EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0625

Kawża T-625/16: Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2016 – Przedsiębiorstwo Energetyki Cieplnej vs ECHA

ĠU C 402, 31.10.2016, p. 51–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 402/51


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2016 – Przedsiębiorstwo Energetyki Cieplnej vs ECHA

(Kawża T-625/16)

(2016/C 402/61)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Przedsiębiorstwo Energetyki Cieplnej sp. z o. o. (Grajewo, il-Polonja) (rappreżentanti: T. Dobrzyński, radca prawny [avukat])

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-ECHA Nru SME (2016) 2851, tat-23 ta’ Ġunju 2016, li tiddikjara li r-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tnaqqis fit-tariffi għall-impriżi ta’ daqs medju, u li r-rikorrenti għandha tħallas dritt amministrattiv;

tannulla l-kont Nru 10058238 maħruġ mill-ECHA fit-23 ta’ Ġunju 2016 fir-rigward tad-differenza bejn it-tariffa mħallsa mir-rikorrenti u t-tariffa dovuta fil-każ ta’ impriża kbira kif stabbilita fid-Deċiżjoni tal-ECHA Nru SME (2016) 2851;

tannulla l-kont Nru 10058239 maħruġ mil-ECHA fit-23 ta’ Ġunju 2016 li jistabbilixxi l-ammont tad-dritt amministrattiv dovut skont id-Deċiżjoni tal-ECHA Nru SME (2016) 2851;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-ECHA Nru 14/2015, tal-4 ta’ Ġunju 2015 (MB/43/2014) ME (2016) 2851;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv: ksur tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi

L-ammont tad-dritt amministrattiv, previst fid-Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija MB/43/2014, li tikkostitwixxi l-bażi għad-deċiżjoni u għall-kontijiet ikkontestati, huwa, fid-dawl tal-funzjonijiet li għandu jissodisfa d-dritt amministrattiv, sproporzjonalment għoli u għalhekk huwa ekwivalenti għal multa. Dan jammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi rrikonoxxut fl-Artikolu 5 TUE, moqri flimkien mal-premessa 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008.

2.

It-tieni motiv: ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba

Ir-rikorrenti bbażat id-dikjarazzjoni tagħha dwar id-daqs tal-impriża fuq informazzjoni li, fost oħrajn, kienet toriġina mill-ECHA, u fuq informazzjoni nazzjonali. Id-daqs tal-impriża kellu jiġi ddeterminat skont il-Liġi dwar il-libertà tal-attivitajiet ekonomiċi tat-2 ta’ Lulju 2004. Skont din il-liġi, l-impriżi ma għandhomx jiġu ddeterminati skont l-istruttura tal-ishma. L-ECHA naqset milli tipprovdi informazzjoni suffiċjenti dwar ir-regoli ta’ inkorporazzjoni u imponiet it-tariffi, mingħajr ma kien possibbli li jiġi rrimedjat l-iżball.

3.

It-tielet motiv: ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1907/2006 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, id-drittijiet amministrattivi għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi tal-ispejjeż konkreti tal-kontroll imwettaq mill-ECHA. Il-prassi tal-ECHA, fejn l-impriżi li jkunu ddikjaraw b’mod żbaljat id-daqs tagħhom ibatu l-ispejjeż tal-kontrolli mwettqa fir-rigward tal-impriżi kollha, għandha titqies li hija inammissibbli.

4.

Ir-raba’ motiv: ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Bl-impożizzjoni ta’ drittijiet amministrattivi u bl-iffissar tal-ammont ta’ dawn id-drittijiet skont id-daqs tal-impriżi, l-ECHA kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Il-fatt li impriża li hija kklassifikata bħala impriża kbira għas-sempliċi raġuni li entità pubblika għandha sehem mill-kapital tagħha tiġi suġġetta għall-istess dritt amministrattiv bħal impriża li hija kklassifikata bħala impriża kbira fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ annwali tagħha u tad-daqs tal-persunal tagħha, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

5.

Il-ħamis motiv: nullità tal-kontijiet stabbiliti fuq il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata

L-annullament tad-Deċiżjoni tal-ECHA Nru SME (2016) 2851 għandu jwassal għall-annullament tal-kontijiet li huma bbażati fuq il-fatturi maħruġa mill-ECHA. It-tariffi imposti lanqas ma huma dovuti għaliex, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-ECHA Nru SME (2016) 2851 u tal-ħruġ tal-kontijiet, ir-rikorrenti ma kinitx obbligata tirreġistra fis-sistema REACH.


Top