This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0624
2012/624/EU: Council Implementing Decision of 4 October 2012 authorising Hungary to introduce a special measure derogating from Article 193 of Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax
2012/624/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 4 ta’ Ottubru 2012 li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
2012/624/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 4 ta’ Ottubru 2012 li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
ĠU L 274, 9.10.2012, p. 26–27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2014
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Derogation | 32006L0112 | Deroga | artikolu 193 | 01/07/2012 | 30/06/2014 |
9.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 274/26 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-4 ta’ Ottubru 2012
li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
(2012/624/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Bl-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-3 ta’ Frar 2012, l-Ungerija talbet l-awtorizzazzjoni biex tidderoga, mill-1 ta’ Lulju 2012 u għal perjodu ta’ sentejn, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE li tirregola l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa. F’dik l-ittra, l-Ungerija semmiet li mhux se tfittex it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni. |
(2) |
B’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta’ ittra datata s-26 ta’ April 2012, bit-talba tar-Ungerija u permezz ta’ ittra datata t-2 ta’ Mejju 2012, nnotifikat lill-Ungerija li hi kellha l-informazzjoni kollha li kienet tikkunsidra meħtieġa sabiex tqis it-talba. Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal awtorizzazzjoni lill-Kunsill fid-29 ta’ Ġunju 2012. |
(3) |
Il-persuna responsabbli mill-ħlas tal-VAT hi, b’regola ġenerali, il-persuna taxabbli li tipprovdi l-prodotti, skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE. L-għan tad-deroga mitluba mill-Ungerija hu li, għal perjodu limitat, titfa’ r-responsabbiltà fuq il-persuna taxxabbli li tkun saritilha l-provvista ta’ ċerti prodotti agrikoli mhux proċessati fis-setturi taċ-ċereali u żerriegħa għaż-żejt. |
(4) |
F’dawk is-setturi, l-Ungerija nnotatat li għadd ta’ Kummerċjanti huma involuti f’forom differenti ta’ evażjoni tat-taxxa, kemm internament kif ukoll fil-kummerċ Intra-Komunitarju, billi ma jħallsux lill-awtoritajiet tat-taxxa il-VAT li huma jkun ġabru fuq il-provvisti tagħhom. Il-klijenti tagħhom, sa fejn huma persuni taxxabbli bi dritt sħiħ għal tnaqqis, jibqgħu intitolati jnaqqsu l-VAT. |
(5) |
In-nomina ta’ persuna taxxabbli li lilha jsir il-forniment bħala dik responsabbli għall-VAT minflok il-fornitur tkun miżura temporanja ta’ emerġenza li twassal biex titneħħa l-opportunità li wieħed jinvolvi ruħu f’dik il-forma ta’ evażjoni. Sabiex il-miżura tkun effettiva hija għandha tkopri l-ħsad tal-2012. Hija għandha tintemm wara perjodu ta’ sentejn, li għandu jkun biżżejjed għall-Ungerija sabiex tintroduċi fis-settur agrikolu miżuri definittivi li jkunu kompatibbli mad-Direttiva 2006/112/KE u li jipprevenu u jiġġieldu din il-forma ta’ evażjoni. |
(6) |
Biex ikun prevenut it-trasferiment tal-evażjoni tat-taxxa għall-istadju ta’ proċessar tal-prodotti, għall-prodotti jew setturi oħra, l-Ungerija għandha tintroduċi miżuri xierqa ta’ kontroll u obbligi ta’ rappurtar u tinnotifika lill-Kummissjoni dwarhom. |
(7) |
Sabiex ikun żgurat li l-miżura speċjali tapplika biss għal ċertu prodotti agrikoli speċifiċi u biex tkun garantita ċ-ċertezza legali tagħha, il-prodotti koperti mill-miżura speċjali għandhom ikunu determinati bl-użu tan-nomenklatura magħquda stipulata fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (2). |
(8) |
Il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-objettivi mfittxa minħabba li hija limitata fiż-żmien u mhux maħsuba biex tapplika b’mod ġenerali iżda biss għal għadd ta’ prodotti speċifikati bir-reqqa li normalment mhumiex destinati għal konsum finali fi stat mhux mibdul, u li b’relazzjoni magħhom l-evażjoni tat-taxxa ikkawżat telf sostanzjali ta’ dħul mill-VAT. |
(9) |
Il-miżura speċjali mhux ikollha l-ebda effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jkunu ġejjin mill-VAT, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija hija b’dan awtorizzata li tinnomina bħala l-persuna responsabbli biex tħallas il-VAT, lill-persuna taxxabbli li lilha jsiru fornimenti tal-prodotti li ġejjin, kif stipulat fin-nomenklatura magħquda stabbilita bir-Regolament (KEE) Nru 2658/87.
Kodiċi tan-NM |
Prodott |
1001 |
Qamħ u taħlita ta’ ċereali (meslin) |
1002 |
Segala |
1003 |
Xgħir |
1004 |
Ħafur |
1005 |
Qamħirrum |
1008 60 00 |
Ibridu tal-qamħ u x-xgħir (triticale) |
1201 |
Soja, imkissra jew le |
1205 |
Żerriegħa tan-nevew jew tal-kolza, imkissra jew le |
1206 00 |
Żerriegħa tal-ġirasol, imkissra jew le |
Artikolu 2
L-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 1 hija soġġetta għall-kondizzjoni li l-Ungerija ddaħħal miżuri ta’ kontroll xieraq u effikaċji u obbligi ta’ rappurtar fir-rigward ta’ persuni taxxabbli li jfornu l-prodotti li għalihom tapplika din id-Deċiżjoni.
L-Ungerija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni bl-introduzzjoni tal-miżuri u l-obbligi msemmija fl-ewwel paragrafu.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha.
Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2014.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-4 ta’ Ottubru 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
S. CHARALAMBOUS
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.