Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1343

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1343/2014 tas- 17 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 951/2007 li jistabbilixxi r-regoli ta' implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    ĠU L 363, 18.12.2014, p. 75–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/1343/oj

    18.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 363/75


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1343/2014

    tas-17 ta' Diċembru 2014

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 951/2007 li jistabbilixxi r-regoli ta' implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 951/2007 (2).

    (2)

    Minħabba d-dewmien tal-bidu tal-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija, il-fażi ta' implimentazzjoni għall-proġetti ġiet estiża mill-31 ta' Diċembru 2014 sal-31 ta' Diċembru 2015 permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 435/2011 (3). Għalhekk, il-fażi tal-għeluq u d-dispożizzjonijiet rilevanti għandhom jiġu adattati skont dan.

    (3)

    Għandha ssir dispożizzjoni għal klawżola li tippermetti lill-Kummissjoni li taqbel dwar l-estensjoni tal-perjodu ta' eżekuzzjoni ta' programm operazzjonali konġunt wara talba motivata mill-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ f'każ ta' ħtiġijiet jew ċirkostanzi mhux previsti u ġġustifikati kif xieraq.

    (4)

    It-trattament effettiv tal-irregolaritajiet huwa essenzjali sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jiġi żgurat il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja soda tal-programmi. F'dan il-kuntest u minħabba li l-korrezzjonijiet finanzjarji huma l-għodda ewlenija użata sabiex jiġu rrestawrati l-irregolaritajiet li jikkonċernaw in-nefqa ffinanzjata mill-Unjoni b'ġestjoni kondiviża, id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu introdotti fir-Regolament (KE) Nru 951/2007.

    (5)

    Sabiex tingħata ċertezza legali għall-pajjiżi parteċipanti, huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-arranġamenti u l-proċeduri speċifiċi għall-korrezzjonijiet finanzjarji mill-Awtoritajiet Maniġerjali Konġunti, li jirrispettaw il-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' trasparenza u ta' proporzjonalità.

    (6)

    Ir-Regolament (KE) Nru 951/2007 għaldaqstant għandu jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 951/2007 huwa emendat kif ġej:

    1.

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu 26 a li ġej:

    “Artikolu 26a

    Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Awtorità Maniġerjali Konġunta

    (1)   L-Awtorità Maniġerjali Konġunta l-ewwel nett tkun responsabbli għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet u biex tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa u biex issegwi l-irkupri.

    L-Awtorità Maniġerjali Konġunta tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa b'rabta ma' irregolaritajiet individwali li jkunu nstabu fil-proġetti jew fl-assistenza teknika. Il-korrezzjonijiet finanzjarji jikkonsistu f'kanċellazzjoni tal-kontribuzzjoni kollha tal-Unjoni jew ta' parti minnha għal proġett jew għal assistenza teknika. L-Awtorità Maniġerjali Konġunta tqis in-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju u tapplika korrezzjoni finanzjarja proporzjonata. Il-kriterji biex jiġi stabbilit il-livell tal-korrezzjoni finanzjarja li għandha tiġi applikata u l-kriterji biex jiġu applikati rati fissi jew korrezzjoni finanzjarja estrapolata jistgħu jkunu dawk adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (*), b'mod partikulari l-Artikolu 144, kif ukoll dawk li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2013 (**). Il-korrezzjonijiet finanzjarji jiġu rreġistrati fil-kontijiet annwali mill-Awtorità Maniġerjali Konġunta għas-sena ta' kontabbiltà li fiha tiġi deċiża l-kanċellazzjoni.

    (2)   Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni li tkun ġiet ikkanċellata skont il-paragrafu 1 tista' terġa' tintuża fil-programm ikkonċernat, soġġett għall-paragrafu 3. L-allokazzjoni mill-ġdid ta' dawn ir-riżorsi tal-programmi tikkonforma fost l-oħrajn mal-Artikoli 7, 13, 18 u 43.

    (3)   Il-kontribuzzjoni kkanċellata skont il-paragrafu 1 tista' ma terġax tintuża għall-proġett li kien is-suġġett ta' korrezzjoni finanzjarja jew għal proġetti magħżula permezz ta' sejħiet għal proposti.

    (*)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320)."

    (**)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment u l-approvazzjoni tal-linji gwida għad-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji li għandhom isiru mill-Kummissjoni għal nefqa ffinanzjata mill-Unjoni b'ġestjoni kondiviża għal nuqqas ta' konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku (C(2013) 9527).”"

    2.

    L-Artikolu 32 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 32

    Ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali konġunt jinkludi mutatis mutandis l-istess elementi li hemm fir-rapporti annwali, inklużi l-Annessi tiegħu, għat-tul ta' żmien kollu tal-programm. Dan jiġi ppreżentat sat-30 ta' Ġunju 2017 għal dawk il-programmi li pproċedew bl-estensjoni tal-fażi ta' implimentazzjoni mill-31 ta' Diċembru 2014 sal-31 ta' Diċembru 2015, u sat-30 ta' Ġunju 2016 għal programmi b'fażi ta' implimentazzjoni li tispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2014.”

    3.

    L-Artikolu 43 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   Il-perjodu ta' eżekuzzjoni ta' kull programm operazzjonali konġunt jibda l-aktar kmieni fid-data tal-adozzjoni tal-programm operazzjonali konġunt mill-Kummissjoni u jintemm mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017.”

    (b)

    Il-paragrafu 2, subparagrafu (c) jinbidel b'li ġej:

    “(c)

    fażi ta' għeluq finanzjarju tal-programm operazzjonali konġunt li tinkludi l-għeluq finanzjarju tal-kuntratti kollha konklużi bħala parti mill-programm, l-evalwazzjoni ex post tal-programm, is-sottomissjoni tar-rapport finali u l-ħlas finali jew l-irkupru finali mill-Kummissjoni. Din il-fażi tintemm mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017.”

    (c)

    paragrafu ġdid 3 hu miżjud:

    “3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, f'każ ta' ħtiġijiet jew ċirkostanzi mhux previsti u ġġustifikati kif xieraq, wara talba raġunata mill-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ, il-Kummissjoni tista' taqbel dwar l-estensjoni tal-perjodu ta' eżekuzzjoni tal-programm operazzjonali konġunt. F'dan il-każ, id-dati għas-sottomissjoni tar-rapport finali stabbiliti fl-Artikolu 32 ma japplikawx.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2007 li jistabbilixxi r-regoli ta' implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ĠU L 210, 10.8.2007, p. 10).

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 435/2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 951/2007 li jistabbilixxi r-regoli ta' implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 118, 6.5.2011, p. 1.)

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27.)


    Top