Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0406

    Kawża C-406/10: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (Chancery Division) (England and Wales) fil- 11 ta’ Awwissu 2010 — SAS Institute Inc. vs World Programming Ltd

    ĠU C 346, 18.12.2010, p. 26–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 346/26


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (Chancery Division) (England and Wales) fil-11 ta’ Awwissu 2010 — SAS Institute Inc. vs World Programming Ltd

    (Kawża C-406/10)

    ()

    2010/C 346/45

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Qorti tar-rinviju

    High Court of Justice (Chancery Division)

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: SAS Institute Inc.

    Konvenuta: World Programming Ltd

    Domandi preliminari

    A.    Dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter  (1) u tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 (verżjoni kodifikata)  (2)

    (1)

    Meta programm tal-kompjuter (iktar ’il quddiem l-“ewwel programm”) huwa protett bi dritt tal-awtur bħala xogħol letterarju, l-Artikolu 1(2) għandu jiġi interpretat bħala li jfisser illi ma jkunx hemm ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-ewwel programm minħabba l-fatt illi kompetitur tad-detentur tad-dritt tal-awtur, mingħajr aċċess għas-source code tal-ewwel programm, direttament jew permezz ta’ proċess bħad-dekumpiljazzjoni tal-object code, joħloq programm ieħor (iktar ’il quddiem it-“tieni programm”) li jirriproduċi l-funzjonijiet tal-ewwel programm?

    (2)

    Ir-risposta għall-ewwel domanda hija affettwata b’xi wieħed mill-fatturi li ġejjin:

    (a)

    in-natura u/jew il-portata tal-funzjonalità tal-ewwel programm;

    (b)

    in-natura u/jew il-portata tal-kompetenza, tar-riflessjoni u tax-xogħol dedikati mill-awtur tal-ewwel programm sabiex joħloq il-funzjonalità ta’ dan l-ewwel programm;

    (c)

    il-livell ta’ dettall li bih il-funzjonalità tal-ewwel programm ġiet riprodotta fit-tieni programm;

    (d)

    il-fatt illi l-kodiċi sors tat-tieni programm jirriproduċi aspetti tal-kodiċi sors tal-ewwel programm b’tali mod li jmur lil hinn minn dak li hu strettament meħtieġ sabiex tiġi prodotta l-istess funzjonalità bħall-ewwel programm?

    (3)

    Meta l-ewwel programm jinterpreta u jeżegwixxi programmi ta’ applikazzjoni miktuba minn utenti tal-ewwel programm b’lingwa ta’ ipprogrammar ikkonċepita mill-awtur tal-ewwel programm li tinkludi kliem prinċipali kkonċepiti jew magħżula mill-awtur tal-ewwel programm u sintassi kkonċepita mill-awtur tal-ewwel programm, l-Artikolu 1(2) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-ewwel programm minħabba l-fatt illi t-tieni programm huwa miktub b’tali mod illi jinterpreta u jeżegwixxi l-programmi ta’ applikazzjoni li jużaw l-istess kliem prinċipali u l-istess sintassi?

    (4)

    Meta l-ewwel programm jaqra minn fajls ta’ data f’format partikolari kkonċepit mill-awtur tal-ewwel programm, u jikteb lejn tali fajls ta’ data, l-Artikolu 1(2) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-ewwel programm minħabba l-fatt illi t-tieni programm huwa miktub b’tali mod illi jaqra minn fajls ta’ data tal-istess format u jikteb ljen tali fajls?

    (5)

    Ir-risposta għad-domandi 1, 3 u 4 tkun differenti jekk l-awtur tat-tieni programm ħoloq l-imsemmi programm billi:

    (a)

    osserva, studja u ttestja l-funzjonament tal-ewwel programm; jew

    (b)

    qara manwal miktub u ppubblikat mill-awtur tal-ewwel programm li jiddeskrivi l-funzjonijiet ta’ dan l-ewwel programm (iktar ’il quddiem il-“manwal”; jew

    (c)

    għamel iż-żewġ affarijiet imsemmija fil-punt (a) u (b)?

    (6)

    Meta persuna għandha d-dritt tuża kopja tal-ewwel programm bis-saħħa ta’ liċenzja, l-Artikolu 5(3) għandu jiġi interpretat fis-sens illi d-detentur tal-liċenzja għandu dritt, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-awtur, illi jagħmel operazzjonijiet ta’ loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna ta’ programm sabiex josserva, jittestja jew jistudja l-funzjonament tal-ewwel programm, sabiex jiddeċiedi l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ kull element tal-programm, jekk il-liċenzja tippermetti lid-detentur tal-liċenzja li jagħmel operazzjonijiet ta’ loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna tal-ewwel programm meta l-imsemmi programm huwa użat għall-finijiet partikolari permessi mill-liċenzja, iżda l-operazzjonijiet magħmula sabiex josserva, jistudja jew jittestja l-ewwel programm imorru lil hinn mill-ambitu tal-finijiet awtorizzati bil-liċenzja?

    (7)

    L-Artikolu 5(3) għandu jiġi interpretat illi l-operazzjonijiet ta’ osservazzjoni, studju jew ittestjar tal-funzjonament tal-ewwel programm għandhom jiġu kkunsidrati bħala magħmula sabiex jiġu deċiżi l-ideat jew il-prinċipji li huma l-bażi ta’ kull element tal-ewwel programm, meta dawn isiru:

    (a)

    sabiex jiġi vverifikat il-mod li bih l-ewwel programm jiffuzjona, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dettalji li ma humiex deskritti fil-manwal, bil-għan li jinkiteb it-tieni programm bil-mod imsemmi fid-domanda 1 iktar ’il fuq;

    (b)

    sabiex jiġi vverifikat kif l-ewwel programm jinterpreta u jeżegwixxi d-dikjarazzjonijiet miktuba bil-lingwa tal-ipprogrammar illi huwa jinterpreta u jeżegwixxi (ara d-domanda 3 iktar ’il fuq);

    (c)

    sabiex jiġu vverifikati l-formats tal-fajls ta’ data miktuba lejn l-ewwel programm jew moqrija minn dan l-ewwel programm (ara d-domanda 4, iktar ’il fuq);

    (d)

    sabiex jiġi pparagunat ir-rendiment tat-tieni programm mal-ewwel programm bil-għan li jiġu eżaminati r-raġunijiet għalfejn ir-rendiment tagħhom huwa differenti u sabiex jitjieb ir-rendiment tat-tieni programm;

    (e)

    sabiex isiru testijiet paralleli fuq l-ewwel u t-tieni programmi bil-għan li jiġu pparagunati l-outputs tagħhom matul l-iżvilupp tat-tieni programm, b’mod partikolari billi jiġu mgħoddija l-istess skrittijiet ta’ prova kemm mill-ewwel programm kif ukoll mit-tieni programm;

    (f)

    sabiex jiġi vverifikat l-output tal-log fajl iġġenerat mill-ewwel programm bil-għan illi jiġi prodott log fajl identiku jew simili fl-apparenza;

    (g)

    sabiex isir mezz li l-ewwel programm jipproduċi data output (fil-fatt, data li tistabbilixxi korrelazzjoni bejn il-kodiċi postali u stati tal-Istati Uniti) bil-għan li jiġi vverifikat jekk din tikkorrispondix jew le mad-databases uffiċjali ta’ tali data, u jekk dan ma jkunx il-każ, it-tieni programm jiġi pprogrammat b’tali mod illi jirrispondi bl-istess mod bħall-ewwel programm għall-istess input data.

    B.    Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni  (3)

    (8)

    Meta l-manwal huwa protett bi dritt tal-awtur fuq xogħol letterarju, l-Artikolu 2(a) għandu jiġi interpretat fis-sens illi hemm ksur tad-dritt tal-awtur fuq il-manwal minħabba l-fatt illi l-awtur tat-tieni programm jirriproduċi jew jirriproduċi b’mod sostanzjali fit-tieni programm xi wieħed mill-elementi li ġejjin deskritti fil-manwal:

    (a)

    l-għażla ta’ operazzjonijiet ta’ statistika li ġew implementati fl-ewwel programm;

    (b)

    il-formuli matematiċi użati fil-manwal sabiex jiddeskrivu dawn l-operazzjonijiet;

    (c)

    il-kmandi jew kumbinazzjoni ta’ kmandi li permezz tagħhom dawn l-operazzjonijiet jistgħu jiġu invokati;

    (d)

    l-għażliet li l-awtur tal-ewwel programm ippreveda meta mqabbla mad-diversi kmandi;

    (e)

    il-kliem prinċipali u s-sintassi rikonoxxuta mill-ewwel programm;

    (f)

    l-għażla programmata minn qabel li l-awtur tal-ewwel programm għażel li jimplementa f’każ li kmand jew għażla partikolari ma ġewx speċifikati mill-utent;

    (g)

    in-numru ta’ iterazzjonijiet li l-ewwel programm jagħmel f’ċerti ċirkustanzi?

    (9)

    L-Artikolu 2(a) għandu jiġi interpretat fis-sens illi hemm ksur tad-dritt tal-awtur fuq il-manwal minħabba l-fatt illi l-awtur tat-tieni programm jirriproduċi jew jirriproduċi b’mod sostanzjali, f’manwal li jiddeskrivi t-tieni programm, il-kliem prinċipali u s-sintassi rikonoxxuti mill-ewwel programm?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114

    (2)  Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (Verżjoni kodifikata) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) ĠU L 111, p. 16

    (3)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p.230


    Top