This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013AE6166
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on new psychoactive substances’ COM(2013) 619 final — 2013/0305 (COD), COM(2013) 618 final — 2013/0304 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq sustanzi psikoattivi ġodda” COM(2013) 619 final – 2013/0305 (COD) COM(2013) 618 final – 2013/0304 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq sustanzi psikoattivi ġodda” COM(2013) 619 final – 2013/0305 (COD) COM(2013) 618 final – 2013/0304 (COD)
ĠU C 177, 11.6.2014, pp. 52–57
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
11.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 177/52 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq sustanzi psikoattivi ġodda”
COM(2013) 619 final – 2013/0305 (COD)
COM(2013) 618 final – 2013/0304 (COD)
(2014/C 177/10)
Relatur: is-Sur SEARS
Nhar l-4 ta' Ottubru 2013, is-7 ta' Ottubru 2013 u t-8 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq sustanzi psikoattivi ġodda
COM(2013) 619 final – 2013/0305 (COD) – COM(2013) 618 final – 2013/0304 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Diċembru 2013.
Matul l-495 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta' Jannar 2014 (seduta tal-21 ta' Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'141vot favur, u 2 astensjonijiet.
1. Sommarju u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-KESE jaqbel li d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-2005 (1) dwar sustanzi psikoattivi ġodda (SPĠ) għandha bżonn tiġi aġġornata. Huwa jaqbel mal-ħtieġa għal azzjoni kkoordinata aħjar bejn l-aġenziji tal-UE involuti, skeda aktar ristretta għall-ġbir tad-data, u l-possibbiltà ta' klassifikazzjoni interna aktar dettaljata ta' sustanzi skont jekk jippreżentawx riskji baxxi, moderati jew serji. Kwalunkwe azzjoni li tillimita l-provvista għandha ssegwi dawn il-klassifikazzjonijiet fi żmien f'waqtu u b'mod proporzjonat. |
|
1.2 |
Il-KESE jinnota wkoll li ta' spiss ma kinitx disponibbli data ta' appoġġ għall-valutazzjoni tal-impatt, li l-użu tas-SPĠ jvarja minn parti għal oħra tal-UE, u li l-attitudnijiet pubbliċi u t-tweġibiet politiċi jvarjaw drastikament. Il-Kummissjoni għandha raġun tenfasizza dak li huwa politikament possibbli fi ħdan it-Trattat tal-UE u l-limitazzjonijiet finanzjarji attwali iżda għandha tmur lil hinn minn dawn biex tidentifika dak li hu verament meħtieġ. |
|
1.3 |
Il-KESE jemmen li jeżistu wkoll lezzjonijiet li wieħed jista' jitgħallem billi jsegwi l-iżviluppi f'pajjiżi barra l-UE; dawn għandhom jiġu enfasizzati f'kull valutazzjoni tal-impatt oħra. Sadanittant huwa meħtieġ il-ġbir aħjar u b'iktar riżorsi tad-data fl-UE mis-sorsi kollha (disponibbiltà tas-sustanzi, rotot ta' provvista, opportunitajiet ekonomiċi u bżonnijiet soċjali), ir-rotot ta' komunikazzjoni (internet u midja soċjali) u r-riżultati (mard li jista' jitkejjel u ħsara oħra). |
|
1.4 |
Hemm għadd ta' punti tekniċi li jridu jiġu ċċarati jekk il-Proposta għal Regolament tibqa' kif inhi; dawn huma stipulati fit-Taqsima 5 ta' din l-Opinjoni. Is-suċċess se jiddependi mill-appoġġ politiku, il-provvista tad-data u l-finanzjament mill-Istati Membri. Irid ikun hemm qbil dwar l-għanijiet prattiċi. Għandha tkompli ssir ir-riċerka u l-aħjar (u l-agħar) prattiki għall-kontroll u t-trattament għandhom jiġu identifikati. Il-pjanijiet għall-programmi ta' riċerka ffinanzjati mill-UE bħal eSBIRTes, Orion u ALICE-RAP – u s-sejbiet tagħhom – għandhom jiġu kondiviżi b'mod regolari ma' partijiet oħra f'dan il-qasam u jiġu inkorporati aħjar fil-valutazzjonijiet tal-impatt u fil-proposti leġislattivi sussegwenti kollha. Il-ġbir tad-data, il-valutazzjoni tar-riskju u t-trasferiment tal-għarfien għandhom jissoktaw fil-ħin reali permezz tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar id-Drogi (jew forsi permezz ta' '“pjattaforma tas-SPĠ” usa'), li tinvolvi l-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari l-NGOs involuti direttament u l-gruppi ta' appoġġ. Dan għandu jkopri s-SPĠ kollha, inklużi dawk diġà notifikati bħala li jiġu użati waħedhom, f'taħlitiet jew bħala adulteranti f'SPĠ oħra. Għandu jintlaħaq ftehim iżjed ta' spiss mal-Istati Membri dwar il-prijoritajiet u l-possibilitajiet għal azzjoni. L-alternattivi jew l-addizzjonijiet għal rispons uniformi madwar l-UE kollha ristretti għat-tnaqqis min-naħa tal-provvista għandhom ikunu kkunsidrati. |
2. Introduzzjoni
|
2.1 |
Sustanza, kemm jekk naturali u kemm jekk sintetizzata deliberatament għal kwalunkwe għan, leċitu jew illeċitu, tissejjaħ “psikoattiva” jekk, minbarra l-proprjetajiet oħra fiżiċi, kimiċi, tossikoloġiċi u ambjentali tagħha, għandha l-kapaċità, meta kkonsumata mill-bniedem għal kwalunkwe raġuni, li tinteraġixxi mas-sistema nervużi ċentrali tiegħu biex tipproduċi stimulazzjoni jew dipressjoni akkumpanjata minn alluċinazzjonijiet u/jew alterazzjonijiet fil-funzjonijiet motriċi, fil-ħsieb, fl-imġiba jew fil-burdata tiegħu. |
|
2.2 |
Dawn l-effetti jistgħu jiġu meqjusa ta' għajnuna meta s-sustanzi jiġu fformulati, preskritti u użati taħt kundizzjonijiet kontrollati bħala prodotti mediċinali biex jikkuraw kundizzjonijiet speċifiċi – jew mhux ta' għajnuna u potenzjalment, jew fil-fatt, perikolużi, xi kultant serjament, jekk il-persuna tiddeċiedi li teħodhom minn rajha purament biex tibbenefika mill-effetti msemmija hawn fuq. Dawn ir-riskji jiżdiedu drastikament jekk is-sustanzi jwasslu wkoll għal dipendenza u jekk l-użu tagħhom huwa sfrutabbli ekonomikament. |
|
2.3 |
Sustanzi bħall-morfina, l-eroina, il-kokaina, l-ekstasi u l-kannabis u d-derivattivi u l-prekursuri diversi tagħhom, flimkien ma' firxa ta' anfetamini, barbiturati, benzodiazepines u droga oħra “psikedelika”, għaldaqstant huma suġġetti għal kontroll, bi gradi differenti ta' suċċess, taħt żewġ konvenzjonijiet tan-NU (2) (1961, 1971) u Protokoll (3) (1972) tan-NU implimentati, f'livelli differenti, fil-livell nazzjonali madwar id-dinja. |
|
2.4 |
Kwalunkwe sustanza psikoattiva (SP) mhux elenkata u kkontrollata kif spjegat hawn fuq, għall-għanijiet tal-leġislazzjoni tal-UE (u xi leġislazzjonijiet oħra), hija meqjusa bħala “ġdida” – irrispettivament minn kemm ilha magħrufa jew użata għal skopijiet oħra, f'ħafna każi leġittimi. Din is-sustanza tissejjaħ “sustanza psikoattiva ġdida” (SPĠ) biss meta tiġi identifikata (jew suspettata) bħala kummerċjalizzata jew distribwita biss għall-proprjetajiet psikoattivi tagħha, għall-użu minn konsumaturi individwali li jaġixxu barra s-superviżjoni medika jew superviżjoni oħra. |
|
2.5 |
L-alkoħol, it-tabakk u l-kaffeina, li f'diversi dożi jissodisfaw il-kriterji kollha ta' hawn fuq għall-SPĠ u għall-ħsara fit-tul, huma speċifikament esklużi skont id-definizzjonijiet tan-NU u l-UE. Dan huwa inqas faċli biex isir “fit-triq” jew fi studji akkademiċi fejn l-użu u l-effetti tagħhom huma mħallta mal-oħrajn – u fejn l-impatti soċjali u tas-saħħa tal-alkoħol u t-tabakk jiżbqu sew dawk tal-parti l-kbira tas-SPĠ. Madanakollu, ir-riċerkaturi u r-regolaturi mhux dejjem jaqblu dwar dawn il-kwistjonijiet u hemm bżonn urġenti ta' proċess abbażi ta' ftehim reċiproku biex jiġi stmat id-dannu u r-riskju fuq bażi kwantitattiva. |
|
2.6 |
Aktar minn 300 SPĠ ġew identifikati bħala li jintużaw (jew kienu jintużaw) okkażjonalment jew fit-tul madwar l-UE kollha. Bħalissa, bħala medja, tasal notifika ġdida fil-ġimgħa mill-Istati Membri. Peress li mhumiex ikkontrollati, l-użu tagħhom mhux illeċitu; għalhekk dawn huma leċiti u jistgħu jiġu deskritti bħala “legali” – bl-implikazzjoni żbaljata li huma wkoll “sikuri” jew “approvati”. Fil-biċċa l-kbira tal-każi ftit hemm data xjentifika sabiex tikkonferma jew tiċħad dawn is-suppożizzjonijiet. Molekuli ġodda, li jkunu varjanti ta' dawk ipprojbiti speċifikament, jistgħu jiġu sintetizzati u impurtati malajr miċ-Ċina jew l-Indja, f'xi każi, bi tweġiba għal ordnijiet minn gruppi organizzati jew individwi fl-UE. Molekuli eżistenti jistgħu wkoll jiġu ddevjati minn skopijiet leġittimi fi ħdan l-UE. Fil-maġġoranza tal-każi, il-motivazzjoni hija ekonomika; f'oħrajn l-isfida ewlenija tkun kif iddur mal-liġi. Il-Punti Fokali Nazzjonali tan-Netwerk Ewropew ttal-Informazzjoni dwar id-Droga u d-Dipendenza mid-Droga (“Reitox”) jipprovdu twissijiet bikrin u jaqsmu informazzjoni dwar is-SPĠ li għadhom kemm ġew identifikati. |
|
2.7 |
Is-SPĠ huma kkummerċjalizzati taħt bosta ismijiet kummerċjali li jkunu mhux sistematiċi, imqassra u/jew eżotiċi, u ta' spiss f'taħlitiet ma' prodotti oħra pprojbiti, ġodda jew esklużi, inklużi prodotti tal-ħxejjex, ingredjenti medikament attivi, addittivi tal-ikel, tabakk, kaffeina u inert fillers (materjal inert miżjud bħala mili). Ma hemmx konsistenza jew kontroll fuq il-kontenut; it-twissijiet ta' sikurezza huma assenti jew inklużi biss biex jippermettu l-bejgħ (“mhux għall-konsum mill-bniedem”). L-ittikkettar jista' jqarraq deliberatament (“frak tal-melħ tal-banju” jew inċens, għall-prodotti li x'aktarx jinġibdu man-nifs, jitpepu jew jiġu injettati). |
|
2.8 |
Il-bejgħ isir minn negozjanti speċjalizzati jew ħwienet (ħwienet imsejħin “head”, “smart” jew “smoke” shops, flimkien ma' “parafernalja” marbuta mat-tabakk), u fuq l-internet (bid-disponibbiltà ta' xiri permezz tal-karta ta' kreditu, riċensjonijiet tal-prodotti u tal-fornituri, u konsenja sad-dar fil-pront). Il-websajts anomini jġibu magħhom problemi speċjali. Il-prezzijiet għal kull doża għandhom ix-xejra li jkunu baxxi meta mqabbla mal-prezzijiet tad-drogi illeċiti. Il-midja soċjali tinkoraġġixxi xejriet ġodda u tgħin fl-iskambju tal-esperjenzi. L-użu (bħala “highs legali”, drogi li jittieħdu fil-clubs, fil-parties jew għal rikreazzjoni jew l-hekk imsejħa designer drugs) jvarja sew madwar l-UE u jidher li qed jiżdied bil-mod, b'użu iżjed mill-medja rappurtat fl-Irlanda, il-Polonja, il-Latvja u r-Renju Unit. L-għadd ta' persuni li ġew irrappurtati li ddaħħlu l-isptar b'konsegwenza diretta ta' dan għadu relattivament baxx (li, fin-nuqqas ta' data affidabbli, jista' jew jista' ma jkunx riflessjoni ġenwina tal-ħsara reali). |
|
2.9 |
B'konsistenza ma' dak li ntqal hawn fuq, u meta mqabbel ma' utenti regolari u dipendenti ta' drogi illeċiti, l-utenti tas-SPĠ (b'mod partikolari, fir-Renju Unit, fejn isir ġbir tad-data konsiderevoli) s'issa għandhom it-tendenza li jkunu żgħażagħ, pjuttost għonja, mhux kriminali u huwa aktar probabbli li jippreżentaw ruħhom għal kura tas-saħħa meta meħtieġ. Minħabba li jkunu għadhom integrati fil-ħajja familjari u dik tax-xogħol, ir-rati ta' rkupru huma ġeneralment tajbin. Meta jseħħu inċidenti jew imwiet, normalment ikunu meqjusa bħala traġedji personali mhux mistennija u għandhom it-tendenza li jirċievu attenzjoni konsiderevoli fil-midja, u għalhekk politikament, għall-istess raġunijiet. |
|
2.10 |
Minħabba dan, mhux ta' sorpriża li l-attitudnijiet pubbliċi u politiċi fl-Istati Membri tal-UE u madwar id-dinja dwar il-kontrolli fuq is-SPĠ ivarjaw ħafna. L-Urugwaj riċentament illegalizzat il-kannabis. In-New Zealand se jawtorizzaw SPĠ “aċċettabbli” ta' riskju baxx u ta' kwalità kkontrollata. L-Irlanda naqqset l-għadd ta' ħwienet drastikament; il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kanada qed jikkunsidraw li jagħmlu l-istess. Ir-Renju Unit tradizzjonalment ipprefera l-projbizzjoni tal-prodotti, wieħed wieħed jew fi gruppi, iżda issa qed jistudja strateġija alternattivi. Il-Beġju qed jippjana li jipprojbixxi gruppi ta' prodotti. Saru sforzi biex jirrestrinġu l-bejgħ ta' drogi illeċiti fuq l-internet minn siti anonimi; il-bejgħ leċitu madankollu aktarx joktor. |
3. Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni
|
3.1 |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-2005 (4) stabbilixxiet il-qafas għall-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq SPĠ. Ġie osservat li din hija reattiva, b'informazzjoni limitata miġbura, ftit li xejn kategorizzazzjoni tar-riskju u ftit li xejn għażla għal miżuri restrittivi. Fl-2011, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex taġġorna d-Deċiżjoni. |
|
3.2 |
Din il-proposta tistabbilixxi l-miżuri meqjusa neċessarji, inkluża Proposta għal Direttiva li tirrevedi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill (5) dwar dispożizzjonijiet minimi fil-qasam tat-traffikar tad-drogi. Dan iwessa' d-definizzjoni ta' “droga” sabiex is-SPĠ li għandhom riskji gravi għas-saħħa, is-soċjetà u s-sikurezza, ikunu soġġetti għal restrizzjoni tas-suq permanenti fl-UE taħt l-istess intestatura bħas-sustanzi li huma diġà elenkati taħt il-konvenzjonijiet u l-Protokoll rilevanti tan-NU. |
|
3.3 |
Il-Proposta għal Regolament speċifikament fuq is-SPĠ hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt interna li tenfasizza differenzi fid-disponibilità tad-data, l-użu attwali, l-ispejjeż tas-saħħa u r-reazzjonijiet pubbliċi u governattivi madwar l-UE. Fejn m'hemmx data disponibbli, huma pprovduti stimi. L-għażliet ta' politika huma vvalutati skont l-effettività tagħhom fit-tilħiq tal-għanijiet, l-impatti ekonomiċi, finanzjarji u soċjali, u l-proporzjonalità u l-aċċettabilità mill-partijiet interessati. |
|
3.4 |
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE u għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern b'livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa, is-sikurezza u l-konsumatur. Hija maħsuba biex tqassar iż-żmien ta' reazzjoni fil-livell tal-UE, biex tipprovdi opportunitajiet għal tweġibiet xierqa u ffukati, biex tindirizza l-problemi tal-użu doppju u n-nuqqas ta' ċertezza legali għall-operaturi tas-suq, u biex tgħaqqad is-suq tas-SPĠ mas-suq intern usa'. |
|
3.5 |
Il-proposta tistabbilixxi skeda ta' żmien għall-ġbir tad-data għal rapport konġunt mill-Kummissjoni, iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), l-Europol u aġenziji Ewropej oħra involuti mill-qrib (tal-Mediċini, tas-Sustanzi Kimiċi u tas-Sigurtà fl-Ikel) ibbażat fuq twissijiet bikrin mill-Istati Membri dwar is-SPĠ li jkunu għadhom kemm ġew identifikati. |
|
3.6 |
Dan ir-rapport jista' jwassal għal valutazzjoni formali tar-riskju mill-EMCDDA bħala bażi għal azzjoni mill-Kummissjoni. Qed jiġu proposti kriterji biex jiddistingwu bejn riskji baxxi, moderati u gravi għass-saħħa, is-soċjetà u s-sikurezza. Meta r-riskji jkunu kkunsidrati li huma baxxi, mhi se tittieħed l-ebda azzjoni oħra. Fil-każ ta' riskji moderati jew gravi, il-Kummissjoni tista' timponi projbizzjonijiet temporanji jew permanenti fuq il-bejgħ ta' SPĠ speċifiċi u, f'każijiet partikolari, fuq il-produzzjoni, id-distribuzzjoni, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom. |
|
3.7 |
Il-proposta tipprevedi r-rivalutazzjonijiet tal-livelli ta' riskju fid-dawl ta' tagħrif ġdid u r-rappurtar u l-evalwazzjoni regolari tal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-effettività tar-Regolament. Ir-riċerka u l-analiżi se jkomplu. L-Istati Membri se jkunu obbligati li jistipulaw is-sanzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jinforzaw ir-restrizzjoni tas-suq, u biex jiżguraw li dawn ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. Jingħad li din il-proposta mhi se jkollha l-ebda impatt dirett fuq il-baġit tal-Unjoni. |
|
3.8 |
Ir-Regolament se jidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u għandu jorbot lill-Istati Membri. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill oriġinali (6) se titħassar u tinbidel. |
4. Kummenti ġenerali
|
4.1 |
Il-KESE laqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2011 “Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-drogi” u l-Proposta għal Regolament tal-2012 dwar il-prekursuri tad-droga. Il-KESE wera x-xewqa tiegħu li jitressqu proposti dwar “sustanzi psikoattivi ġodda” u ssuġġerixxa linji gwida ġenerali għal azzjoni effettiva fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. |
|
4.2 |
Fil-każ tal-prekursuri tad-droga, ġie nnutat partikolarment sa liema punt il-partijiet involuti (il-Kummissjoni u numru limitat ta' manifatturi kummerċjanti u utenti aħħarin leġittimi) laqgħu bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988 (7) fir-rigward tal-ħidma flimkien biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa. F'dan il-każ partikolari, li jirreferi għad-dirottament ta' kwantitajiet żgħar ta' anidride aċetiku meħtieġ għall-manifattura tal-eroina, dawn jistgħu jiġu definiti b'mod pjuttost preċiż. |
|
4.3 |
Dan għadu mhux il-każ għas-SPĠ fejn is-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri u globalment fir-rigward tal-użu attwali u t-tweġibiet pubbliċi u politiċi jvarjaw drastikament. Spiss ma tinġabarx data ewlenija; it-traġedji individwali jattiraw l-attenzjoni tal-mezzi tax-xandir; ir-reazzjonijiet politiċi mhumiex dejjem appoġġatimill-pariri xjentifiċi u professjonali, u jistgħu jkunu direttament kontrihom; fatturi oħra, inkluż l-użu ħafna aktar mifrux u dannuż tal-alkoħol u t-tabakk, huma meqjusa sensittivi wisq biex jiġu inkorporati f'approċċ regolatorju armonizzat; distakk ġenerazzjonali, fir-rigward tal-marketing fuq l-internet, ir-rwol tal-midja soċjali fil-formazzjoni tal-perċezzjoni, it-teħid tar-riskju u l-użu rikreattiv ta' sustanzi psikoattivi, kemm qodma kif ukoll ġodda, huwa evidenti. |
|
4.4 |
F'dan il-kuntest diffiċli ħafna għal kull min ikun qed jipprova jwieġeb għas-SPĠ, huma rilevanti żewġ kummenti minn opinjonijiet preċedenti tal-KESE, jiġifieri li “Stat ma jistax joħloq danni jew riskji akbar minn dawk li għandu l-ħsieb li jħares minnhom” (8) u, bħal bosta kwistjonijiet oħra ta' tħassib għar-regolaturi, “il-politika għandha tkun ibbażata fuq data u evidenza – u mhux bil-kontra (9)”. Madanakollu, dan hu eħfef biex jingħad milli biex isir. |
|
4.5 |
It-tħassib dwar il-proposti attwali ċertament mhux li se jagħmlu l-ħsara, pjuttost li jistgħu ma jagħmlux biżżejjed tajjeb – u li l-eżistenza tagħhom tista' tdewwem approċċi bbażati fuq id-data multidixxiplinari u minn soċjetajiet differenti usa', li huma meħtieġa biex jintlaħaq ftehim anke dwar is-sitwazzjoni attwali u dwar l-għanijiet għal perijodu fit-tul għall-popolazzjonijiet speċifiċi. F'każ li ma jintlaħaqx ftehim bil-quddiem dwar dawn, u ma jinkisbux l-appoġġ politiku u finanzjarju meħtieġa, dan għandu jkun rikonoxxut f'kull proposta tgħal regolament fil-livell tal-UE. |
|
4.6 |
Il-KESE jinnota li l-proposta għandha għanijiet oħra, inkluż l-indirizzar tal-problemi tal-użu doppju, id-dirottament ta' sustanzi leċiti fi ħdan l-UE u n-nuqqas ta' ċertezza għall-“operaturi legali”. Madankollu dawn mhumiex kwantifikati fil-valutazzjoni tal-impatt u timngħatalhom ftit li xejn attenzjoni fil-proposta. Possibilitajiet oħra biex jimlew lakuni minn leġislazzjoni oħra lanqas biss ġew ikkunsidrati. Għalhekk hu diffiċli li wieħed ikun jaf jekk il-bażi tat-Trattat magħżul (l-Artikolu 114 tat-TFUE) huwiex xieraq jew le. Id-data statistika dwar it-300 sustanza li huma elenkati s'issa tista' tintuża biex tiċċara dan il-punt u punti oħra. |
|
4.7 |
Il-KESE jemmen bil-qawwa, u stqarr diversi drabi, li r-regolazzjoni tal-provvista hija biss parti mis-soluzzjoni – u waħedha mhix probabbli li twassal għal riżultati utli jew li jistgħu jitkejlu. Għandu jkun hemm aktar attenzjoni biex tiftiehem id-domanda – u jiġu proposti modi aħjar biex jiġi żgurat li din tiġi ssodisfata bl-inqas riskju possibbli. Bħal dejjem, ir-riskju qatt ma jista' jiġi eskluż għalkollox – iżda jista' jitnaqqas konsiderevolment. Data aħjar, imxerrda b'mod xieraq, għandha tgħin. |
|
4.8 |
Il-KESE jinnota wkoll li fejn huma applikati sanzjonijiet kriminali, dawn għandhom ikunu ristretti għal dawk li qed ifittxu li jagħmlu profitt kummerċjali minn bejgħ ta' sustanzi li huma diġà magħrufa li huma pprojbiti jew li x'aktarx jikkawżaw ħsara serja għas-saħħa tal-bniedem. Dan huwa partikolarment minnu għas-SPĠ fejn, s'issa, ir-riskji jidhru li huma aktar baxxi mis-SP “l-antiki” jew esklużi, u fejn il-priġunerija tal-utenti, li huma inevitabbilment esposti għas-SP “antiki”, tkun l-agħar riżultat personali u soċjali possibbli. Dan irid jiġi ddikjarat b'mod ċar fil-proposta jekk l-għan huwa li l-miżuri jkollhom kredibbiltà mal-popolazzjonijiet milquta fl-UE, speċjalment iż-żgħażagħ direttament involuti. |
5. Kummenti speċifiċi
|
5.1 |
Il-proposta tipprovdi definizzjonijiet ta' xi wħud (iżda mhux kollha) mit-termini ewlenin użati – iżda ma tispjegax kif għandhom japplikaw għal dan is-suq eċċezzjonalment strutturat, li qiegħed jikber malajr, parti legali, parti kriminali, parti trasparenti, parti regolat, ta' prodotti manifatturati l-aktar barra l-UE. “Operatur ekonomiku” mhuwiex definit – u jista' presumibilment jitqies bħala legali (bejjiegħ tas-SPĠ direttament, jew permezz ta' “head shop” jew l-internet) jew illegali (negozjant ta' drogi illeċiti). Xi jfisser “tqegħid fis-suq” fil-kuntest ta' bejgħ fuq l-internet fil-livell globali? Għalfejn “taħlita” għanda tkun limitata għal żewġ SPĠ jew aktar – pjuttost milli pereżempju SPĠ waħda flimkien ma' kwantitajiet li jvarjaw ta' tabakk, kaffeina, ħwawar u fillers? Ikun aħjar li tiffoka fuq “l-utenti” bħala “kull min jikkonsma s-SPĠ minbarra taħt superviżjoni medika” minflok fuq il-grupp usa' ta' “konsumaturi” (“persuni li jaġixxu għal għanijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-kummerċ, negozju, jew professjoni tagħhom”) li l-biċċa l-kbira minnhom mhux affetwati minn din l-attività? Jekk il-proposta hija intiża li tkun proattiva u mhux reattiva, ma għandhiex tiffoka wkoll fuq is-SPĠ “li jidher li mistennija joħorġu, abbażi ta' ġudizzju u valutazzjoni xjentifiċi”? Għaliex il-piż tal-prova ċċaqlaq mill-fornituri, li għandhom ikunu obbligati juru li l-prodotti tagħhom huma ta' “riskju baxx”, għall-EMCDDA u l-Kummissjoni – li għalhekk jidhru bħala dawk li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom? |
|
5.2 |
Id-definizzjoni tas-SPĠ tista' wkoll tiġi ċċarata – forsi bis-sostituzzjoni ta' “ġodda” b'“notifikati” – skont din il-proposta tal-UE – aktar milli “ġodda” biss b'relazzjoni ma' konvenzjonijiet tan-NU eżistenti. Minħabba li s-sustanzi mhumiex (u ma jistgħux u m'għandhomx ikunu) ittestjati b'mod regolari fil-qafas tar-REACH jew leġislazzjoni oħra bbażata fuq is-sustanzi għall-proprjetajiet psikoattivi tagħhom, hemm ftit li xejn informazzjoni dwar liema kwantità ta' molekuli tista' eventwalment turi (jew tiġi kkummerċjalizzata li turi) dawn l-effetti f'livelli differenti, min iżjed u min inqas.. Minħabba li t-terminu “SP” japplika biss meta l-effetti jesperjenzahom il-bniedem, il-limitazzjonijiet ta' testijiet fuq l-annimali huma ovvji. |
|
5.3 |
Il-KESE jinnota, b'ċertu tħassib, li l-proposta tiffoka fuq sustanzi individwali pjuttost milli fuq it-taħlitiet li huma kummerċjalizzati b'mod ġenerali. Hija definita skeda għat-tweġibiet tal-aġenziji – iżda mhux biex il-Kummissjoni tibda r-rapport konġunt jew il-valutazzjoni tar-riskju. Il-proċess jibda jekk “għadd” ta' Stati Membri jidentifikaw l-istess SPĠ; għaliex mhux Stat Membru wieħed biss, jekk ikun immirat b'mod sostanzjali? Kemm huma “għadd” ta' Stati? Mhuwiex ċar kif il-Kummissjoni se tiddeċiedi, fl-assenza (probabbli) ta' aktar informazzjoni mingħand l-aġenziji – u kritikament fin-nuqqas ta' kontribut politiku mill-Istati Membri. M'hemm l-ebda dispożizzjoni għal azzjoni taħt leġislazzjoni oħra tal-UE jew tal-Istati Membri, pereżempju, il-liġi dwar it-tikkettar, l-atti dwar il-bejgħ ta' merkanzija, il-protezzjoni ġenerali tal-konsumatur u leġislazzjoni oħra dwar kwistjonijiet kimiċi u mediċi, ikel, saħħa u sigurtà. Il-“head shops”, jekk jibqgħu jiġu permessi, għandhom jiġu konformi mal-liġi eżistenti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. |
|
5.4 |
Il-KESE huwa partikolarment imħasseb dwar in-nuqqas ta' fondi addizzjonali allokati għal din il-ħidma. Jekk dan jista' jitwettaq fuq baġits eżistenti, għaliex dawn il-proċeduri mhux qed ikunu segwiti fil-preżent? Jistgħu jinkisbu riżultati sinifikanti mingħajr tali finanzjament? Hemm bżonn Regolament (dirett lejn l-Istati Membri) biex jiġi stabbilit kif id-diversi aġenziji tal-UE jinteraġixxu – jew dawn il-proċessi interni jistgħu jiġu modifikati b'mod aktar f'waqtu b'kunsens reċiproku fid-dawl tal-esperjenza? |
|
5.5 |
Il-KESE jinnota li l-valutazzjoni tal-impatt li fuqha hija bbażata din il-proposta għandha nuqqas ta' data komparabbli mill-Istati Membri kollha dwar l-użu, l-impatti u l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa tas-SPĠ. Jekk jintwera li dawn huma ġenerali u sinifikanti, allura l-azzjoni mill-aġenziji tal-UE tagħti soluzzjoni kosteffiċjenti. Il-KESE huwa mħasseb li l-proposta ma tistabbilixxix standards minimi għar-rappurtar – li, min-naħa tiegħu, jista; jeħtieġ rikonoxximent aħjar tal-Punti Fokali Nazzjonali – li huma primarjament volontarji u jipprovdu data essenzjali permezz ta' “Reitox” – u appoġġ aħjar għalihom. |
|
5.6 |
Il-KESE jaqbel li s-SPĠ għandhom jiġu kklassifikati internament abbażi ta' kriterji li jkun intlaħaq ftehim dwarhom minn qabel bħala ta' riskju baxx, moderat jew qawwi skont evidenza disponibbli bħalissa. Madanakollu dan m'għandhux jiftiehem bħala għotja ta' approvazzjoni għall-bejgħ leċitu jew sikur u kwalukwe listi disponibbli għall-pubbliku għandhom juru dan b'mod ċar. Minħabba n-nuqqas ta' data disponibbli u d-diffikultajiet tal-valutazzjoni kwantitattiva tar-riskju, għandha tkun mistennija r-riklassifikazzjoni mill-ġdid ibbażata fuq evidenza addizzjonali. |
|
5.7 |
Il-KESE jaqbel ukoll man-noti ta' gwida attwali tal-EMCDDA dwar il-valutazzjoni tar-riskju tas-SPĠ, li s-SP “antiki” jew esklużi iżda li jintużaw ħafna u u magħrufa sew għandhom ikunu inklużi bħala markaturi fuq l-istess skala – inklużi, pereżempju, l-eroina, il-kokaina, il-kannabis, l-ekstasi, l-alkoħol u t-tabakk. Jekk dan ma jistax isir, fid-dawl tal-evidenza kollha faċilment disponibbli, lanqas ma jkun jista' jsir għas-SPĠ fejn l-evidenza hija skarssa, mhux kompluta u ħafna drabi kontradittorja; is-SPĠ kummerċjalizzati għall-ewwel darba jista' jkollhom impatt soċjali, kriminali jew ambjentali baxx iżda xorta jistgħu jkunu severament perikolużi għas-saħħa tal-bniedem jekk jintużaw b'dan il-mod. |
|
5.8 |
Il-KESE jemmen li dan l-approċċ aktar olistiku għall-vizzju tad-drogi u d-dipendenza mid-drogi jista' jwassal ukoll għal approċċi preventivi u kura ta' rimedju ffinanzjati aħjar fil-livell nazzjonali. Huwa essenzjali li wieħed jifhem il-prattiki u l-attitudnijiet ta' gruppi ta' etajiet differenti (10-18, 18-25 u 25 +). Ir-rwol tal-midja soċjali u l-marketing onlajn u s-servizzi ta' konsulenza fil-formazzjoni ta' xejriet jew fl-iskambju tat-twissijiet diġà huma importanti u se jkomplu jiddominaw dejjem iktar it-teħid ta' deċiżjonijiet personali f'dan il-qasam. Proġetti li jissorveljaw dan għandhom ikunu mħeġġa u ffinanzjati mija fil-mija. Il-protezzjoni tajba tas-saħħa għandu jkollha prijorità fuq il-ġustizzja u s-suq intern. |
|
5.9 |
Il-KESE jagħraf li eventwalment tista' tkun meħtieġa regolamentazzjoni; madankollu il-ħtieġa u l-forma ta' din il-leġislazzjoni mhuma ċari xejn. L-Istati Membri jaraw il-problemi b'mod differenti, jippreferu soluzzjonijiet differenti u għandhom ikunu jistgħu jieħdu azzjoni f'waqtiet differenti. Madwar id-dinja hemm kuntrast qawwi bejn ir-restrizzjoni u l-awtorizzazzjoni. Ikun utli li nsegwu l-iżviluppi f'żewġ pajjiżi qrib xulxin, ekonomikament u kulturalment simili, fl-Emisfera tan-Nofsinhar, l-Awstralja u n-New Zealand. Il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti u pajjiżi oħra li joffru provvisti mill-internet se jkunu essenzjali. It-taħditiet kummerċjali maċ-Ċina u l-Indja għandhom jinkludu miżuri biex jillimitaw il-manifattura u l-bejgħ tas-SP antiki, esklużi u ġodda. |
|
5.10 |
Din hija fuq kollox problema tassew globali – u kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt u proposta għal regolament oħra għandha tinkludi dawn id-dimensjonijiet u tikkunsidra firxa usa' ta' għażliet, anke jekk dawn huma inizjalment meqjusa bħala diffiċli biex jiġu implimentati fil-livell tal-UE. L-EMCDDA se jkollu rwol ewlieni f'dan. Jekk ikun hemm bżonn iktar fondi, dawn għandhom jiġu pprovduti. Il-programmi ta' riċerka rilevanti għandhom ikunu kkoordinati iktar mill-qrib u r-riżultati tagħhom kondiviżi b'mod iżjed ġenerali Meta tkun meħtieġa legislazzjoni, fi kwalunkwe livell, huwa ttamat li jkollha bażi ta' evidenza iktar b'saħħitha biex issolvi l-kwistjonijiet imqajma hawn fuq. |
Brussell, 21 ta' Jannar 2014
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) 2005/387/ĠAI, ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 30–35 (edizzjoni speċjali bil-Malti).
(2) Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi (1961),
(3) Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1972, li jemenda l-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi
(4) Ara n-nota nru 1 f'qiegħ il-paġna.
(5) 2004/757/ĠAI, ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 94–97 (edizzjoni speċjali bil-Malti).
(6) Ara n-nota nru 1 f'qiegħ il-paġna.
(7) Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi (1988).
(8) Ara l-Opinjoni tal-KESE, ĠU C 229, 31.7.2012, p.85.
(9) Ara l-Opinjoni tal-KESE, ĠU C 76, 14.3.2013, p.54.