiġdid meħtieġ tar-riżorsi umani fis-settur;

    42.

    Jinnota b’sodisfazzjon li ċerti studji juru li jistgħu jinkisbu benefiċċji soċjali u ekonomiċi konsiderevoli jekk l-istokkijiet tal-ħut jitħallew jiżdiedu sakemm jilħqu livelli ’l fuq minn dawk li kapaċi jipproduċu MSY, inkluż iżjed impjiegi u qligħ;

    43.

    Iqis li s-settur tas-sajd jista' jibqa' sostenibbli jekk jinstab bilanċ bejn l-aspetti soċjoekonomiċi u dawk ambjentali, u jekk ikun hemm ħaddiema mħarrġa u b'ħiliet adegwati; jemmen li sabiex jinkiseb dan, jeħtieġ li l-karrieri fis-sajd isiru attraenti u l-istandards tal-kwalifiki u t-taħriġ jissodisfaw il-ħtiġijiet internazzjonali u Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi taħriġ xieraq u skemi edukattivi obbligatorji fl-aħjar prattika u l-bijoloġija marittima f’oqsma differenti tas-settur, peress li dan jista' jattira liż-żgħażagħ u jgħin biex jinħoloq sajd kompetittiv u sostenibbli u settur tal-akkwakultura sostenibbli; jemmen li għandu għandhom ikunu disponibbli pakketti tal-bidu li jiggarantixxu ġenerazzjoni ġdida ta’ sajjieda fis-settur tas-sajd fuq skala żgħira;

    44.

    Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal “Inizjattiva tat-‘Tkabbir Blu’ fuq it-tkabbir sostenibbli mill-oċeani, l-ibħra u l-kosti”; iqis li mobbiltà professjonali akbar fis-settur tas-sajd, id-diversifikazzjoni tal-impjiegi u l-identifikazzjoni ta’ għodod li jagħmluha possibbli li l-ħiliet, il-kwalifiki u l-programmi ta’ edukazzjoni jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-settur huma importanti għat-tkabbir tal-industriji marittimi, tas-sajd u l-akkwakultura;

    45.

    Iqis li r-rwol tan-nisa fis-settur tas-sajd għandu jingħata rikonoxximent legali u soċjali u kumpens ikbar; jinsisti li n-nisa fis-settur tas-sajd f’kull rispett għandu jkollhom l-istess drittijiet bħall-irġiel, pereżempju f’dak li jirrigwarda s-sħubija u l-eliġibbiltà fil-korpi governattivi tal-organizzazzjonijiet tas-sajd; iqis li l-konjuġi u l-imsieħba tul il-ħajja tas-sajjieda li jappoġġjaw l-impriża tal-familja għandhom de facto jingħataw status legali u benefiċċji soċjali ekwivalenti għal dawk tal-persuni bi status ta’ ħaddiema awtonomi, kif ipprovdut fid-Direttiva 2010/41/UE; iqis, barra minn hekk, li l-fondi tal-FES u tal-FEMS futur għandhom ikunu disponibbli għal taħriġ speċifikament maħsub għan-nisa li jaħdmu fis-settur tas-sajd;

    46.

    Jibża' li r-riforma tal-PKS tista, fin-nuqqas ta' miżuri adatti li jakkunpanjawha, twassal għal telfien ta' impjiegi fuq perjodu qasir, speċjalment fis-setturi tal-qbid u tal-ippakkjar fuq l-art, b'hekk jikkompromettu b'mod permanenti t-tkabbir fraġli tal-komunitajiet kostali u l-gżejjer, partikolarment fir-reġjuni l-aktar imbiegħda; jisħaq, f’dan ir-rigward, li hemm bżonn ta’ miżuri soċjoekonomiċi ta’ akkumpanjament, inklużi kooperazzjoni professjonali u pjan għall-impjiegi, sabiex jittaffew l-effetti temporanji tar-Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY) u sabiex jagħmlu s-settur aktar attraenti għaż-żgħażagħ u jipprovdu inċentivi għad-dħul fis-settur; jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora u tippromwovi l-kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment sabiex issaħħaħ l-investiment fis-settur;

    47.

    Iqis li huwa meħtieġ li jiġi promoss l-iżvilupp tal-innovazzjonijiet u l-attivitajiet relatati mas-sajd, li jistgħu jpattu għat-telf ta’ impjiegi li jirriżultaw minn bidliet li jridu jsiru minħabba r-riforma tal-PKS; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa programmi speċifiċi ddedikati għall-iżvilupp tat-turiżmu tas-sajd u oqsma oħrajn ta’ żvilupp ekonomiku marbuta mal-baħar u mal-attività tas-sajd;

    Reġjonalizzazzjoni

    48.

    Huwa tal-istess opinjoni espressa fil-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa ta’ adattament u miżuri speċifiċi, ibbażati fuq realtajiet differenti tal-industrija tas-sajd u tal-akwakultura Ewropea, u speċjalment fil-każ taż-żoni kostali u r-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni. jappoġġja l-idea li r-reġjonalizzazzjoni tiġi stabbilita bħala wieħed mill-istrumenti prinċipali ta’ din il-forma ta' governanza ġdida, sabiex ikun hemm rispons adegwat għall-ħtiġijiet ta’ kull baċin tal-baħar u tiġi inċentivata l-aderenza mar-regoli adottati fuq livell Ewropew.

    49.

    Jemmen li r-riforma għandha tkun opportunità sabiex isiru passi sinifikanti lejn forma ġdida ta' kooperazzjoni bejn il-komunità xjentifika, l-industrija u l-imsieħba soċjali, sabiex jiġi implimentat il-proċess ta’ reġjonalizzazzjoni;

    50.

    Jenfasizza l-importanza tas-settur tas-sajd fis-sitwazzjoni soċjoekonomika, tax-xogħol u l-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fir-reġjuni l-aktar imbiegħda (ORs), żoni li huma karatterizzati minn ekonomiji b’restrizzjonijiet strutturali permanenti u ftit opportunitajiet għal diversifikazzjoni ekonomika;

    51.

    Jemmen li, safejn jikkonċerna r-reġjonalizzazzjoni, iridu jiġu stabbiliti regoli ċari u sempliċi fil-livell xieraq, biex b'hekk tiżdied il-konformità; jemmen bis-sħiħ ukoll li r-RACs, b'rappreżentazzjoni usa' u b'aktar responsabilitajiet, għandhom jinkoraġġixxu aktar id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati u jikkontribwixxu b'mod attiv għat-twaqqif ta' pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali; ifakkar ir-rwol tal-koleġiżlaturi fl-adozzjoni ta’ dawn il-pjanijiet;

    52.

    Jemmen, b'mod aktar ġenerali, li r-rwol tal-RACs għandu jiġi msaħħaħ f’termini ta’ rappreżentanza u setgħa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex tippreżenta proposta ġdida mmirata lejn it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, tas-sajd artiġjanali u dak fuq skala żgħira, biex tiġi assigurata reġjonalizzazzjoni ġenwina fil-PKS; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni biex twaqqaf Kunsill Konsultattiv tal-Baħar l-Iswed; jenfasizza wkoll li l-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) mhijiex qafas adegwat għall-ġestjoni tal-Baħar l-Iswed, u għaldaqstant hemm bżonn ta’ Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO) ġdida; jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika d-djalogu mal-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed, b’mod partikolari fir-rigward tal-isfruttament u l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut; jitlob għall-ħolqien ta' Kunsill Konsultattiv għar-Reġjuni l-Aktar Imbiegħda; jemmen li, fuq il-gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-prinċipji tar-reġjonalizzazzjoni u s-sussidjarjetà, għandu jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta’ Kunsill Konsultattiv Reġjonali għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, li jqis in-natura sensittiva tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom; jenfasizza li l-RACs għandhom jagħtu parir lill-Parlament u l-Kunsill fl-adozzjoni tal-pjanijiet multiannwali, u jinvolvu lix-xjentisti fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom;

    53.

    Jemmen li r-reġjonalizzazzjoni tal-PKS għandha tirrifletti l-iskala ġeografika tas-sajd li jkun qed jiġi ġestit, b’għanijiet u prinċipji adottati mill-koleġiżlaturi tal-UE u fejn id-dettalji tal-miżuri ta’ ġestjoni jiġu deċiżi f’livell reġjonali u kemm jista’ jkun possibbli lokalment, li jfisser li għal ċerti industriji tas-sajd dan isir f’ħafna Stati Membri waqt li għal oħrajn jista’ jsir f’parti ta’ Stat Membru wieħed; jirrikonoxxi li jista’ jkun meħtieġ li jinħolqu strutturi ġodda sabiex sistema bħal din tkun tista’ tiffunzjona;

    54.

    Jemmen li hu importanti li jingħata valur akbar lil uħud mis-setturi tas-sajd Ewropew, pereżempju sajd kostali fuq skala żgħira, li f'xi żoni ġeografiċi, bħall-Baħar Mediterran, jgħin biex jikber il-ġid u jiżdiedu l-impjiegi;

    55.

    Jinsab konvint ukoll li hija meħtieġa viżjoni iżjed olistika u integrata tal-ambjent marittimu, u li l-ippjanar tal-ispazju marittimu fuq livell lokali u reġjonali, li jinvolvi l-partijiet interessati kollha, huwa għodda meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ approċċ ġenwin ekosistemiku għall-ġestjoni;

    56.

    Jinnota li l-ippjanar effettiv fuq livell reġjonali jew lokali jiffaċilita użu l-iżjed xieraq tar-riżorsi marittimi, b’kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet lokali, l-eżiġenzi tas-suq, l-użu ta’ kompetizzjoni, il-ħtieġa għal żoni protetti, id-deżinjazzjoni ta’ żoni speċifiċi fejn jitħalla jintuża biss ċertu tagħmir tas-sajd tal-aħjar prattika, eċċ;

    57.

    Jenfasizza li riforma ambizzjuża u reali tal-PKS tista’ tiġi ffaċilitata jekk ikunu disponibbli mezzi finanzjarji suffiċjenti għall-għaxar snin li ġejjin, sabiex jiġu appoġġjati l-miżuri ta’ riforma kollha u jiġu indirizzati l-problemi soċjoekonomiċi u ambjentali li jistgħu jinqalgħu; jirrifjuta kwalunkwe sejħa mill-Istati Membri biex ifittxu jnaqqsu l-livell ta' fondi tal-UE allokati lis-sajd u l-akwakultura;

    58.

    Jenfasizza, b’mod partikolari, l-importanza tas-sinerġiji bejn il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) għall-ippjanar fiż-żoni kostali; jemmen li l-istrateġiji makroreġjonali, il-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropej u tal-baċin tal-baħarhuma strumenti importanti għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji integrati għall-iżvilupp tat-territorji kostali tal-UE;

    59.

    Jenfasizza l-ħtieġa għall-FES futur li joffri għotjiet għall-modernizzazzjoni ta’ flotot tas-sajd abbażi ta’ sikurezza, protezzjoni ambjentali u ekonomija tal-karburanti;

    60.

    Jenfasizza li għandhom jiġu allokati fondi ġodda għal politiki, objettivi jew prijoritajiet ġodda b’impatt fuq l-ambjent marittimu; jirrifjuta li l-finanzjament ta’ dawn il-prijoritajiet, l-objettivi jew politiki ġodda (bħall-Politika Marittima Integrata) isir għad-detriment tal-fondi meħtieġa għall-politika tas-sajd;

    61.

    Ifakkar fl-obbligu mniżżel fl-Artikolu 208 TFUE fejn l-UE trid tikkunsidra l-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki li hi timplimenta u li jistgħu jaffettwaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluża l-PKS;

    62.

    Jenfasizza li prodotti importati tas-sajd u l-akkwakultura għandhom ikunu soġġetti għall-istess standards ambjentali, sanitarji u soċjali bħall-produzzjoni domestika Ewropea, inkluża t-traċċabbiltà sħiħa “mill-baħar sal-mejda”, u huwa tal-fehma li pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw se jkollhom bżonn ta’ għajnuna finanzjarja u teknika sabiex jilħqu l-istess standards, u biex jiġġieldu b’mod effikaċi kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat;

    63.

    Jenfasizza li kwalunkwe aċċess għar-riżorsi tas-sajd fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jeħtieġ jirrispetta mhux biss l-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) rigward eċċess fl-istokkijiet tal-ħut, iżda wkoll l-Artikoli 69 u 70 dwar id-drittijiet tal-pajjiżi fir-reġjun li jkunu mdawrin bl-art u ġeografikament żvantaġġati, speċjalment fir-rigward tal-ħtiġijiet nutrizzjonali u soċjoekonomiċi tal-popolazzjonijiet lokali;

    64.

    Itenni l-kundizzjoni bażika tal-eċċess, kif stabilita f’UNCLOS, fl-aċċess għall-istokkijiet tal-ħut fl-ibħra ta’ pajjiżi terzi; jenfasizza l-importanza li l-eċċess jiġi stabbilit b’mod xieraq u xjentifiku; jenfasizza li l-PKS jeħtiġilha tipprovdi għal trasparenza u skambju tal-informazzjoni kollha rilevanti bejn il-pajjiżi tal-UE u l-pajjiżi sħab terzi dwar l-isforz totali tas-sajd għall-istokkijiet ikkonċernati minn vapuri nazzjonali, u, fejn rilevanti, barranin.

    65.

    Itenni li l-futur tal-PKS jeħtieġlu jkun iggwidat minn prinċipji ta’ governanza tajba, li jinkludu t-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni, skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u l-valutazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Sostenibbli (SFAs);

    66.

    Jenfasizza li l-UE għandha tippromwovi l-ġestjoni tar-riżorsi sostenibbli f’pajjiżi terzi u għalhekk jistieden lill-UE tintensifika l-azzjonijiet biex tiġġieled kontra attivitajiet tas-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat; jenfasizza li ftehimiet tas-sajd sostenibbli għandhom ikunu ffukati aktar fuq riċerka xjentifika u ġbir ta’ data, monitoraġġ, kontroll u sorveljanza; għal dan il-għan, l-UE għandha tidderieġi lejn il-pajjiżi terzi sħab appoġġ adegwat ta’ natura finanzjarja, teknika u ta’ riżorsi umani;

    67.

    Itenni li l-PKS għandha tkun koerenti mal-politiki tal-iżvilupp u tal-ambjent, inkluż il-ħarsien ta’ ekosistemi marittimi; jitlob, għalhekk, li tittieħed azzjoni li ttejjeb u twessa’ l-għarfien xjentifiku, kif ukoll li tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali biex tiġi żgurata prestazzjoni mtejba;

    68.

    Itenni li ċ-ċittadini kollha tal-UE, irrispettivament minn fejn joperaw, jeħtiġilhom josservaw ir-regoli u r-regolamenti tal-PKS, inklużi r-regolamenti ambjentali u soċjali tagħha;

    *

    * *

    69.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU C 271 E, 7.11.2002, p. 401.

    (2)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

    (3)  ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 228.

    (4)  ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 271.

    (5)  ĠU C 68 E, 21.3.2009, p. 26.

    (6)  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

    (7)  ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 31.

    (8)  ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 38.

    (9)  ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 75.

    (10)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 37.

    (11)  ĠU C 348 E, 21.12.2010, p. 15.

    (12)  Testi adottati, P7_TA(2012)0052.

    (13)  Testi adottati, P7_TA(2011)0234.


    Top