EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011L0015

Direttiva tal-Kummissjoni 2011/15/UE tat- 23 ta’ Frar 2011 li temenda d-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 49, 24.2.2011, p. 33–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/15/oj

24.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/33


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2011/15/UE

tat-23 ta’ Frar 2011

li temenda d-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27 tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Riżoluzzjoni MSC.150(77) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (International Maritime Organisation - IMO) ġiet revokata u sostitwita bir-Riżoluzzjoni tal-IMO MSC.286(86) b’effett mill-1 ta’ Lulju 2009. Għaldaqstant l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/59/KE li jirreferi għar-Riżoluzzjoni tal-IMO revokata għandu jiġi aġġornat skont dan.

(2)

Ir-rekwiżiti tal-ġarr li jikkonċernaw is-Sistemi ta’ Identifikazzjoni Awtomatika (Automatic Identification Systems - AIS) u r-Reġistraturi tad-Dejta dwar il-Vjaġġ (Voyage Data Recorders - VDR) għandhom jiġu aġġornati f’konformità mal-modifiki tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (Safety of Life at Sea - SOLAS) u għandhom iqisu l-iżvilupp ta’ VDRs simplifikati, kif approvati mill-IMO. L-ambitu tal-eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tal-ġarr għal bastimenti tal-passiġġieri żgħar fuq distanzi qosra għandu wkoll ikun ippreċiżat aħjar u adattat għal vjaġġi bħal dawn.

(3)

Wara inċident fuq il-baħar, il-poteri tal-intervent tal-Istati Membri għandhom ikunu aktar espliċiti. B’mod partikolari, għandu jkun stipulat b’mod ċar li jistgħu jagħtu istruzzjonijiet lill-kumpaniji tal-assistenza, tas-salvataġġ jew tal-irmunkar sabiex jevitaw theddida serja u imminenti għall-kosta tagħhom jew għal interessi relatati, lis-sigurtà ta’ bastimenti oħra u l-ekwipaġġi u l-passiġġieri tagħhom jew lil persuni fuq l-art jew biex jipproteġu l-ambjent marittimu.

(4)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Vapuri.

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 2002/59/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 12(1), il-punt (b) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

għas-sustanzi msemmija fl-Anness I għall-Konvenzjoni MARPOL, id-dokument tad-dejta dwar is-sigurtà bil-karatteristiċi fiżiko-kimiċi tal-prodotti, inkluż il-viskożità tagħhom, fejn japplika, espressa f’cSt mal-50 °C u d-densità tagħhom mal-15 °C u d-dejta l-oħra li qiegħda fid-dokument tad-dejta dwar is-sigurtà skont ir-Riżoluzzjoni tal-IMO MSC.286(86).”;

(2)

L-Anness II jinbidel bl-Anness I għal din id-Direttiva;

(3)

L-Anness IV jinbidel bl-Anness II għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-dħul fis-seħħ tagħha, mingħajr preġudizzju għad-data tat-traspożizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) safejn huma kkonċernati l-bastimenti tas-sajd. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Fil-waqt li l-Istati Membri jadottawhom, dawk id-dispożizzjonijiet għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10.

(2)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 101.


ANNESS I

“ANNESS II

Ir-rekwiżiti applikabbli għall-apparat abbord

I.   BASTIMENTI TAS-SAJD

Bastimenti tas-sajd li t-tul totali tagħhom huwa ta' aktar minn 15-il metru għandhom jiġu mgħammra b'sistema ta' identifikazzjoni awtomatika (AIS) kif stipulat fl-Artikolu 6a skont l-iskeda taż-żmien kif ġej:

bastimenti tas-sajd li t-tul totali tagħhom huwa ta' 24 metru jew aktar iżda inqas minn 45 metru: mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2012.

bastimenti tas-sajd li t-tul totali tagħhom huwa 18-il metru jew aktar iżda inqas minn 24 metru: mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2013.

bastimenti tas-sajd li t-tul totali tagħhom huwa aktar minn 15-il metru iżda inqas minn 18-il metru: mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2014.

Bastimenti tas-sajd ġodda li t-tul totali tagħhom huwa aktar minn 15-il metru huma soġġetti għar-rekwiżiti tal-ġarr stipulati fl-Artikolu 6a sa mit-30 ta' Novembru 2010

II.   BASTIMENTI LI JWETTQU VJAĠĠI INTERNAZZJONALI

Il-bastimenti tal-passiġġieri, irrispettivament mid-daqs, u l-bastimenti kollha, għajr mill-bastimenti tal-passiġġieri, tat-tunnellaġġ gross ta' 300 jew aktar li jwettqu vjaġġi internazzjonali, u li jidħlu f'port ta' Stat Membru għandhom jiġu mgħammra b'sistema ta' identifikazzjoni awtomatika (AIS) f'konformità mal-istandards tekniċi u ta' prestazzjoni stipulati fil-Kapitlu V tas-SOLAS. Il-bastimenti tal-passiġġieri, irrispettivament mid-daqs, u l-bastimenti kollha, għajr mill-bastimenti tal-passiġġieri, tat-tunnellaġġ gross ta' 3 000 jew aktar li jwettqu vjaġġi internazzjonali, u li jidħlu f'port ta' Stat Membru għandhom jiġu mgħammra b'reġistratur tad-dejta dwar il-vjaġġ (VDR) f'konformità mal-istandards tekniċi u ta' prestazzjoni stipulati fil-Kapitlu V tas-SOLAS. Fil-każ tal-bastimenti tal-merkanzija mibnija qabel l-1 ta' Lulju 2002 il-VDR jista' jkun reġistratur tad-dejta dwar il-vjaġġ simplifikat (S-VDR), li għandu jkun konformi mal-istandards tekniċi u ta' prestazzjoni żviluppati skont il-Kapitlu V tas-SOLAS.

III.   BASTIMENTI LI JWETTQU VJAĠĠI MHUX INTERNAZZJONALI

1.   Is-Sistemi tal-Identifikazzjoni Awtomatika (AIS)

Il-bastimenti tal-passiġġieri, irrispettivament mid-daqs, u l-bastimenti l-oħrajn kollha tat-tunnellaġġ gross ta' 300 jew aktar li jwettqu vjaġġi mhux internazzjonali għandhom jiġu mgħammra b'sistema ta' identifikazzjoni awtomatika (AIS) f'konformità mal-istandards tekniċi u ta' prestazzjoni stipulati fil-Kapitlu V tas-SOLAS.

2.   Is-sistemi tar-Reġistraturi tad-Dejta dwar il-Vjaġġ (VDR)

(a)

Il-bastimenti tal-passiġġieri, irrispettivament mid-daqs, u l-bastimenti għajr il-bastimenti tal-passiġġieri tat-tunnellaġġ gross ta' 3 000 jew aktar u mibnija fl-1 ta' Lulju 2002 jew wara li jwettqu vjaġġi mhux internazzjonali għandhom jiġu mgħammra b'reġistratur tad-dejta dwar il-vjaġġ (VDR) li jkun konformi mal-istandards tekniċi u ta' prestazzjoni żviluppati skont il-Kapitlu V tas-SOLAS.

(b)

Bastimenti tal-merkanzija tat-tunnellaġġ gross ta' 3 000 jew aktar u mibnija qabel l-1 ta' Lulju 2002 li jwettqu vjaġġ mhux internazzjonali għandhom jiġu mgħammra b'reġistratur tad-dejta dwar il-vjaġġ (VDR) jew b'reġistratur tad-dejta dwar il-vjaġġ simplifikat (S-VDR) li jkun konformi mal-istandards tekniċi u ta' prestazzjoni żviluppati skont il-Kapitlu V tas-SOLAS.

IV.   EŻENZJONIJIET

1.   Eżenzjonijiet mir-rekwiżit li jinġarr AIS abbord

(a)

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw bastimenti tal-passiġġieri tat-tul ta' anqas minn 15-il metru jew tat-tunnellaġġ gross taħt it-300 li jwettqu vjaġġi mhux internazzjonali mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti dwar l-AIS stipulati f'dan l-Anness.

(b)

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-bastimenti, għajr il-bastimenti tal-passiġġieri, tat-tunnellaġġ gross ta' 300 u aktar iżda taħt it-tunnellaġġ gross ta' 500 li jbaħħru esklussivament ġewwa l-ilmijiet interni ta' Stat Membru u barra r-rotot li normalment jintużaw minn bastimenti oħra mgħammra b'AIS, mir-rekwiżiti tal-ġarr għal AIS stipulati f'dan l-Anness.

2.   Eżenzjonijiet mir-rekwiżit li jinġarr VDR jew S-VDR abbord

L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mir-rekwiżit li jiġu mgħammra b'VDR jew S-VDR kif ġejjin:

(a)

Il-bastimenti tal-passiġġieri biss fuq vjaġġi f'żoni tal-ibħra għajr dawk koperti mill-Klassi A, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), jistgħu jkunu eżenti mir-rekwiżit jiġu mgħammra b'VDR,

(b)

Bastimenti, għajr il-bastimenti tal-passiġġieri ro-ro, mibnija qabel l-1 ta' Lulju 2002 jistgħu jkunu eżentati mir-rekwiżit jiġu mgħammra b'VDR fejn ikunu jistgħu juru li interfacing b'VDR mat-tagħmir eżistenti fuq il-bastiment mhix raġonelvoli jew prattika,

(c)

Bastimenti tal-merkanzija mibnija qabel l-1 ta' Lulju 2002, li jwettqu vjaġġi internazzjonali jew mhux internazzjonali, jistgħu jkunu eżentati mir-rikwiżit li jiġu mgħammra b'S-VDR fil-każ li t-tali bastimenti għandhom jitneħħew mis-servizz fuq bażi permanenti fis-sentejn wara d-data tal-implimentazzjoni speċifikata fil-Kapitlu V tas-SOLAS.


(1)  ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1.”


ANNESS II

“ANNESS IV

Il-miżuri disponbbli għall-Istati Membri fil-każ ta’ theddida għas-sigurtà marittima u l-protezzjoni tal-ambjent

(skont l-Artikolu 19(1))

Fejn, wara inċident jew ċirkostanza tat-tip deskritta fl-Artikolu 17 li tolqot bastiment, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru konċernat tqis, fil-qafas tal-liġi internazzjonali, li jkun meħtieġ li tiġi evitata, imnaqqsa jew imneħħija theddida serja u imminenti għall-kosta tiegħu u għal interessi rrelatati, is-sigurtà tal-bastimenti l-oħra u l-ekwipaġġi tagħhom u l-passiġġieri jew il-persuni fuq ix-xatt jew biex jiġi protett l-ambjent tal-baħar, dik l-awtorità tista’, b’mod partikolari:

(a)

tillimita l-moviment tal-bastiment jew tmexxih biex isegwi rotta speċifika. Dan ir-rekwiżit ma jaffettwax ir-responsabbiltà tal-kaptan għall-imaniġġjar sikur tal-bastiment tiegħu;

(b)

tagħti avviż uffiċjali lill-kaptan tal-bastiment biex iwaqqaf it-theddida għall-ambjent jew għas-sigurtà marittima;

(c)

tibgħat tim ta’ valutazzjoni abbord il-bastiment biex jistma l-grad tar-riskju, jgħin lill-kaptan biex jirrimedja s-sitwazzjoni u żżomm l-istazzjon kostali kompetenti infurmat b’dan;

(d)

tordna lill-kaptan biex jidħol f’post ta’ kenn fil-każ ta’ periklu imminenti, jew iġġiegħel li l-bastiment jiġi ppilotat jew irmunkat.

Fil-każ li bastiment li jiġi rmunkat bis-saħħa ta’ ftehim ta’ rmonk jew ta’ salvataġġ, il-miżuri li jittieħdu mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru taħt il-punti (a) u (d) jistgħu wkoll jiġu indirizzati lill-kumpaniji involuti tal-assistenza, tas-salvataġġ u tal-irmonk.”


Top