EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0446

Kawża T-446/10: Rikors ippreżentat fis- 17 ta’ Settembru 2010 — Dow AgroSciences u Dintec Agroquímica — Produtos Químicos vs Il-Kummissjoni

ĠU C 346, 18.12.2010, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 346/43


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Settembru 2010 — Dow AgroSciences u Dintec Agroquímica — Produtos Químicos vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-446/10)

()

2010/C 346/88

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Dow AgroSciences Ltd (Hitchin, ir-Renju Unit) u Dintec Agroquímica — Produtos Químicos, Lda (Funchal, il-Portugall) (rappreżentanti: K. Van Maldegem u C. Mereu, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-Deċiżjoni 2010/355/UE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż,

tieħu dawk il-miżuri addizzjonali oħra li jidhrilha xierqa.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/355/UE, tal-25 ta’ Ġunju 2010, dwar li ma għandux jiġi inkluż [in-noninklużjoni ta’] trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE (1).

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

Fl-ewwel lok, huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali peress li hija bbażata fuq, u teżisti biss minħabba, deċiżjoni illegali. Dik id-deċiżjoni l-oħra (2), id-Deċiżjoni 2007/629/KE (3), hija d-deċiżjoni oriġinali ta’ noninklużjoni tat-trifluralin li rriżultat minn eżami mill-ġdid ta’ din is-sustanza skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 (4). Li kieku d-Deċiżjoni 2007/629/KE ma ġietx adottata illegalment, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tkun teżisti.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-att ikkontestat huwa fih innifsu illegali għal raġunijet awtonomi. Huma jikkontendu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi ġġustifikat l-att ikkontestat abbażi ta’ allegat tħassib li jikkonċerna:

trasport potenzjali ta’ firxa kbira; f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni data (nuqqas ta’ ġustifikazzjoni xjentifika) u li kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-drittijiet tad-difiża. Barra minn dan, l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fir-rigward tat-trasport ta’ firxa kbira huwa, skont ir-rikorrenti, diskriminatorju u sproporzjonat.

tossiċità għall-ħut; f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-ġustifikazzjoni xjentifika ma ssostnix il-konklużjoni. Barra minn dan, skont ir-rikorrenti, l-att ikkontestat huwa sproporzjonat fil-mod kif jittratta l-allegat tħassib dwar it-tossiċità kronika.


(1)  Innotifikata taħt id-dokument numru C(2010) 4199 (ĠU L 160, p. 30)

(2)  Ikkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest tal-Kawża T-475/07, Dow AgroSciences et vs Il-Kummissjoni (ĠU 2008 C 51, p. 54)

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2007 dwar in-noninklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza (innotifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4282) (ĠU L 255, p. 42)

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptitolu 3, Vol. 11, p. 332)


Top