EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0863

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 863/2010 tad- 29 ta’ Settembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 967/2006 fir-rigward tad-dati ta’ skadenza applikabbli għall-esportazzjoni u l-intaxxar taz-zokkor prodott li jaqbeż il-kwota

ĠU L 256, 30.9.2010, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/863/oj

30.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/15


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 863/2010

tad-29 ta’ Settembru 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 967/2006 fir-rigward tad-dati ta’ skadenza applikabbli għall-esportazzjoni u l-intaxxar taz-zokkor prodott li jaqbeż il-kwota

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikulari l-Artikoli 134 u 161(3), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (2) jistabbilixxi dati ta’ skadenza li huma applikabbli għall-esportazzjoni u l-intaxxar taz-zokkor li jaqbeż il-kwota.

(2)

L-Artikolu 19(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006 jistipula li fil-każ tal-esportazzjoni tal-produzzjoni li taqbeż il-kwota, il-manifatturi għandhom jibagħtu l-provi mitluba tal-esportazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru qabel l-1 ta’ April tas-sena ta’ wara s-sena kummerċjali li fiha ġie prodott l-ammont żejjed.

(3)

Fil-każ ta’ ċerti destinazzjonijiet li mhumiex eliġibbli biex jesportaw iz-zokkor u/jew l-iżoglukożju prodott li jaqbżu l-kwota, il-manifatturi huma mitluba jibagħtu prova ta’ twassil fid-destinazzjoni skont l-Artikolu 4c tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 (3). L-esperjenza wriet li fil-każ ta’ ċerti destinazzjonijiet, jista’ jkun li wieħed idum iktar sabiex ikseb id-dokumenti meħtieġa kollha. Għalhekk huwa xieraq li tingħata l-possibbiltà li d-data ta’ skadenza f’dawn il-każijiet tiġi estiża.

(4)

Meta d-data ta’ skadenza tal-bgħit tal-provi tal-esportazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tiġi estiża, għandhom jiġu aġġustati wkoll id-data ta’ skadenza għall-Istat Membru biex jinnotifika t-taxxa kollha li għandha titħallas mill-manifatturi u d-data ta’ skadenza biex dawn iħallsu t-taxxa. Bl-istess mod, għandha tiġi mmodifikata d-data ta’ skadenza ffissata għall-Istati Membri biex dawn jistabbilixxu u jikkomunikaw l-kwantitajiet żejda lill-Kummissjoni.

(5)

L-Artikoli 3, 4 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 967/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3(2), jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

“Jekk l-Istati Membri jagħmlu użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 19(3), id-dati ta’ skadenza stipulati fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu l-1 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru rispettivament.”

(2)

Fl-Artikolu 4(3), jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

“Jekk l-Istati Membri jagħmlu użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 19(3), id-data ta’ skadenza stipulata fl-ewwel subparagrafu għandha tkun il-31 ta’ Diċembru”.

(3)

L-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 2(c)(ii) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(ii)

id-dokumenti msemmijin fl-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament (KE) Nru 376/2008 u, fil-każ li ċerti destinazzjonijiet ma jkunux eliġibbli biex jesportaw zokkor u/jew l-iżolglukożju li jaqbżu l-kwota, id-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 4c tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, meħtieġa biex jirrilaxxaw il-garanzija.”

(b)

Għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Fil-każ li ċerti destinazzjonijiet ma jkunux eliġibbli biex jesportaw zokkor u/jew iżoglukożju prodott li jaqbżu l-kwota, l-Istati Membri jistgħu, fuq talba bil-miktub tal-manifattur, jestendu d-data ta’ skadenza tal-1 ta’ April stipulata fil-paragrafu 2(c) b’mhux iktar minn 6 xhur biex jibagħtu d-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 2(c)(ii)”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 176, 30.6.2006, p. 22.

(3)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.


Top