This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0628
2012/628/EU: Commission Implementing Decision of 5 October 2012 on the recognition of the legal and supervisory framework of the United States of America as equivalent to the requirements of Regulation (EC) No 1060/2009 of the European Parliament and of the Council on credit rating agencies Text with EEA relevance
2012/628/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu Test b’relevanza għaż-ŻEE
2012/628/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 274, 9.10.2012, p. 32–33
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 18/08/2019; Imħassar b' 32019D1279
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repealed by | 32019D1279 | 19/08/2019 |
9.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 274/32 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-5 ta’ Ottubru 2012
dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2012/628/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fit-12 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni tat mandat lill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (KRET) li l-kompiti tiegħu ġew assunti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq stabbilita fl-1 ta’ Jannar 2011 bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (2) (AETS), fejn talbet il-parir tekniku tagħhom dwar il-valutazzjoni teknika tal-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti fir-rigward tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. |
(2) |
Fl-ewwel parir mogħti fil-21 ta’ Mejju 2010, il-KRET enfasizza żewġ oqsma (dwar il-kwalità tal-metodoloġiji u l-klassifikazzjonijiet, u fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-klassifikazzjonijiet) fejn baqgħu jippersistu differenzi sinifikanti bejn l-oqfsa tal-Istati u tal-Unjoni. Sussegwentement, wara d-dħul fis-seħħ tad-Dodd-Frank Wall Street Reform and Consumer Protection Act fil-21 ta’ Lulju 2010, l-AETS aġġornat lill-Kummissjoni bil-parir tekniku tagħha li jindika li l-qafas superviżorju u legali tal-Istati Uniti fir-rigward tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu seta’ jitqies bħala ekwivalenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009. |
(3) |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, sabiex il-qafas legali u superviżorju ta’ pajjiż terz ikun ikkunsidrat bħala ekwivalenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009, jeħtieġ li jkun ivvalutat jekk ġewx issodisfati tliet kundizzjonijiet. |
(4) |
Skont l-ewwel kundizzjoni, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fil-pajjiż terz għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni jew għar-reġistrazzjoni u jkunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jikkonsisti mill-Att ta’ Riforma tal-Aġenżiji ta’ Klassifikazzjoni tal-Kreditu tal-2006 (l-"Att dwar l-Aġenziji ta’ Klassifikazzjoni") li jipprova jtejjeb il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet sabiex jipproteġi lill-investituri u fl-interess pubbliku, billi jrawwem ir-responsabbiltà, it-trasparenza u l-kompetizzjoni fl-industrija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u t-taqsima 15E (3), it-taqsima 17 (4) u t-taqsima 21B(a) (5) tal-Att dwar il-Kambju tat-Titoli (l-"Att dwar il-Kambju"). Id-dispożizzjonijiet operattivi tal-Att dwar l-Aġenziji ta’ Klassifikazzjoni saru applikabbli mal-adozzjoni, min-naħa tal-SEC, ta’ sensiela ta’ regoli li jimplimentaw programm għar-reġistrazzjoni u s-sorveljanza tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu f’Ġunju 2007 li jirreġistraw bħala Organizzazzjonijiet ta’ Klassifikazzjonijiet Statistiċi Rikonoxxuti Nazzjonalment (Nationally Recognized Statistical Ratings Organizations - NRSRO). Sabiex ikun permess l-użu tal-klassifikazzjonijiet tagħhom għal finijiet regolatorji, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jirreġistraw mal-SEC u sussegwentement dawn ikunu taħt superviżjoni mill-SEC fuq bażi kontinwa. L-SEC ingħatalha firxa komprensiva ta’ setgħat superviżorji li jippermettulha tinvestiga jekk l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jikkonformawx mal-obbligi legali tagħhom. Dawk is-setgħat jinkludu s-setgħa li taċċessa d-dokumenti, li twettaq investigazzjonijiet u li twettaq spezzjonijiet fuq il-post, kif ukoll is-setgħa li tesiġi aċċess għar-rekords ta’ reġistrazzjonijiet telefoniċi u ta’ komunikazzjoni elettronika. L-SEC tista’ teżerċita dawn is-setgħat mhux biss fir-rigward tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, iżda wkoll fir-rigward ta’ persuni oħra involuti f’attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. It-Taqsima 15E(p)(3)(A) tal-Att dwar il-Kambju tesiġi li l-SEC twettaq eżami ta’ kull NRSRO mill-inqas kull sena u li tirrapporta dwar is-sejbiet ta’ dawn l-eżamijiet (6). Fejn l-SEC diġà stabbiliet li NRSRO kisret xi obbligu li jirriżulta mill-qafas regolatorju rilevanti, hija tista’ tadotta firxa wiesgħa ta’ miżuri superviżorji sabiex twaqqaf il-ksur. Dawk il-miżuri jinkludu s-setgħa li tirtira r-reġistrazzjoni, tissospendi l-użu ta’ klassifikazzjonijiet għall-finijiet regolatorji u li tordna lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu biex iwaqqfu l-ksur. L-SEC tista’ wkoll timponi penali severi fuq aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għall-ksur tar-rekwiżiti rilevanti. Għalhekk, l-NRSROs huma soġġetti għas-superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Fil-ftehim ta’ kooperazzjoni konkluż bejn l-AETS u l-SEC huwa previst skambju ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ miżuri ta’ infurzar u dawk superviżorji meħuda fil-konfront ta’ CRAs transfruntieri. |
(5) |
Skont it-tieni kundizzjoni, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fil-pajjiż terz għandhom ikunu soġġetti għar-regoli legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għal dawk stipulati mill-Artikolu 6 sal-Artikolu 12 u l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jilħaq l-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fir-rigward tal-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, il-proċessi organizzazzjonali u l-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet u l-metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet, id-divulgazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u d-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk, il-qafas tal-Istati Uniti jipprovdi protezzjonijiet ekwivalenti f’termini ta’ integrità, trasparenza, governanza tajba tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u affidabbiltà tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. |
(6) |
Skont it-tielet kundizzjoni, is-sistema regolatorja fil-pajjiż terz għandha tevita l-indħil mill-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra ta’ dak il-pajjiż terz fil-kontenut tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u fil-metodoloġiji. F’dan ir-rigward, l-SEC u kwalunkwe awtorità pubblika oħra fl-Istati Uniti huma pprojbiti bil-liġi milli jindaħlu fis-sustanza tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u fil-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. |
(7) |
Fl-isfond tal-fatturi eżaminati, il-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jistgħu jitqiesu li huma ssodisfati mill-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk, il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandu jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-AETS, se tkompli timmonitorja l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u l-issodisfar tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni. |
(8) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ottubru 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.
(2) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.
(3) 15 U.S.C.78o-7.
(4) 15 U.S.C.78q.
(5) 15 U.S.C.78u-2.
(6) Ara r-rapport ta' sommarju tal-Eżamijiet tal-Persunal tal-SEC ta' kull NRSRO ta' Settembru 2011.