Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0100

    Direttiva tal-Kummissjoni 2008/100/KE tat- 28 ta' Ottubru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE dwar l-ittikkettjar b’tagħrif fuq il-valur nutrittiv ta’oġġetti ta’ l-ikel rigward il-kwantitajiet li għandhom jittieħdu kuljum, il-fatturi ta’ konverżjoni għall-kalkolu tal-valur enerġetiku, u definizzjonijiet Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 285, 29.10.2008, p. 9–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/12/2014; Impliċitament imħassar minn 32011R1169

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/100/oj

    29.10.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 285/9


    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2008/100/KE

    tat-28 ta' Ottubru 2008

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE dwar l-ittikkettjar b’tagħrif fuq il-valur nutrittiv ta’oġġetti ta’ l-ikel rigward il-kwantitajiet li għandhom jittieħdu kuljum, il-fatturi ta’ konverżjoni għall-kalkolu tal-valur enerġetiku, u definizzjonijiet

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE ta’ l-24 ta’ Settembru 1990 dwar l-ittikkettjar b’tagħrif fuq il-valur nutrittiv għal oġġetti ta’ l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(4)(a) u (j) u l-Artikolu 5(2) tagħha,

    Wara li kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza fl-Ikel,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 90/496/KEE tispeċifika li l-fibra għandha tiġi definita.

    (2)

    Il-kundizzjonijiet għal indikazzjonijiet ta’ nutrizzjoni bħal “sors ta’ fibra” jew “fibra għolja” ġew stipulati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (2).

    (3)

    Għal raġunijiet ta’ ċarezza u koerenza ma’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra li tirreferi għal dan il-kunċett, huwa meħtieġ li tingħata definizzjoni ta’ “fibra”.

    (4)

    Id-definizzjoni ta’ fibra għandha tqis xogħol rilevanti mill-Codex Alimentarius u l-istqarrija relatata mal-fibra tad-dieta, espressa fis-6 ta’ Lulju 2007, mill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza ta’ l-Ikel; il-Bord Xjentifiku dwar il-Prodotti Dietetiċi, in-Nutrizzjoni u l-Allerġiji.

    (5)

    Il-fibra tradizzjonalment tiġi kkonsmata bħala materjal mill-pjanti u għandha numru ta’ effetti fiżjoloġiċi ta’ġid bħal: tnaqqas il-ħin tat-tranżitu intestinali, iżżid l-ammont ta’ ippurgar, hija fermentabbli minn mikroflora fil-musrana, tnaqqas il-kolesterol totali fid-demm, tnaqqas il-livell ta’ kolesterol LDL fid-demm, tnaqqas il-glukożju fid-demm wara l-ikel, jew tnaqqas il-livelli ta’ l-insulina fid-demm. Evidenza xjentifika riċenti wriet li effetti fiżjoloġiċi ta’ġid simili jistgħu jinkisbu minn polimeri tal-karboidrati oħrajn li mhumiex diġestibbli u li ma jinstabux b’mod naturali fl-ikel kif jittiekel. Għalhekk huwa xieraq li d-definizzjoni ta’ fibra għandha tinkludi polimeri tal-karboidrati b’effett/i fiżjoloġiku/fiżjoliġiċi ta’ġid.

    (6)

    Il-polimeri tal-karboidrati ta’ oriġini mill-pjanti li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ fibra jistgħu jkunu assoċjati mill-qrib mal-lignin jew komponenti oħrajn mhux karboidrati fil-pjanta bħal komposti fenoliċi, xemgħat, saponini, phytates, cutin, phytosterols. Dawn is-sustanzi meta assoċjati mill-qrib ma’ polimeri tal-karboidrati ta’ oriġini mill-pjanti u estratti bil-polimeri tal-karboidrati għall-analiżi tal-fibra jistgħu jitqiesu bħala fibra. Madankollu, meta jiġu sseparati mill-polimeri tal-karboidrati u miżjuda ma’ l-ikel, dawn is-sustanzi ma għandhomx jitqiesu bħala fibra.

    (7)

    Sabiex jiġu meqjusa l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi ġodda, jeħtieġ li l-lista ta’ fatturi ta’ konverżjoni ta’ l-enerġija tiġi emendata.

    (8)

    Ir-rapport tal-FAO dwar workshop tekniku dwar l-Enerġija fl-ikel – metodi ta’ analiżi u fatturi ta’ konverżjoni, jindika li 70 fil-mija tal-fibra f’ikel tradizzjonali huwa meqjus bħala fermentabbli. Għalhekk huwa xieraq li l-valur ta’ l-enerġija medju għall-fibra għandu jkun ta’ 8 kJ/g (2 kcal/g).

    (9)

    L-eritritol jista’ jintuża f’varjetà wiesgħa ta’ ikel u l-użu tiegħu huwa, fost oħrajn, sostitut għal nutrijenti bħaz-zokkor meta jkun mixtieq valur ta’ enerġija baxx.

    (10)

    L-eritritol huwa polyol, u skond ir-regoli attwali kif previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/496/KEE, l-enerġija tiegħu għandha tiġi kkalkulata billi jintuża l-fattur ta’ konverżjoni għall-polyols, jiġifieri 10 kJ/g (2,4 kcal/g). L-użu ta’ dan il-fattur ta’ konverżjoni ta’ l-enerġija ma jgħarrafx kompletament lill-konsumatur dwar il-valur ta’ enerġija mnaqqas ta’ prodott miksub mill-użu ta’ eritritol fil-manifattura tiegħu. Il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel fl-opinjoni tiegħu dwar l-eritritol, espressa fil-5 ta’ Marzu 2003, semma li l-enerġija pprovduta mill-eritritol hija anqas minn 0,9 kJ/g (anqas minn 0,2 kcal/g). Għalhekk huwa xieraq li jiġi adottat fattur ta’ konverżjoni ta’ l-enerġija xieraq għall-eritritol.

    (11)

    L-Anness tad-Direttiva 90/496/KEE jelenka l-vitamini u l-minerali li jistgħu jiġu ddikjarati bħala parti mill-ittikkettjar b’tagħrif fuq il-valur nutrittiv, jispeċifika l-kwantitajiet li għandhom jittieħdu kuljum (RDAs) u jiddefinixxi regola dwar x’jikkostitwixxi ammont sinifikanti. L-għan ta’ din il-lista ta’ RDA huwa li tipprovdi valuri ta’ ttikkettjar b’tagħrif fuq il-valur nutrittiv u l-kalkolu ta’ x’jikkostitwixxi ammont sinifikanti.

    (12)

    Ir-regola dwar ammont sinifikanti kif definita fl-Anness tad-Direttiva 90/496/KEE tikkostitwixxi referenza f’leġiżlazzjoni Komunitarja oħra, b’mod partikolari fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar is-supplimenti ta’ l-ikel (3), fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra ma’ l-ikel (4).

    (13)

    L-RDAs elenkati fl-Anness tad-Direttiva 90/496/KEE huma msejsa fuq ir-rakkomandazzjoni tal-laqgħa ta’ konsultazzjoni esperta FAO/WHO f’Ħelsinki fl-1988.

    (14)

    Sabiex tkun żgurata koerenza ma’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra, il-lista attwali ta’ vitamini u minerali u l-RDAs tagħhom għandha tiġi aġġornata fid-dawl ta’ l-iżviluppi xjentifiċi sa mill-1988.

    (15)

    Il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel fl-opinjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni tal-valuri ta’ referenza għall-ittikkettjar ta’ nutrizzjoni, espressa fil-5 ta’ Marzu 2003, inkluda valuri ta’ referenza għall-ittikkettjar għall-adulti. Din l-opinjoni tkopri l-vitamini u l-minerali elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2002/46/KE u fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

    (16)

    L-Anness tad-Direttiva 90/496/KEE għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

    (17)

    Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 90/496/KEE hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 1(4)(j), tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “Id-definizzjoni tal-materjal u, jekk hu meħtieġ, il-metodi ta’ l-analiżi għandhom jiġu inklużi fl-Anness II;”

    (2)

    Iż-żewġ inċiżi li ġejjin jiżdiedu fl-Artikolu 5(1):

    “—

    fibra 2 kcal/g – 8 kJ/g

    eritritol 0 kcal/g – 0 kJ/g.”

    (3)

    L-Anness jinbidel bit-test fl-Anness I ta’ din id-Direttiva.

    (4)

    Jiżdied it-test fl-Anness II ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2009, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jaderixxu ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet b’tali mod li jipprojbixxu, b’effett mill-31 ta' Ottubru 2012, il-kummerċ ta’ prodotti li ma jaderixxux mad-Direttiva 90/496/KEE, kif emendata minn din id-Direttiva.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 28 ta’ Ottubru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 276, 6.10.1990, p. 40.

    (2)  ĠU L 12, 18.1.2007, p. 3.

    (3)  ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51.

    (4)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.


    ANNESS I

    L-Anness tad-Direttiva 90/496/KEE jinbidel b’dan li ġej:

    “ANNESS I

    Vitamini u minerali li jistgħu jiġu ddikjarati u l-kwantitajiet li għandhom jittieħdu kuljum (RDAs)

    Vitamina A (μg)

    800

    Vitamina D (μg)

    5

    Vitamina E (mg)

    12

    Vitamina K (μg)

    75

    Vitamina Ċ (mg)

    80

    Anewrina (mg)

    1,1

    Riboflavin (mg)

    1,4

    Niaċina (mg)

    16

    Vitamina B6 (mg)

    1,4

    Aċidu Foliku (μg)

    200

    Vitamina B12 (μg)

    2,5

    Biotin (μg)

    50

    Aċidu pantoteniku (mg)

    6

    Potassju (mg)

    2 000

    Kloridu (mg)

    800

    Kalċju (mg)

    800

    Fosfru (mg)

    700

    Manjeżju (mg)

    375

    Ħadid (mg)

    14

    Żingu (mg)

    10

    Ram (mg)

    1

    Manganiż (mg)

    2

    Fluworidu (mg)

    3,5

    Selenju (μg)

    55

    Kromju (μg)

    40

    Molibdenu (μg)

    50

    Jodju (μg)

    150

    Bħala regola, 15 % tal-kwantità rakkomandata speċifikata f’dan l-Anness ipprovduta minn 100 g jew 100 ml jew kull pakkett jekk il-pakkett ikun fih biss porzjon wieħed għandha titqies fid-deċiżjoni dwar x’jikkostitwixxi ammont sinifikanti.”


    ANNESS II

    L-Anness II li ġej jiżdied mad-Direttiva 90/496/KEE:

    “ANNESS II

    Definizzjoni tal-materjal li fih il-fibra u l-metodi ta’ analiżi kif imsemmi fl-Artikolu 1(4)(j)

    Definizzjoni tal-materjal li fih l-fibra

    Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva ‘fibra’ tfisser polimeri tal-karboidrati bi tliet, jew aktar, unitajiet monomeriċi, li la jiġu diġestiti u lanqas assorbiti fl-intestin iż-żgħir tal-bniedem u li jiffurmaw parti mill-kategoriji li ġejjin:

    polimeri tal-karboidrati li jistgħu jittieklu li jinstabu b’mod naturali fl-ikel kif jittiekel;

    polimeri tal-karboidrati li jistgħu jittieklu li nkisbu minn materja prima ta’ l-ikel permezz ta’ mezzi fiżiċi, enżimatiċi jew kimiċi u li għandhom effett fiżjoloġiku benefiċjarju muri minn evidenza xjentifika aċċettata b’mod ġenerali;

    polimeri tal-karboidrati sintetiċi li jistgħu jittieklu li għandhom effett fiżjoloġiku benefiċjarju muri minn evidenza xjentifika aċċettata b’mod ġenerali.”


    Top