Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DP0307

    It-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Jaroslaw Leszek Walesa Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta' Settembru 2012 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jarosław Leszek Wałęsa (2012/2112(IMM))

    ĠU C 353E, 3.12.2013, p. 152–153 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 353/152


    It-Tlieta 11 ta’ Settembru 2012
    It-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Jaroslaw Leszek Walesa

    P7_TA(2012)0307

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2012 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jarosław Leszek Wałęsa (2012/2112(IMM))

    2013/C 353 E/23

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jarosław Leszek Wałęsa, imressqa fl-20 ta' April 2012 mill-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika Pollakka b'rabta ma' proċedimenti għal reat allegat u mħabbra fis-seduta plenarja fit-23 ta' Mejju 2012,

    wara li Jarosław Leszek Wałęsa ngħata l-opportunità li jinstema' skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

    wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010 u tas-6 ta' Settembru 2011 (1),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, u l-Artikoli 7b(1) u 7c, flimkien mal-Artikolu 10b, tal-Att Pollakk dwar it-twettiq tal-mandat ta' deputat jew senatur, tad-9 ta' Mejju 1996,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0230/2012),

    A.

    billi l-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika Pollakka talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Jarosław Leszek Wałęsa, b'rabta ma' proċedimenti għal reat allegat;

    B.

    billi t-talba tal-Prosekutur Pubbliku hija marbuta ma' proċedimenti għal reat allegat skont l-Att Pollakk tal-20 ta' Mejju 1971 li jistabbilixxi Kodiċi ta' Reati u l-Att dwar it-Traffiku fit-Toroq tal-20 ta' Ġunju 1997 b'rabta ma' inċident tat-traffiku fit-2 ta' Settembru 2011 fil-Polonja li Jarosław Leszek Wałęsa kien involut fih u li fih korra gravement;

    C.

    billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri, fit-territroju tal-Istat tagħhom stess, għandhom jibbenefikaw mill-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-Parlament tagħhom;

    D.

    billi Jarosław Leszek Wałęsa ma aċċettax li jinstema' mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, iżda wera li jippreferi konklużjoni rapida ta' din il-kwistjoni u huwa tal-fehma li l-immunità tiegħu għandha titneħħa;

    E.

    billi huwa l-Parlament biss li jista' jiddeċiedi jekk l-immunità titneħħiex jew le f'każ partikolari; billi l-Parlament jista' raġonevolment iqis il-pożizzjoni tal-Membru biex jasal għad-deċiżjoni tiegħu dwar jekk ineħħix jew le l-immunità tiegħu (2);

    F.

    billi l-fatti tal-każ, kif imniżżla fis-sottomissjonijiet lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, jindikaw li l-attivitajiet allegati m'għandhomx konnessjoni evidenti u diretta mat-twettiq tad-dmirijiet ta' Jarosław Leszek Wałęsa bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

    G.

    billi għalhekk, Jarosław Leszek Wałęsa ma kienx qed jaġixxi fit-twettiq ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

    1.

    Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jarosław Leszek Wałęsa;

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Polonja u lil Jarosław Leszek Wałęsa.


    (1)  Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 195, Kawża 149/85 Wybot vs Faure et [1986] Ġabra 2391, Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parlament [2008] Ġabra II-2849, Kawżi Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra vs De Gregorio u Clemente [2008] Ġabra I-7929, Kawża T-42/06 Gollnisch vs Il-Parlament (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra) u Kawża C-163/10 Patriciello (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

    (2)  Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parlament [2008] ECR II-2849, punt 28.


    Top