EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010TN0364
Case T-364/10: Action brought on 2 September 2010 — Duravit and Others v Commission
Kawża T-364/10: Rikors ippreżentat fit- 2 ta’ Settembru 2010 — Duravit et vs Il-Kummissjoni
Kawża T-364/10: Rikors ippreżentat fit- 2 ta’ Settembru 2010 — Duravit et vs Il-Kummissjoni
ĠU C 288, 23.10.2010, p. 59–60
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
23.10.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 288/59 |
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2010 — Duravit et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-364/10)
()
(2010/C 288/108)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Duravit AG (Hornberg, il-Ġermanja); Duravit SA (Bischwiller, Franza); u Duravit BeLux BVBA (Overijse, il-Belġju) (rappreżentanti: R. Bechtold, U. Soltész u C. von Köckritz, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tiddikjara, abbażi tal-Artikolu 263(4) TFUE, l-Artikoli 1(1), 2 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, fil-Każ COMP/39092 — Installazzjonijiet sanitarji, bħala invalidi inkwantu jikkonċernaw lir-rikorrenti; |
— |
sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa impost fuq ir-rikorrenti skont l-Artikolu 2(9) tad-deċiżjoni; |
— |
tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2010) 4185 finali tat-23 ta’ Ġunju 2010, fil-Każ COMP/39092 — Installazzjonijiet sanitarji. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ġew imposti multi fuq ir-rikorrenti u impriżi oħrajn minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 ŻEE. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti pparteċipaw fi ftehim kontinwu jew f’akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet ta’ tagħmir tal-kamra tal-banju fil-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Awstrija.
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw disa’ motivi.
Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma pproduċietx provi biżżejjed li juru li r-rikorrenti pparteċipaw fl-iffissar tal-prezzijiet jew f’aġir antikompetittiv. Il-Kummissjoni ma applikatx b’mod korrett l-oneru tal-prova meħtieġ sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 101 TFUE fil-proċeduri tal-Kummissjoni, u imponiet rekwiżiti irraġonevoli fuq ir-rikorrenti fir-rigward tal-obbligu li jipproduċu spjegazzjoni u tal-oneru tal-prova.
Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni akkużat lir-rikorrenti bil-ksur kollu fir-rigward tal-prodotti rilevanti minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-allegati “laqgħat tal-akkordju” tal-assoċjazzjoni ċentrali Ġermaniża għal prodotti rilevanti, mingħajr ma stabbilixxiet li r-rikorrenti kienu ħadu sehem f’diskussjonijiet dwar il-prodotti rilevanti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni illegalment, immedjatament, u mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku u legali, ikklassifikat id-diskussjonijiet fl-assoċjazzjoni ġenerali Ġermaniża bħala restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni.
Ir-rikorrenti jsostnu wkoll, permezz tat-tielet motiv tagħhom, li l-Kummissjoni naqset milli tipprova aġir antikompetittiv fis-suq sanitarju taċ-ċeramika fil-Ġermanja. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kklassifikat, illegalment, diskussjonijiet f’assoċjazzjoni taċ-ċeramika Ġermaniża bħala iffissar tal-prezzijiet u restrizzjonijiet intenzjonali fuq il-kompetizzjoni, u li l-Kummissjoni kisret id-dritt tar-rikorrenti għal proċeduri xierqa u mingħajr diskriminazzjoni billi għamlet konstatazzjonijiet inkriminanti żbaljati abbażi ta’ evidenza manifestament irrilevanti.
Permezz tar-raba’ motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma pparteċipawx fl-iffissar tal-prezzijiet fi Franza jew fil-Belġju. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kkonstatat, b’mod żbaljat, li d-diskussjonijiet tal-assoċjazzjonijiet taċ-ċeramika Belġjani u Franċiżi kienu jinvolvu l-iffissar tal-prezzijiet u anki evalwat b’mod żbaljat it-tul tal-ksur allegat u għalhekk applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 101 TFEU.
Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkonstatat, b’mod żbaljat, li l-azzjonijiet fis-suq tal-bibien ta’ gwardarobbi, partitions tax-showers u ċeramika kien ksur wieħed u kontinwat, u għalhekk applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 101 TFUE. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jallegaw li l-kriterji żviluppati fil-ġurisprudenza sabiex jiġi stabbilit ksur wieħed u kontinwat ma kinux sodisfatti.
Permezz tas-sitt motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni manifestament kisret d-drittjiet ta’ difiża u d-dritt tagħhom għal smigħ skont l-Artikoli 12 u 14 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (1) minħabba t-tul eċċessiv tal-proċeduri u minħabba s-sostituzzjoni tal-persunal intern kollu tal-Kummissjoni li ħa sehem fil-proċess deċiżjonali wara s-smigħ.
Fil-kuntest tas-seba’ motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni użat il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi (2) b’mod żbaljat sabiex tikkalkola l-ammont tal-multa, inkwantu, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, dawn il-linji gwida huma invalidi abbażi tal-fatt li jiksru l-Artikolu 290(1) TFUE u l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Fit-tmien motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-kalkolu tal-Kummissjoni tal-ammont tal-multa kien żbaljat, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-gravità minima tal-allegat involviment min-naħa tar-rikorrenti, iżda evalwat b’mod uniformi l-gravità tal-ksur tal-impriżi kollha kkonċernati. Fil-fehma tar-rikorrenti, dan jikser il-prinċipju tar-responsabbiltà individwali.
Fl-aħħar nett, fil-kuntest tad-disa’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-livell tal-multa imposta jikser il-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trattament ugwali, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma pparteċipawx fit-tfixkil l-iktar serju tal-kompetizzjoni.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).
(2) Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).