Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0765

Kawża T-765/15: Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Diċembru 2015 – BelTechExport vs Il-Kunsill

ĠU C 68, 22.2.2016, p. 44–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 68/44


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Diċembru 2015 – BelTechExport vs Il-Kunsill

(Kawża T-765/15)

(2016/C 068/56)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: BelTechExport ZAO (Minsk, il-Belarussja) (rappreżentanti: J. Jerņeva u E. Koškins, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1948, tad-29 ta’ Ottubru 2015, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja (ĠU L 284, p. 62) sa fejn dan ir-regolament jestendi l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi għar-rikorrenti, anki jekk din l-applikazzjoni hija sospiża temporanjament;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1957, tad-29 ta’ Ottubru 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU L 284, p. 149) sa fejn din id-deċiżjoni testendi l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi għar-rikorrenti, anki jekk din l-applikazzjoni hija sospiża temporanjament; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-atti kkontestati ma jipprovdux motivazzjoni suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-inklużjoni kontinwa tar-rikorrenti fuq l-annessi kkonċernati u l-fatt li l-Kunsill ma kkonformax ruħu mad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li jeżiġuh jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-atti kkontestati jiksru d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ xieraq, stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, peress li ġew adottati mingħajr ma r-rikorrenti kellha l-possibbiltà teżerċita effettivament id-drittijiet tagħha ta’ difiża, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ u d-dritt għal proċedura li tippermettilha titlob effettivament li titneħħa minn fuq il-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal-miżuri restrittivi.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-atti kkontestati huma vvizzjati minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, peress li huma bbażati fuq l-ipoteżi żbaljata li, bħala kumpannija importanti fis-settur tal-produzzjoni u tal-esportazzjoni tal-armi fil-Belarussja, ir-rikorrenti tibbenefika minn vantaġġ taħt ir-reġim Loukachenko.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-atti kkontestati jiksru d-dritt fundamentali għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fuq il-fatt li dan il-ksur ma huwiex ibbażat fuq provi konvinċenti, ma huwiex iġġustifikat u huwa sproporzjonat.


Top