Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0310

    Kawża T-310/18: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2018 – EPSU u Willem Goudriaan vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 259, 23.7.2018, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    201807060661994302018/C 259/593102018TC25920180723MT01MTINFO_JUDICIAL20180515444521

    Kawża T-310/18: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2018 – EPSU u Willem Goudriaan vs Il-Kummissjoni

    Top

    C2592018MT4410120180515MT0059441452

    Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2018 – EPSU u Willem Goudriaan vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-310/18)

    2018/C 259/59Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: European Federation of Public Service Unions (EPSU) (Brussell, il-Belġju) u Jan Willem Goudriaan (Brussell) (rappreżentanti: R. Arthur, Solicitor, u R. Palmer, Barrister)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tal-5 ta’ Marzu 2018 li ma jiġix propost lill-Kunsill li Ftehim tal-Imsieħba Soċjali tal-UE tal-21 ta’ Diċembru 2015 dwar id-drittijiet għal informazzjoni u konsultazzjoni għal uffiċjali u membri tal-persunal ta’ amministrazzjonijiet tal-gvern ċentrali, adottat skont l-Artikolu 155(1) TFUE, jiġi implimentat bħala direttiva permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 155(2) TFUE;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv li jallega li d-deċiżjoni kkontestata kienet att adottat bi ksur tal-Artikolu 155(2) TFUE. Il-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa li tirrifjuta li tipproponi li l-Kunsill jimplimenta l-Ftehim permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, fin-nuqqas ta’ oġġezzjoni fir-rigward tal-istatus tal-partijiet għall-Ftehim bħala rappreżentanti, jew fir-rigward tal-legalità tal-Ftehim.

    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jiġix propost lill-Kunsill li l-Ftehim jiġi implimentat permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tikser l-Artikolu 155(2) TFUE, u tmur kontra r-rekwiżit ta’ osservanza tal-awtonomija tal-imsieħba soċjali, stabbilit fl-Artikolu 152 TFUE.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tressaq proposta lill-Kunsill, sakemm ma tippreżentax raġuni motivata biex jitqies li l-imsieħba soċjali li kienu partijiet għall-ftehim ma kinux rappreżentattivi biżżejjed, jew li l-Ftehim kien illegali.

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tan-natura adegwata tal-Ftehim, liema evalwazzjoni ma tidħolx fis-setgħat tagħha.

    2.

    It-tieni motiv li jallega li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizjata minn raġunijiet li huma manifestament żbaljati u infondati.

    Ir-rikorrenti jsostnu li r-raġunijiet invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma setgħux jiġġustifikaw ir-rifjut li ssir proposta lill-Kunsill biex jadotta l-Ftehim.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-uniċi raġunijiet li setgħu jiġġustifikaw rifjut kienu oġġezzjoni ġustifikata fir-rigward tan-natura rappreżentattiva tal-imsieħba soċjali, jew fir-rigward tal-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li timplimenta l-Ftehim bħala direttiva.

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li f’kull każ, il-Kummissjoni naqset milli twettaq evalwazzjoni tal-impatt, u għalhekk ma setgħetx, fuq bażi ta’ proporzjonalità jew ta’ sussidjarjetà, tiġġustifika xi konklużjoni li tirrifjuta milli tipproponi li l-Ftehim jiġi implementat bħala direttiva permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, anki kieku fil-prinċipju kien ikun permess li dan isir.

    Top