Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0583

    2010/583/UE: Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill tas- 27 ta’ Settembru 2010 li tawtorizza lir-Rumanija biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ĠU L 256, 30/09/2010, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2010/583/oj

    30.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 256/27


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tas-27 ta’ Settembru 2010

    li tawtorizza lir-Rumanija biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    (2010/583/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 291(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-23 ta’ Ġunju 2009, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE.

    (2)

    B’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra datata l-14 ta’ Diċembru 2009 bit-talba tar-Rumanija. Permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li hi kellha l-informazzjoni kollha li kienet tikkunsidra meħtieġa sabiex tqis it-talba.

    (3)

    L-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE jipprevedi li persuna taxxabbli li tipprovdi prodotti jew servizzi hija, bħala regola ġenerali, responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa. L-iskop tad-deroga mitluba mir-Rumanija huwa li tagħmel ir-riċevitur ta’ provvisti ta’ prodotti jew servizzi responsabbli għall-ħlas tal-VAT f’żewġ tipi speċifiċi ta’ ċirkostanzi. L-ewwel każ kopert huwa fejn persuni taxxabbli jipprovdu prodotti tal-injam kif definiti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. It-tieni każ huwa meta l-prodotti u/jew servizzi jiġu provduti minn persuni taxxabbli, ħlief bejjiegħa bl-imnut, waqt li jkunu suġġetti għal proċedura ta’ insolvenza.

    (4)

    In-negozji li jkunu fi stat ta’ insolvenza ta’ spiss ma jkunux jistgħu jħallsu l-VAT, fuq il-provvisti ta’ prodotti jew servizzi tagħhom, lill-awtoritajiet kompetenti minħabba diffikulatjiet finanzjarji. Madankollu, ir-riċevitur ta’ dawn il-prodotti jew servizzi jista’ fil-prinċipju jnaqqas il-VAT anki jekk din ma tkunx tħallset mill-fornitur lill-awtoritajiet kompetenti.

    (5)

    Ladarba l-bejjiegħa bl-imnut isibuha diffiċli li jaċċertaw l-istatus tat-taxxa tal-klijenti tagħhom fil-post fejn isir il-bejgħ, l-inverżjoni tal-ħlas ma għandhiex tapplika għal bejjiegħa bl-imnut li jkunu suġġetti għal proċedura ta’ insolvenza.

    (6)

    Ir-Rumanija tiltaqa’ wkoll ma’ problemi fis-suq tal-injam minħabba n-natura tas-suq u n-negozji involuti. Is-suq għandu għadd kbir ta’ impriżi żgħar li l-awtoritajiet Rumeni sabu diffiċli li jikkontrollaw. L-aktar forma komuni ta’ evażjoni tat-taxxa sseħħ meta l-fornitur joħroġ fattura għal fornimenti li jagħmel u sussegwentement jisparixxi mingħajr ma jħallas it-taxxa lill-awtoritajiet kompetenti iżda jħalli lill-klijent fattura valida li biha dan ikollu d-dritt għal tnaqqis mit-taxxa.

    (7)

    Bin-nominazzjoni tar-riċevitur bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fil-każ tal-provvista ta’ prodotti tal-injam minn persuni taxxabbli u fil-każ tal-provvista ta’ merċi u ta’ servizzi minn persuni taxxabbli, ħlief bejjiegħa bl-imnut, waqt li jkunu suġġetti għal proċedura ta’ insolvenza, id-deroga twarrab id-diffikultajiet affaċċati mingħajr ma taffettwa l-ammont ta’ taxxa li jkun dovut. Dan għandu l-effett li jipprevjeni ċerti tipi ta’ evazjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

    (8)

    Il-miżura hija proporzjonata għall-għanijiet segwiti peress li mhijiex maħsuba biex tapplika b’mod ġenerali, iżda biss għal operazzjonijiet u setturi speċifiċi li jippreżentaw problemi konsiderevoli marbutin mal-ħlas tat-taxxa jew mal-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa.

    (9)

    L-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata fir-rigward ta’ żmien sal-31 ta’ Diċembru 2013. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba sa dik id-data tista’ ssir evalwazzjoni dwar jekk id-deroga tibqax ġustifikata jew le.

    (10)

    Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Rumanija hija b’dan awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 2013 li tinnomina l-persuna taxxabli li tirċievi l-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

    Artikolu 2

    Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika għal:

    (a)

    provvisti, minn persuni taxxabbli, ta’ prodotti tal-injam, inklużi siġar għall-produzzjoni tal-injam, injam biex jinħadem fit-tond jew bix-xaqq, injam għall-użu bħala karburant, prodotti lesti tal-injam, kif ukoll injam imxellef jew bit-truf kwadri u injam mhux irfinut, u injam proċessat jew nofsu maħdum;

    (b)

    provvisti ta’ merċi u ta’ servizzi minn persuni taxxabbli, ħlief bejjiegħa bl-imnut, waqt li jkunu suġġetti għal proċedura ta’ insolvenza.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    K. PEETERS


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


    Top