Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011HB0024

    Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 9 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportaġġ statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna (BĊE/2011/24)

    ĠU C 64, 3.3.2012, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 64/1


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tad-9 ta’ Diċembru 2011

    dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportaġġ statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna

    (BĊE/2011/24)

    2012/C 64/01

    IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa ’l quddiem “l-Istatut tas-SEBĊ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 5.1 u t-tielet inċiż tal-Artikolu 34.1,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), u partikolarment l-Artikolu 4,

    Billi:

    (1)

    Biex twettaq il-kompiti tagħha, is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) teħtieġ statistika esterna komprensiva u li wieħed joqgħod fuqha li tikkonsisti fi statistika tal-bilanċ tal-pagamenti u tal-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali, u l-mudell tar-riżervi internazzjonali, li turi l-elementi ewlenin li jaffettwaw il-kundizzjonijiet monetarji u s-swieq tal-kambju fiż-żona euro, u statistika dwar it-trasbord tul il-fruntieri ta’ karti tal-flus euro. L-obbligi statistiċi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) f’dan il-qasam huma stabbiliti fil-Linja Gwida BĊE/2011/23 tad-9 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportaġġ statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna (riformulazzjoni) (2)

    (2)

    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 5.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem “l-Istatut tas-SEBĊ”) teżiġi li l-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi), jiġbor jew mill-awtoritajiet kompetenti minbarra l-BĊNi, jew direttament mill-aġenti ekonomiċi, it-tagħrif statistiku neċessarju biex ikun jista’ jwettaq il-kompiti tas-SEBĊ. It-tieni sentenza tal-Artikolu 5.1 tistipula li għal dawn il-finijiet huwa għandu jikkoopera mal-istituzzjonijiet jew l-entitajiet tal-Unjoni u mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jew ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Artikolu 5.2 jistipula li l-BĊNi se jwettqu, safejn ikun possibbli, il-kompiti deskritti fl-Artikolu 5.1.

    (3)

    L-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi tal-BĊE fil-qasam tal-istatistika esterna tista’ tinġabar u/jew tkun ikkumpilata minn awtoritajiet kompetenti minbarra l-BĊNi. Għalhekk, uħud mill-kompiti li għandhom jitwettqu ħalli dawn l-obbligi jiġu sodisfatti jeħtieġu kooperazzjoni bejn il-BĊE jew il-BĊNi u dawn l-awtoritajiet kompetenti, konformi mal-Artikolu 5.1 tal-Istatut tas-SEBĊ. L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 jeżiġi li l-Istati Membri jorganizzaw rwieħhom fil-qasam tal-istatistika u li jikkooperaw bis-sħiħ mas-SEBĊ sabiex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5 tal-Istatut tas-SEBĊ.

    (4)

    Fil-każijiet fejn, skont ir-regoli nazzjonali u prattiċi stabbiliti, l-aġenti ta’ rapportaġġ jirrappurtaw lill-awtoritajiet kompetenti minbarra l-BĊNi, dawk l-awtoritajiet u l-BĊNi rispettivi tagħhom għandhom jikkooperaw ma’ xulxin biex jiżguraw li l-obbligi statistiċi tal-BĊE jintlaħqu. Fl-Irlanda l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika, u f’Malta l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, jiġbru u jikkumpilaw l-informazzjoni meħtieġa fil-qasam tal-istatistika esterna. Sabiex l-obbligi ta’ statistika msemmija hawn fuq jiġu sodisfatti, il-Bank Ċentrali tal-Irlanda u l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika, u l-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, għandhom jikkooperaw ma’ xulxin. Din il-kooperazzjoni għandha tinkludi t-twaqqif ta’ struttura permanenti għat-trażmissjoni tad-dejta, dejjem jekk l-istess riżultat mhux qed jinkiseb diġà b’leġiżlazzjoni nazzjonali.

    (5)

    Il-valutazzjoni tal-kwalita' għall-bilanċ tal-pagamenti taż-żona tal-euro u l-istatistika dwar il-qagħda tal-investiment internazzjonali u l-formolarju tar-riżervi internazzjonali għandhom jitwettqu skont il-Qafas dwar il-Kwalità' tal-Istatistika tal-BĊE. Il-BĊNi, f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħra, fejn xieraq, għandhom jivvalutaw il-kwalita' tad-dejta kkontribwita mill-awtoritajiet kompetenti.

    (6)

    Skont l-Artikolu 3a tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 u l-Impenn Pubbliku rigward l-Istatistika Ewropea mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea mis-SEBĊ huma rregolati mill-prinċipji ta’ imparzjalità, oġġettività, indipendenza professjonali, benefiċċju tal-ispiża, kunfidenzjalità statistika, minimizzazzjoni tal-piż tar-rappurtar u output ta’ kwalità għolja.

    (7)

    Minħabba l-Linja Gwida BĊE/2011/23 li tirrevoka l-Linja Gwida BĊE/2004/15, jinħtieġ għalhekk li tiġi sostitwita r-Rakkomandazzjoni BĊE/2004/16 tas-16 ta’ Lulju 2004 dwar l-obbligi ta' rappurtar ta' statistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti u tal-pożizzjoni internazzjonali tal-investiment, u l-mudell tar-riżervi internazzjonali (3),

    ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    TAQSIMA I

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni t-termini “statistika esterna”, “bilanċ tal-pagamenti”, “pożizzjoni tal-investiment internazzjonali” u “mudell tar-riżervi internazzjonali” għandhom ikollhom l-istess tifsira bħal dik speċifikata fl-Artikolu 1 tal-Linja Gwida BĊE/2011/23.

    TAQSIMA II

    Proviżjoni ta’ informazzjoni statistika lill-BĊNi

    1.

    Sakemm il-ġbir ta’ statistika esterna huwa fdat lid-destinatarji ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, id-destinatarji għandhom jiżguraw li l-istatistika esterna relevanti tkun disponibbli għall-BĊN rispettiv fil-ħin sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jaderixxi mal-obbligi ta’ rappurtar skont l-Artikoli 2, 3, 5 u 6 tal-Linja Gwida BĊE/2011/23.

    2.

    L-informazzjoni għandha ssir disponibbli skont l-istandards statistiċi u l-obbligi tal-BĊE rigward l-istatistika esterna kif stabbilit fl-Annessi I, II, III, IV u VI mal-Linja Gwida BĊE/2011/23. Mingħajr preġudizzju għall-ħidma ta’ sorveljanza tal-BĊE kif stabbilit f’Anness V ma’ din il-Linja Gwida BĊE/2011/23, id-destinatarji ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għandhom jissorveljaw il-kwalità u l-affidabbiltà tal-informazzjoni statistika disponibbli għall-BĊN rispettiv.

    TAQSIMA III

    Kooperazzjoni permanenti mal-BĊNi rispettivi

    Id-destinatarji ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għandhom jistabbilixxu mal-BĊN rispettiv tagħhom, bil-miktub, il-modalitajiet xierqa ta’ kooperazzjoni biex jiżguraw struttura permanenti għat-trażmissjoni tad-dejta li tissodisfa l-istandards u l-obbligi statistiċi tal-BĊE, sakemm l-istess riżultat ma jkunx diġà nkiseb permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali.

    TAQSIMA IV

    Dispożizzjonijiet finali

    1.

    Din ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni BĊE/2004/16 mill-1 ta’ Ġunju 2014.

    2.

    Ir-referenzi għar-Rakkomandazzjoni BĊE/2004/16 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din ir-Rakkomandazzjoni.

    3.

    Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika fl-Irlanda u lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika f’Malta.

    4.

    Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2014.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, id-9 ta’ Diċembru 2011.

    Il-President tal-BĊE

    Mario DRAGHI


    (1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

    (2)  ĠU L 65, 3.3.2012, p. 1.

    (3)  ĠU C 292, 30.11.2004, p. 21.


    Top