Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0649

    Kawża T-649/16: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2016 – Bernaldo de Quirós vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 402, 31.10.2016, p. 57–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.10.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 402/57


    Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2016 – Bernaldo de Quirós vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-649/16)

    (2016/C 402/67)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Belén Bernaldo de Quirós (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: T. Bontinck u A. Guillerme, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, fil-persuna tad-Direttur Ġenerali tad-DG “Edukazzjoni u Kultura” tal-Kummissjoni Ewropea, tat-30 ta’ Novembru 2015, li tbiddel l-assenjazzjoni ta’ B. Bernaldo de Quirós mill-pożizzjoni ta’ kap tal-unità “Uffiċċju tal-Istages” EAC.C.4 għall-pożizzjoni ta’ konsulent fil-modernizzazzjoni tat-tagħlim DG EAC.B;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter.

    Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-interess tas-servizz u dwar l-ekwivalenza tal-impieg. Hija tixtieq targumenta li l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha fil-pożizzjoni ta’ konsulent fil-modernizzazzjoni tat-tagħlim ma hijiex ġġustifikata mill-interess tas-servizz, iżda minn rieda tal-ġerarkija tagħha li tiġi iżolata professjonalment u li timponielha sanzjoni dixxiplina antiċipata. Id-deċiżjoni hija b’hekk ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter sa fejn tali assenjazzjoni tmur, barra minn hekk, kontra l-interess tas-servizz, fir-rigward tal-kompetenzi tar-rikorrenti u n-neċessità li jiġu mimlija pożizzjonijiet vakanti ta’ kap tal-unità fi ħdan id-DG EAC.

    Hija tqis ukoll li l-assenjazzjoni mill-ġdid ma osservatx il-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-impieg. Fil-fatt, id-dmirijiet il-ġodda attribwiti lir-rikorrenti huma min-natura tagħhom, l-importanza tagħhom u l-portata tagħhom iktar baxxi minn dawk mogħtija lil konsulent fi grad AD13. Barra minn hekk, il-pożizzjoni ma tikkorrispondix għal bżonn reali tas-servizz meħtieġ mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C(2008)5029/2.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ kif ukoll tad-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni.

    Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ma ġietx adottata fil-kundizzjonijiet li jiggarantixxu d-dritt tagħha ta’ smigħ, peress li din tal-aħħar ma setgħetx iġġib l-għarfien tal-perspettiva tagħha fis-suġġett tal-abbozz tad-deċiżjoni tal-assenjazzjoni mill-ġdid. Jekk wieħed iżid ksur tad-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, billi l-Awtorità tal-Ħatra ma ħadet l-ebda kunsiderazzjoni, la tal-interessi tar-rikorrenti, la rriċerkat b’mod oġġettiv punt ta’ ekwilibriju bejn l-interessi tas-servizz u dawk tar-rikorrenti, b’mod partikolari billi tipprevedi assenjazzjoni fil-pożizzjoni vakanti ta’ kap tal-unità.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2008) 5029/2, tad-9 ta’ Awwissu 2008, dwar il-funzjonijiet ta’ konsulent.

    Ir-rikorrenti tqajjem il-ksur tad-Deċiżjoni C(2008) 5029/2, fil-verżjoni kkonsolidata tagħha tas-7 ta’ Lulju 2016, peress li d-DG EAC kien qabeż il-kwoti allokati tal-konsulenti u baqa’ ma ppruvax li l-pożizzjoni ta’ konsulent fil-modernizzazzjoni tat-tagħlim li fiha ġiet assenjata mill-ġdid ir-rikorrenti hija legali ukoll.


    Top