This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22015A1203(01)
Agreement between the European Union and the Kingdom of Tonga on the short-stay visa waiver
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju ta' Tonga dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju ta' Tonga dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir
ĠU L 317, 3.12.2015, p. 3–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2015/2226/oj
3.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 317/3 |
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju ta' Tonga dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni” jew “l-UE”, u
IR-RENJU TA' TONGA, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “Tonga”,
minn hawn 'il quddiem imsejħin flimkien bħala l-“Partijiet Kontraenti”,
BIL-ĦSIEB li jiġu żviluppati ulterjorment relazzjonijiet ta' ħbiberija bejn il-Partijiet Kontraenti u bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi żgurat dħul u soġġorn għal perijodu qasir mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit (1), billi, inter alia, jittrasferixxi 19-il pajjiż terz, inkluż Tonga mal-lista ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mir-rekwiżit tal-viża għal soġġorni qosra fl-Istati Membri,
FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 509/2014 jistipula li għal dawk id-19-il pajjiż, l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni,
FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares il-prinċipju ta' trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE,
FILWAQT LI JQISU li l-persuni li jivvjaġġaw bil-għan li jwettqu attività bi ħlas matul is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti b'dan il-Ftehim u għalhekk għal dik il-kategorija r-regoli rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi nazzjonali ta' Tonga dwar l-obbligu jew l-eżenzjoni mill-viża u dwar l-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw,
FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għan
Dan il-Ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini ta' Tonga meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:
(a) |
“Stat Membru” għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda; |
(b) |
“ċittadin tal-Unjoni” għandha tfisser ċittadin ta' Stat Membru kif definit fil-punt (a); |
(c) |
“ċittadin ta' Tonga” tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Tonga; |
(d) |
“żona Schengen” għandha tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji tal-Istati Membri kif definit fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu. |
Artikolu 3
Kamp ta' applikazzjoni
1. Iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, li hu validu u maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju ta' Tonga għall-perijodu ta' soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(1).
Iċ-ċittadini ta' Tonga li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, li hu validu u maħruġ minn Tonga, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati Membri għall-perijodu tas-soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(2).
2. Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma japplikax għall-persuni li jivvjaġġaw bil-għan li jwettqu attività bi ħlas.
Għal dik il-kategorija ta' persuni, kull Stat Membru jista' jiddeċiedi b'mod individwali li jimponi r-rekwiżit tal-viża fuq iċ-ċittadini ta' Tonga jew li jirtiraha f'konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill(KE) Nru 539/2001 (2).
Għal dik il-kategorija ta' persuni, Tonga jista' jiddeċiedi dwar ir-rekwiżit tal-viża jew l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta' kull Stat Membru b'mod individwali f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħha.
3. L-eżenzjoni mill-viża pprovduta b'dan il-Ftehim għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir. L-Istati Membri u Tonga jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul u soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma tintlaħaqx.
4. L-eżenzjoni mill-viża tapplika irrispettivament mill-metodu ta' trasport użat biex jinqasmu l-fruntieri tal-Partijiet Kontraenti.
5. Kwistjonijiet mhux koperti minn dan il-Ftehim għandhom ikunu koperti mil-liġi tal-Unjoni, mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u mil-liġi nazzjonali ta' Tonga.
Artikolu 4
Tul ta' żmien tas-soġġorn
1. Iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jibqgħu fit-territorju ta' Tonga għal perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.
2. Iċ-ċittadini ta' Tonga jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu għal perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum. Dak il-perijodu għandu jiġi kkalkulat indipendentement minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.
Iċ-ċittadini ta' Tonga jistgħu jibqgħu għal perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum fit-territorju ta' kull Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu, indipendentement mill-perijodu tas-soġġorn ikkalkulat għat-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.
3. Dan il-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà li Tonga u għall-Istati Membri biex jestendu l-perijodu tas-soġġorn għal aktar minn 90 jum f'konformità mal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom u l-liġi tal-Unjoni.
Artikolu 5
Applikazzjoni territorjali
1. Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, dan il-Ftehim għandu japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.
2. Fir-rigward tar-Renju tan-Netherlands, dan il-Ftehim għandu japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Renju tan-Netherlands.
Artikolu 6
Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim
1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta' esperti (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u minn rappreżentanti ta' Tonga. L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.
2. Il-Kumitat għandu jkollu, inter alia, il-kompiti li ġejjin:
(a) |
li jimmonitorja l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim; |
(b) |
li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim; |
(c) |
li jagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex jissolvew tilwimiet li jinħolqu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim. |
3. Il-Kumitat għandu jitlaqqa' kull meta jkun meħtieġ, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti.
4. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess.
Artikolu 7
Relazzjoni bejn dan il-Ftehim ma' ftehimiet bilaterali eżistenti dwar l-eżenzjoni mill-viża bejn l-Istati Membri u Tonga
Dan il-Ftehim għandu jkollu preċedenza fuq kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali konkluż bejn l-Istati Membri individwali u Tonga, sa fejn dawn ikopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.
Artikolu 8
Dispożizzjonijiet finali
1. Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti f'konformità mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-aħħar waħda miż-żewġ notifiki li bihom il-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li dawk il-proċeduri jkunu tlestew.
Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mid-data ta' wara dik tal-iffirmar tiegħu.
2. Dan il-Ftehim qed jiġi konkluż għal perijodu indefinit, kemm-il darba ma jintemmx f'konformità mal-paragrafu5.
3. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan il-għan.
4. Kull Parti Kontraenti tista' tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b'mod partikolari, għal raġunijiet ta' politika pubblika, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-immigrazzjoni illegali jew l-introduzzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa tal-viża minn kwalunkwe Parti Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi notifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ ippjanat tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f'każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u għandha tneħħi dik is-sospensjoni.
5. Kull Parti Kontraenti tista' ttemm dan il-Ftehim billi tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ 90 jum wara dik id-data.
6. Tonga jista' jissospendi jew itemm dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha.
7. L-Unjoni tista' tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha tagħha.
Magħmul f'żewġ kopji, fl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ingliż, Kroat, Latvjan, Litwan, Malti, Netherlandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Żvediż, Taljan u Ungeriż, fejn kull test huwa ugwalment awtentiku.
Съставено в Брюксел на двадесети ноември две хиляди и петнадесета година.
Hecho en Bruselas, el veinte de noviembre de dos mil quince.
V Bruselu dne dvacátého listopadu dva tisíce patnáct.
Udfærdiget i Bruxelles den tyvende november to tusind og femten.
Geschehen zu Brüssel am zwanzigsten November zweitausendfünfzehn.
Kahe tuhande viieteistkümnenda aasta novembrikuu kahekümnendal päeval Brüsselis.
Έγινε στις Βρυξέλλες, στις είκοσι Νοεμβρίου δύο χιλιάδες δεκαπέντε.
Done at Brussels on the twentieth day of November in the year two thousand and fifteen.
Fait à Bruxelles, le vingt novembre deux mille quinze.
Sastavljeno u Bruxellesu dvadesetog studenoga dvije tisuće petnaeste.
Fatto a Bruxelles, addì venti novembre duemilaquindici.
Briselē, divi tūkstoši piecpadsmitā gada divdesmitajā novembrī.
Priimta du tūkstančiai penkioliktų metų lapkričio dvidešimtą dieną Briuselyje.
Kelt Brüsszelben, a kéteze-tizenötödik év november havának huszadik napján.
Magħmul fi Brussell, fl-għoxrin jum ta’ Novembru fis-sena elfejn u ħmistax.
Gedaan te Brussel, de twintigste november tweeduizend vijftien.
Sporządzono w Brukseli dnia dwudziestego listopada roku dwa tysiące piętnastego.
Feito em Bruxelas, em vinte de novembro de dois mil e quinze.
Întocmit la Bruxelles la douăzeci noiembrie două mii cincisprezece.
V Bruseli dvadsiateho novembra dvetisícpätnásť.
V Bruslju, dne dvajsetega novembra leta dva tisoč petnajst.
Tehty Brysselissä kahdentenakymmenentenä päivänä marraskuuta vuonna kaksituhattaviisitoista.
Som skedde i Bryssel den tjugonde november år tjugohundrafemton.
За Европейския съюз
Рог la Unión Europea
Za Evropskou unii
For Den Europæiske Union
Für die Europäische Union
Euroopa Liidu nimel
Για την Ευρωπαϊκή Ένωση
For the European Union
Pour l'Union européenne
Za Europsku uniju
Per l'Unione europea
Eiropas Savienības vārdā –
Europos Sąjungos vardu
Az Európai Unió részéről
Għall-Unjoni Ewropea
Voor de Europese Unie
W imieniu Unii Europejskiej
Pela União Europeia
Pentru Uniunea Europeană
Za Európsku úniu
Za Evropsko unijo
Euroopan unionin puolesta
För Europeiska unionen
За Кралство Тонга
Por el Reino de Tonga
Za Království Tonga
For Kongeriget Tonga
Für das Königreich Tonga
Tonga Kuningriigi nimel
Για το Βασίλειο της Τόνγκα
For the Kingdom of Tonga
Pour le Royaume des Tonga
Za Kraljevinu Tongu
Per il Regno di Tonga
Tongas Karalistes vārdā –
Tongos Karalystės vardu
A Tongai Királyság részéről
Għar-Renju ta' Tonga
Voor het Koninkrijk Tonga
W imieniu Królestwa Tonga
Pelo Reino de Tonga
Pentru Regatul Tonga
Za Tongské kráľovstvo
Za Kraljevino Tongo
Tongan kuningaskunnan puolesta
För Konungariket Tonga
(1) ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħjom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).
Dikjarazzjoni Konġunta fir-rigward tal-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein
Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.
F'ċirkostanzi bħal dawn hu mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, min-naħa, u Tonga, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir f'termini simili għal dawk ta' dan il-Ftehim.
Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-interpretazzjoni tal-kategorija ta' persuni li jivvjaġġaw bil-għan li jwettqu attività bi ħlas kif previst fl-Artikolu 3(2) ta' dan il-Ftehim
Xewqana li tkun żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, għall-għan ta' dan il-Ftehim, il-kategorija ta' persuni li jwettqu attività bi ħlas tkopri l-persuni li jidħlu b'għan li jkollhom mestier bi qligħ jew attività b'remunerazzjoni fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra bħala impjegat jew fornitur ta' servizz.
Din il-kategorija ma għandhiex tkopri:
— |
persuni tan-negozju, jiġifieri persuni li jivvjaġġaw b'għan ta' deliberazzjoni tan-negozju (mingħajr ma jkunu impjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra), |
— |
persuni tal-isports jew artisti li jesebixxu attività fuq bażi ad hoc, |
— |
ġurnalisti mibgħuta mill-midja tal-pajjiż ta' residenza tagħhom, u, |
— |
apprendisti intrakorporattivi. |
L-implimentazzjoni ta' din id-Dikjarazzjoni għandha tkun immonitorjata mill-Kumitat Konġunt fi ħdan ir-responsabbiltà tiegħu skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Ftehim, li jista' jipproponi modifiki meta, fuq il-bażi tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti, jikkunsidrah neċessarju.
Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-interpretazzjoni tal-perijodu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum kif stabbilit fl-Artikolu 4 ta' dan il-Ftehim
Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li l-perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum kif previst mill-Artikolu 4 ta' dan il-Ftehim ifisser soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi, li t-tul ta' żmien totali tagħhom ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.
Il-kunċett ta' “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta' perijodu ta' referenza mobbli ta' 180 jum, billi wieħed iħares lura lejn kull ġurnata tas-soġġorn fl-aħħar perijodu ta'180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżit tad-90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum għadux jiġi ssodisfat. Inter alia, dan ifisser li assenza għal perijodu mhux interrott ta' 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum.
Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-informazzjoni li għandha tingħata liċ-ċittadini dwar il-Ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża
Filwaqt li tkun rikonoxxuta l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Tonga, il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li jiżguraw it-tixrid totali ta' informazzjoni dwar il-kontenut u tal-konsegwenzi tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju.