EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0802

2014/802/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 14 ta' Novembru 2014 li temenda d-Deċiżjonijiet 2010/470/UE u 2010/472/UE fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li huma marbuta mal-iscrapie għall-kummerċ u l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' embrijuni ta' annimali tal-ispeċi ovina u kaprina (notifikata bid-dokument C(2014) 8339) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 331, 18.11.2014, p. 28–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R0404

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/802/oj

18.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 331/28


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta' Novembru 2014

li temenda d-Deċiżjonijiet 2010/470/UE u 2010/472/UE fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li huma marbuta mal-iscrapie għall-kummerċ u l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' embrijuni ta' annimali tal-ispeċi ovina u kaprina

(notifikata bid-dokument C(2014) 8339)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/802/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b'mod partikolari t-tielet inċiż tal-Artikolu 11(3), l-Artikolu 17(2)(b), l-ewwel inċiż tal-Artikolu 18(1), u l-frażi introduttorja u l-punt (b) tal-Artikolu 19 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Parti A tal-Anness IV tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/470/UE (2) tistabbilixxi mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ fl-Unjoni f'kunsinji ta' ova u embrijuni ta' annimali tal-ispeċi ovina u kaprina miġbura jew maħluqa wara l-31 ta' Awwissu 2010.

(2)

Il-Parti 2 tal-Anness IV tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/472/UE (3) tistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' kunsinji ta' ova u embrijuni ta' annimali tal-ispeċijiet ovina u kaprina.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija spongiformi li tinxtered (TSEs) f'annimali bovini, ovini u kaprini. Il-Kapitolu A tal-Anness VIII ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal kummerċ fl-Unjoni ta' annimali ħajjin, semen u embrijuni. Barra minn hekk, l-Anness IX ta' dak ir-Regolament jistipula l-kundizzjonijiet għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' annimali ħajjin, embrijuni, ova u prodotti li joriġinaw minn annimali minn pajjiżi terzi.

(4)

Fid-dawl ta' evidenza xjentifika ġdida, ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 630/2013 (5). Dawk l-emendi, fir-rigward tal-iscrapie, ġew riflessi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/470/UE (6) fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ fl-Unjoni ta' kunsinji ta' ova u embrijuni ta' annimali tal-ispeċi ovina u kaprina stipulat fil-Parti A tal-Anness IV tad-Deċiżjoni 2010/470/UE u l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta' kunsinji ta' ova u embrijuni ta' annimali tal-ispeċi ovina u kaprina stipulat fil-Parti 2 tal-Anness IV tad-Deċiżjoni 2010/472/UE, b'perjodu tranżitorju sal-31 ta' Diċembru 2014.

(5)

Skont opinjoni xjentifika dwar ir-riskju ta' trażmissjoni tal-iscrapie klassika permezz ta' trasferiment ta' embrijuni miksuba in vivo fl-annimali ovini tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottata fl-24 ta' Jannar 2013, fejn ġie konkluż li r-riskju ta' trażmissjoni tal-iscrapie klassika bl-impjantazzjoni ta' embrijuni ARR ta' ovini omozigoti jew eterożigoti jistgħu jitqiesu negliġibbli, sakemm jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet OIE u l-proċeduri dwar trasferiment ta' embrijuni, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 ġew emendati bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1148/2014 (7).

(6)

Il-mudelli taċ-ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ fl-Unjoni f'kunsinji ta' ova u embrijuni ta' annimali tal-ispeċi ovina u kaprina stipulati fil-Parti A tal-Anness IV tad-Deċiżjoni 2010/470/UE u l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta' kunsinji ta' ova u embrijuni ta' annimali tal-ispeċi ovina u kaprina stipulati fil-Parti 2 tal-Anness IV tad-Deċiżjoni 2010/472/UE għandhom għalhekk jiġu emendati sabiex jirriflettu r-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 999/2001, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1148/2014.

(7)

Barra minn hekk, fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ fl-Unjoni ta' kunsinji ta' ova u embrijuni ta' annimali tal-ispeċi ovina u kaprina stipulat fil-Parti A tal-Anness IV tad-Deċiżjoni 2010/470/UE, ċerti referenzi għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jeħtieġ li jiġu emendati sabiex titneħħa kull ambigwità.

(8)

Barra minn hekk, fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta' kunsinji ta' ova u embrijuni ta' annimali tal-ispeċi ovina u kaprina stipulat fil-Parti 2 tal-Anness IV tad-Deċiżjoni 2010/472/UE, hemm ħtieġa li jiġi inkluż kliem iktar preċiż biex jiġi żgurat fehim ċar li r-reġimi tal-ittestjar li jirreferu għall-marda emorraġika epiżootika (EHD) japplikaw għad-donaturi femminili ta' speċijiet ovina jew kaprina.

(9)

Id-Deċiżjonijiet 2010/470/UE u 2010/472/UE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness IV tad-Deċiżjoni 2010/470/UE huwa emendat skont l-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Anness IV tad-Deċiżjoni 2010/472/UE huwa emendat skont l-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/470/UE tas-26 ta' Awwissu 2010 li tistabbilixxi mudell taċ-ċertifikati tas-saħħa għall-kummerċ fl-Unjoni tas-semen, l-ova u l-embrijuni ta' annimali tal-ispeċijiet ekwina, ovina u kaprina u tal-ova u l-embrijuni ta' annimali tal-ispeċi porċina (ĠU L 228, 31.8.2010, p. 15).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/472/UE tas-26 ta' Awwissu 2010 dwar l-importazzjonijiet ta' semen, ova u embrijuni ta' annimali tal-ispeċi ovina u kaprina fl-Unjoni (ĠU L 228, 31.8.2010, p. 74).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċerti enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 630/2013 tat-28 ta' Ġunju 2013 li jemenda l-Annessi għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 li jistabblixxi r-regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 179, 29.6.2013, p. 60).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/470/UE tal-20 ta' Settembru 2013 li temenda d-Deċiżjonijiet 2010/470/UE u 2010/472/UE fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li huma marbuta għall-iscrapie għall-kummerċ fl-Unjoni u l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' semen, ova u embrijuni ta' annimali tal-ispeċi ovina u kaprina (ĠU L 252, 24.9.2013, p. 32).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1148/2014 tat-28 ta' Ottubru 2014 li jemenda l-Annessi II, VII, VIII, IX u X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 308, 29.10.2014, p. 66).


ANNESS I

Fl-Anness IV tad-Deċiżjoni 2010/470/UE, il-Parti A tinbidel b'dan li ġej:

“PARTI A

Iċ-ċertifikat mudell tas-saħħa IVA għall-kummerċ fl-Unjoni ta' kunsinni ta' ova u embrijuni ta' annimali tal-ispeċi ovini u kaprini miġbura jew prodotti skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE wara l-31 ta' Awwissu 2010 u mibgħuta minn tim approvat tal-ġbir jew tal-produzzjoni tal-embrijuni tal-oriġini tal-ova jew l-embrijuni

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

ANNESS II

Fl-Anness IV tad-Deċiżjoni 2010/472/UE, il-Parti 2 tinbidel b'dan li ġej:

“PARTI 2

Mudelli taċ-ċertifikat tas-saħħa għall-importazzjonijiet ta' kunsinni ta' ova u embrijuni ta' annimali tal-ispeċi ovina u kaprina

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

Top