This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008D0742
Decision No 742/2008/EC of the European Parliament and of the Council of 9 July 2008 on the Community’s participation in a research and development programme undertaken by several Member States aimed at enhancing the quality of life of older people through the use of new information and communication technologies (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni Nru 742/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2008 dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programm ta’ riċerka u żvilupp mibdi minn diversi Stati Membri li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni mdaħħlin fiż-żmien permezz ta’ l-użu ta’ Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni Ġodda Test b’relevanza għaż-ŻEE
Deċiżjoni Nru 742/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2008 dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programm ta’ riċerka u żvilupp mibdi minn diversi Stati Membri li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni mdaħħlin fiż-żmien permezz ta’ l-użu ta’ Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni Ġodda Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 201, 30.7.2008, pp. 49–57
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
|
30.7.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 201/49 |
DEĊIŻJONI Nru 742/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-9 ta’ Lulju 2008
dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programm ta’ riċerka u żvilupp mibdi minn diversi Stati Membri li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni mdaħħlin fiż-żmien permezz ta’ l-użu ta’ Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni Ġodda
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 169 u 172, it-tieni paragrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (mill-2007 sa l-2013) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ is-“Seba’ Programm Kwadru”) (2) tipprovdi għal parteċipazzjoni tal-Komunità fi programmi ta’ riċerka u żvilupp mibdija minn diversi Stati Membri, inkluż il-parteċipazzjoni fl-istrutturi maħluqa għall-eżekuzzjoni ta’ dawn il-programmi, fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 169 tat-Trattat. |
|
(2) |
Is-Seba’ Programm Kwadru iddefinixxa sensiela ta’ kriterji għall-identifikazzjoni ta’ oqsma għal tali inizjattivi fl-ambitu ta’ l-Artikolu 169: ir-rilevanza mal-għanijiet Komunitarji, id-definizzjoni ċara ta’ l-għan li għandu jiġi segwit u r-rilevanza tiegħu ma’ l-għanijiet tas-Seba’ Programm Kwadru, il-preżenza ta’ bażi pre-eżistenti (programmi nazzjonali ta’ riċerka eżistenti jew maħsuba), il-valur miżjud Ewropew, massa kritika fir-rigward tad-daqs u l-għadd ta’ programmi involuti u x-xebh bejn l-attivitajiet li jkopru, u l-effiċjenza ta’ l-Artikolu 169 bħala l-mezz l-aktar xieraq għall-ksib ta’ dan il-għan. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar “il-Programm Speċifiku ‘Kooperazzjoni’” li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (mill-2007 sa l-2013) (3) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Programm Speċifiku ‘Kooperazzjoni’”) tidentifika inizjattiva fl-ambitu ta’ l-Artikolu 169 fil-qasam ta’ l-Ambient Assisted Living bħala wieħed mill-oqsma adattati għall-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-programmi nazzjonali ta’ riċerka implimentati b’mod konġunt abbażi ta’ l-Artikolu 169 tat-Trattat. |
|
(4) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ l-1 ta’ Ġunju 2005 intitolata “l-i2010 – Soċjetà ta’ Informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi”, il-Kummissjoni pproponiet li tibda inizjattiva prominenti għall-kura ta’ persuni f’soċjetà li qed tixjieħ. |
|
(5) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-12 ta’ Ottubru 2006 intitolata “Il-ġejjieni demografiku ta’ l-Ewropa – minn sfida għal opportunità”, il-Kummissjoni enfasizzat il-fatt li x-xjuħija demografika hija waħda mill-isfidi li l-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea qegħdin jaffrontaw u li l-użu tat-teknoloġiji ġodda jista jgħin sabiex l-ispejjeż jiġu kkontrollati u sabiex titjieb il-benesseri u tiġi promossa l-parteċipazzjoni fis-soċjetà ta’ l-anzjani, kif ukoll titjieb il-kompetittività ta’ l-ekonomija Ewropea, bħala appoġġ għall-Istrateġija mġedda ta’ Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi. |
|
(6) |
B’mod partikulari fil-qasam tat-Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT), il-popolazzjoni li qed tixjieħ tista’ tiġi meqjusa bħala opportunità għal suq emerġenti għal prodotti u servizzi ġodda li jaqdu l-bżonnijiet tal-persuni mdaħħla fiż-żmien. Madankollu, l-iżvilupp mgħaġġel u l-użu ta’ teknoloġiji ta’ l-ICT m’għandux iwassal għall-esklużjoni u sabiex titwessa’ l-firda diġitali; madanakollu, it-titjib tal-litteriżmu diġitali huwa prekundizzjoni għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni. |
|
(7) |
L-inizjattiva preżenti fil-qasam ta’ l-Ambient Assisted Living għandha tieħu kont tar-realtà tas-soċjetà li qed tixjieħ fl-Ewropa, fejn il-persentaġġ tan-nisa huwa ogħla minn dak ta’ l-irġiel, minħabba li l-għomor medju tan-nisa huwa ogħla. |
|
(8) |
Ix-xjuħija attiva hija bħala element ċentrali fil-linji gwida mġedda għall-impjieg. L-approċċ ta’ l-UE għax-xjuħija timmira li timmobilizza l-potenzjal sħiħ ta’ persuni ta’ kull età – il-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja – u tenfasizza l-bżonn ta’ bidla mill-istrateġiji għax-xjuħija fframmentati għal dawk komprensivi. |
|
(9) |
Bħalissa, għadd ta’ programmi jew attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam ta’ l-ICT għal Xjuħija Tajba mibdija mill-Istati Membri individwali u fuq livell nazzjonali m’humiex ikkoordinati biżżejjed fuq livell Ewropew u ma jippermettux metodu koerenti fuq livell Ewropew għal riċerka u żvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi għal xjuħija tajba bbażati fuq l-ICT. |
|
(10) |
Peress li jixtiequ jaraw metodu koerenti fil-qasam ta’ l-ICT għal Xjuħija Tajba fuq livell Ewropew u sabiex jaġixxu b’mod effettiv, diversi Stati Membri ħadu l-inizjattiva li jistabbilixxu programm konġunt ta’ riċerka u żvilupp intitolat “Ambient Assisted Living” (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“Programm Konġunt AAL”) fil-qasam ta’ l-ICT għal xjuħija tajba fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, sabiex jinkisbu sinerġiji f’termini ta’ ġestjoni u ta’ riżorsi finanzjarji billi jiggarantixxu mekkaniżmu waħdieni u komuni ta’ evalwazzjoni bl-għajnuna ta’ esperti indipendenti fuq il-bażi ta’ prattika stabbilita kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar il-parteċipazzjoni ta’ l-impriżi, iċ-ċentri tar-riċerka u l-universitajiet f’azzjonijiet koperti mis-Seba’ Programm Kwadru u għat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013) (4), u ta’ tagħqid ta’ għarfien espert addizzjonali ma’ riżorsi disponibbli f’diversi pajjiżi madwar l-Ewropa. |
|
(11) |
Il-Programm Konġunt AAL għandu l-għan li jindirizza l-isfida tax-Xjuħija Demografika billi jipprovdi l-qafas neċessarju legali u amministrattiv għal kooperazzjoni Ewropea u fuq skala kbira bejn l-Istati Membri dwar riċerka applikata u innovazzjoni fil-qasam ta’ l-ICT għal Xjuħija Tajba f’soċjetà li qed tixjieħ. Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Iżvezja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja, u r-Renju Unit, (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Istati Membri parteċipanti”) u l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera qablu li jikkoordinaw u jimplimentaw flimkien attivitajiet li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-Programm Konġunt AAL. Il-valur globali tal-parteċipazzjoni tagħhom huwa stmat b’minimu ta’ EUR 150 miljun għat-tul taż-żmien tas-Seba’ Programm Kwadru. Il-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn il-pajjiżi fil-Programm Konġunt AAL għandha tkun suġġetta għal kontribuzzjoni minima li tkun xierqa fir-rigward tal-bżonn potenzjali tal-komunitajiet nazzjonali tiegħu ta’ riċerka u normalment għandha tkun ta’ mill-inqas EUR 0,2 miljun, jekk il-pajjiż għandu jipparteċipa fil-programm annwali ta’ ħidma. |
|
(12) |
Il-Programm Konġunt AAL għandu jippromwovi wkoll il-parteċipazzjoni ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fl-attivitajiet tiegħu b’konformità ma’ l-għanijiet tas-Seba’ Programm Kwadru. |
|
(13) |
Sabiex jiżdied l-impatt tal-Programm Konġunt AAL, l-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera ftiehmu dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fih. Il-Komunità għandha tipparteċipa fil-Programm billi tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja ta’ mhux aktar minn EUR 150 miljun. Billi l-Programm Konġunt AAL jilqa’ l-għanijiet speċifiċi tas-Seba’ Programm Kwadru u billi l-qasam ta’ riċerka tal-Programm Konġunt AAL jaqa’ fi ħdan it-tema tat-Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) tal-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni”, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għandha tittieħed mill-approprjazzjoni allokata fil-baġit għal dik it-tema. Għażliet ulterjuri ta’ finanzjament jistgħu jkunu disponibbli, fosthom mill-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB), b’mod partikolari permezz tal-Faċilità Finanzjarja tal-Qsim tar-Riskju, żviluppata b’mod konġunt ma’ l-EIB u mal-Kummissjoni b’konformità ma’ l-Anness III tad-Deċiżjoni 2006/97/KE. |
|
(14) |
Is-sostenn finanzjarju tal-Komunità għandu jingħata suġġett għad-definizzjoni ta’ pjan finanzjarju bbażat fuq impenji formali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-implimentazzjoni konġunta tal-programmi ta’ riċerka u żvilupp u ta’ attivitajiet mibdija fuq livell nazzjonali u għall-kontribut tagħhom għall-finanzjament ta’ l-eżekuzzjoni konġunta tal-Programm Konġunt AAL. |
|
(15) |
L-implimentazzjoni konġunta tal-programmi nazzjonali ta’ riċerka tirrikjedi l-istabbiliment jew l-eżistenza ta’ struttura speċifika ta’ implimentazzjoni, kif ipprovdut fil-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni”. |
|
(16) |
L-Istati Membri parteċipanti qablu fuq struttura speċifika ta’ implimentazzjoni bħal din għall-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt AAL. |
|
(17) |
L-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni għandha tkun ir-riċevitur tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità u għandha tiżgura l-eżekuzzjoni effiċjenti tal-Programm Konġunt AAL. |
|
(18) |
Sabiex il-Programm Konġunt AAL jiġi implimentat b’mod effiċjenti, l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi parteċipanti fil-Programm Konġunt AAL li jintgħażlu wara sejħiet għal proposti. |
|
(19) |
Il-kontribuzzjoni Komunitarja għandha tkun suġġetta għall-impenn ta’ riżorsi mill-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera u għall-ħlas effettiv tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom. |
|
(20) |
Il-Komunità għandu jkollha d-dritt li tnaqqas, iżżomm jew ittemm il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha jekk il-Programm Konġunt AAL jiġi implimentat b’mod inadegwat, parzjalment jew b’mod tardiv, f’konformità mat-termini stabbiliti bi ftehim li għandhom jiġu konklużi bejn il-Komunità u l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni li tistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għall-kontribuzzjoni Komunitarja. |
|
(21) |
Kull Stat Membru għandu jkun jista’ jieħu sehem fil-Programm Konġunt AAL. |
|
(22) |
F’konformità mas-Seba’ Programm Kwadru, il-Komunità għandha jkollha d-dritt li tiftiehem il-kundizzjonijiet relatati mal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha lill-Programm Konġunt AAL f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni fih ta’ kwalunkwe pajjiż asssoċjat mas-Seba’ Programm Kwadru jew, fejn ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt AAL, ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor li jkun issieħeb fil-Programm matul l-implimentazzjoni tiegħu, skond din id-Deċiżjoni. |
|
(23) |
Għandhom jittieħdu miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u l-passi neċessarji għall-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsin jew użati ħażin skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (5), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (6), u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (7). |
|
(24) |
F’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli ghall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (8) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament Finanzjarju”) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolamenti Finanzjaru għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (9) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ir-“Regoli ta’ l-Implimentazzjoni”), il-kontribuzzjoni Komunitarja għandha tiġi ġestita fil-qafas ta’ ġestjoni ċentralizzata indiretta skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 54(2)(c) u 56 tar-Regolament Finanzjarju, u l-Artikolu 35, 38(2) u 41 tar-Regoli ta’ l-Implimentazzjoni. |
|
(25) |
Huwa essenzjali li l-attivitajiet tar-riċerka li jitwettqu taħt il-Programm Konġunt AAL jikkonformaw mal-prinċipji bażilari ta’ l-etika, inkluż dawk riflessi fl-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, u jsegwu l-prinċipji ta’ mainstreaming u ugwaljanza bejn is-sessi. It-twettiq tal-Programm għandu jieħu kont ukoll tal-promozzjoni tar-rwol tan-nisa fix-xjenza u fir-riċerka. |
|
(26) |
Il-Programm Konġunt AAL għandu jimmira wkoll lejn il-promozzjoni ta’ aċċess ekwu u simplifikat għall-prodotti u s-servizzi relevanti bbażati fuq l-ICT fl-Istati Membri kollha. |
|
(27) |
Il-Kummissjoni għandha tmexxi valutazzjoni interim, sa l-2010, li tivvaluta l-kwalità u l-effiċjenza ta’ l-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt AAL u l-progress li sar f’dawk li huma għanijiet stabbiliti. Din l-evalwazzjoni għandha tieħu kont ukoll tal-ħtieġa għal evalwazzjonijiet interim oħra li għandhom isiru qabel l-evalwazzjoni finali fl-aħħar ta’ l-2013, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Fl-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru, il-Komunità għandha tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja lill-programm ta’ riċerka u żvilupp Ambient Assisted Living (il-Programm Konġunt AAL) mibdi b’mod konġunt mill-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit (l-Istati Membri Parteċipanti) kif ukoll l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera.
2. Il-Komunità għandha tħallas kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal massimu ta’ EUR 150 miljun għat-tul taż-żmien tas-Seba’ Programm Kwadru għall-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt AAL, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness I, li jifforma parti integrali minn din id-Deċiżjoni.
3. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għandha titħallas mill-approprjazzjoni fil-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea allokata taħt it-tema tat-Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) tal-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni”.
Artikolu 2
Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għandha tkun suġġetta għal:
|
(a) |
dimostrazzjoni mill-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera li l-Programm Konġunt AAL kif deskritt fl-Anness I jiġi stabbilit b’mod effiċjenti; |
|
(b) |
l-istabbiliment formali jew in-nomina mill-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera, jew l-organizzazjonijiet nominati mill-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera, ta’ struttura ta’ implimentazzjoni speċifika b’personalità legali, li tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt AAL u għar-riċeviment, l-allokazzjoni u s-sorveljanza tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità fil-qafas ta’ ġestjoni ċentralizzata indiretta skond l-Artikolu 54(2)(c) u 56 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikoli 35, 38(2), u 41 tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni; |
|
(ċ) |
l-istabbiliment tal-mudell ta’ tmexxija xieraq u effiċjenti għall-Programm Konġunt AAL f’konformità mal-linji gwida stabbiliti fl-Anness II li huwa parti integrali ta’ din id-Deċiżjoni; |
|
(d) |
it-twettiq effiċjenti ta’ l-attivitajiet taħt il-Programm Konġunt AAL deskritti fl-Anness I permezz ta’ l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni, li tinvolvi li jiġu magħmula sejħiet għal proposti għall-konċessjoni tal-għotjiet; |
|
(e) |
l-impenji ta’ l-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-Programm Konġunt AAL u l-ħlas effettiv tal-kontribuzzjoni finanzjarja, b’mod partikolari l-finanzjament tal-parteċipanti fil-proġetti magħżulin wara s-sejħiet għal proposti magħmula taħt il-Programm; |
|
(f) |
konformità mar-regoli Komunitarji għall-għajnuna ta’ l-Istat, u b’mod partikolari r-regoli stabbiliti fil-Qafas Komunitarju għall-Għajnuna ta’ l-Istat għal Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni (10); |
|
(g) |
l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ eċċellenza xjentifika u ta’ osservanza ta’ prinċipji etiċi skond il-prinċipji ġenerali tas-Seba’ Programm Kwadru; u l-integrazzjoni u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-iżvilupp sostenibbli; kif ukoll |
|
(h) |
il-formulazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw mill-attivitajiet li twettqu taħt il-Programm Konġunt AAL u l-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni tal-programmi ta’ riċerka u żvilupp u attivitajiet mibdija fuq livell nazzjonali mill-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera b’tali mod li jimmiraw għall-promozzjoni tal-ħolqien ta’ tali għarfien u għall-appoġġ ta’ l-użu u t-tixrid fuq firxa wiesgħa tal-għarfien li jkun inħoloq. |
Artikolu 3
Fl-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt AAL, l-għoti ta’ sostenn finanzjarju mill-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni lil partijiet terzi, u b’mod partikolari is-sostenn finanzjarju pprovdut lil parteċipanti fi proġetti magħżula wara sejħiet għal proposti għall-konċessjoni tal-għotjiet, għandhom ikunu suġġetti għal trattament ugwali u trasparenza, prevedibilità għall-applikanti u għal evalwazzjoni indipendenti. Is-sostenn finanzjarju lil partijiet terzi għandu jingħata abbażi ta’ eċċellenza xjentifika ta’ l-impatt soċjo-ekonomiku fuq livell Ewropew u fuq ir-relevanza ta’ l-għanijiet ġenerali tal-Programm Konġunt AAL, skond il-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti fl-Anness I.
Artikolu 4
L-arranġamenti għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità u r-regoli li għandhom x’jaqsmu mar-responsabbiltà finanzjarja u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll ir-regoli dettaljati għall-proviżjoni ta’ appoġġ finanzjarju mill-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni lil partijiet terzi għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ ftehim ġenerali li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni, għan-nom tal-Komunità, u l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni, u l-ftehim finanzjarji annwali.
Artikolu 5
Jekk il-Programm Konġunt AAL ma jiġix implimentat jew jiġi implimentat b’mod inadegwat, parzjalment jew b’mod tardiv, il-Komunità tista’ tnaqqas, iżżomm jew ittemm il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha skond l-implimentazzjoni attwali tal-Programm Konġunt AAL.
Jekk l-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera ma jikkontribwixxux, jew jikkontribwixxu parzjalment jew b’mod tardiv għall-finanzjament tal-Programm Konġunt AAL, il-Komunità tista’ tnaqqas il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha skond l-ammont ta’ fondi pubbliċi allokati lill-Istati Membri parteċipanti, lill-Iżrael, lin-Norveġja u lill-Iżvizzera skond it-termini stipulati fil-ftehim li għandu jsir bejn il-Kummissjoni u l-istruttura ta’ implimentazzjoni speċifika.
Artikolu 6
Matul l-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt AAL, l-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera għandhom jieħdu l-miżuri leġislattivi, regolatorji, amministrattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità. B’mod partikolari, l-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera għandhom jieħdu l-passi neċesssarji sabiex jiżguraw irkupru sħiħ ta’ kwalunkwe ammonti dovuti lill-Komunità b’konformità ma’ l-Artikoli 54(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikoli 38(2) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni.
Artikolu 7
Il-Kummissjoni u l-Qorti ta’ l-Awdituri jistgħu, permezz ta’ l-uffiċjali jew l-aġenti tagħhom, iwettqu l-verifiki u l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiżguraw it-tmexxija xierqa tal-fondi tal-Komunità u jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità kontra l-frodi jew l-irregolarità. Għall-finijiet ta’ dan, l-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera u/jew l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni għandhom, fi żmien xieraq, jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni u l-Qorti ta’ l-Awdituri d-dokumenti kollha rilevanti.
Artikolu 8
Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-informazzjoni kollha rilevanti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti ta’ l-Awdituri. L-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera huma mistiedna jippreżentaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni, kwalunkwe tagħrif addizzjonali meħtieġ mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Qorti ta’ l-Awdituri li jikkonċerna l-ġestjoni finanzjarja ta’ l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni li hija konsistenti mar-rekwiżiti ġenerali għar-rappurtaġġ stabbiliti fl-Artikolu 12(1).
Artikolu 9
Kull Stat Membru jista’ jissieħeb fil-Programm Konġunt AAL skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(e) sa (h).
Artikolu 10
Kull pajjiż terz jista’ jissieħeb fil-Programm Konġunt AAL skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(e) sa (h) u, sakemm tali parteċipazzjoni tkun koperta bil-ftehim internazzjonali rilevanti u sakemm sew il-Kummissjoni u sew l-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera jaqblu ma’ dan.
Artikolu 11
Il-kundizzjonijiet relatati mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni, fil-Programm Konġunt AAL, ta’ kwalunkwe pajjiż assoċjat mas-Seba’ Programm Kwadru jew, fejn ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt AAL, ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor, jista’ jiġi miftiehem mal-Komunità abbażi tar-regoli stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u ta’ kwalunkwe regoli ta’ implimentazzjoni u arranġamenti.
Artikolu 12
1. Ir-rapport annwali tas-Seba’ Programm Kwadru ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità ma’ l-Artikolu 173 tat-Trattat għandu jinkludi rapport dwar l-attivitajiet tal-Programm Konġunt AAL.
2. Valutazzjoni interim tal-Programm Konġunt AAL għandu jsir mill-Kummissjoni sentejn wara l-bidu tal-Programm, iżda f’kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-2010. Jekk jitqies li dan ikun meħtieġ wara l-ewwel reviżjoni interim, jistgħu jsiru valutazzjonijiet interim ulterjuri.
Il-valutazzjoni interim għandha tkopri l-progress lejn l-għanijiet stabbiliti fl-Anness I tal-Programm Konġunt AAL, inkluż ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-mezzi l-aktar xierqa sabiex titjieb aktar l-integrazzjoni, il-kwalità u l-effiċjenza ta’ l-implimentazzjoni, inkluż l-integrazzjoni xjentifika, ġestjonarja u finanzjarja tal-Programm Konġunt AAL u jekk il-livell ta’ kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera huwiex wieħed xieraq fl-isfond ta’ domanda potenzjali mid-diversi komunitajiet nazzjonali tar-riċerka. Għandu jittieħed kont ta’ l-esperjenza minn programmi konġunti oħra li jkunu twettqu skond l-Artikolu 169 tat-Trattat.
Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni interim, flimkien ma’ l-osservazzjonijiet tagħha u, fejn xieraq, proposti għall-adattament ta’ din id-Deċiżjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
3. Fi tmiem is-sena 2013, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi evalwazzjoni finali tal-Programm Konġunt AAL. Għandhom jiġu ppreżentati r-riżultati ta’ l-evalwazzjoni finali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 13
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 14
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Strasburgu, 9 ta’ Lulju 2008.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
J.-P. JOUYET
(1) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2008 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2008.
(2) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
(3) ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86.
(4) ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1.
(5) ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1233/2007 (ĠU L 279, 23.10.2007, p. 10).
(6) ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.
(7) ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.
(8) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9).
(9) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007 (ĠU L 111, 28.4.2007, p. 13).
ANNESS I
PREŻENTAZZJONI TA’ L-GĦANIJIET, L-ATTIVITAJIET U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM KONĠUNT AAL
I. Miri Speċifiċi
Il-programm konġunt AAL għandu l-għanijiet speċifiċi kif ġej:
|
— |
It-trawwim tal-ħruġ ta’ prodotti, servizzi u sistemi għal xjuħija tajba fid-dar, fil-komunità u fuq ix-xogħol li jkunu innovattivi u bbażati fuq l-ICT, li b’hekk itejbu l-kwalità tal-ħajja, l-awtonomija, il-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali, il-ħiliet u l-impjegabilità ta’ persuni mdaħħla fiż-żmien, u t-tnaqqis fl-ispejjeż tal-kura tas-saħħa u dik soċjali. Dan jista’ jiġi bbażat per eżempju fuq utilizzazzjoni innovattiva tat-teknoloġija ta’ l-ICT, metodi ġodda għall-interazzjoni mal-klijenti jew tipi ġodda ta’ katini ta’ valur għas-servizzi ta’ ħajja indipendenti. Ir-riżultati tal-Programm Konġunt AAL jistgħu jintużaw ukoll minn gruppi oħra ta’ persuni, prinċipalment dawk b’diżabilitajiet. |
|
— |
Il-ħolqien ta’ massa kritika ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni fuq il-livell ta’ l-UE fit-teknoloġiji u s-servizzi għal xjuħija tajba fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, inkluż l-istabbiliment ta’ ambjent li jiffavorixxi l-parteċipazzjoni ta’ SMEs fil-Programm. |
|
— |
It-titjib fil-kundizzjonijiet għall-esplojtazzjoni industrijali tar-riżultati tar-riċerka billi jiġi pprovdut qafas koerenti Ewropew għall-iżvilupp ta’ metodi komuni inklużi standards minimi komuni u għall-iffaċilitar tal-lokalizzazzjoni u l-adattament ta’ soluzzjonijiet komuni li jkunu kompatibbli ma’ preferenzi soċjali u aspetti regolatorji diverġenti fuq livell nazzjonali jew reġjonali madwar l-Ewropa. |
Billi jiffoka fuq riċerka applikata, il-Programm Konġunt AAL ser jikkomplementa attivitajiet ta’ riċerka aktar fit-tul previsti fis-Seba’ Programm Kwadru, kif ukoll l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni li jiffurmaw parti mill-Programm Kwadru ta’ Kompetittività u Innovazzjoni (mill-2007 sa l-2013) stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006 (1), li jiffoka fuq l-applikazzjoni fuq skala kbira ta’ soluzzjonijiet eżistenti.
Permezz ta’ l-attivitajiet tiegħu, il-Programm Konġunt AAL għandu jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ l-Istrateġija mġedda ta’ Lisbona u tas-soċjetà bbażata fuq l-għarfien, filwaqt li jiġi evitat li t-teknoloġiji l-ġodda jwasslu għall-esklużjoni soċjali. F’dan il-kuntest, għandu jiġi promoss l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet effettivi meta mqabbla man-nefqa (cost effective) li jistgħu jgħinu sabiex ikun żgurat aċċess ekwitabbli u simplifikat għal prodotti u servizzi relevanti bbażati fuq l-ICT, inkluż aċċess għal servizzi permezz ta’ għażla ta’ mezzi differenti, li jirrispettaw il-privatezza u d-dinjità ta’ l-anzjani fir-reġjuni kollha ta’ l-Ewropa, inklużi l-inħawi rurali u periferali.
Barra minn hekk, il-programm Konġunt AAL, għandu jippromwovi innovazzjoni u finanzjament konġunt mis-settur privat, b’mod partikolari mill-SMEs, għal proġetti relatati mas-suq, għall-adattazzjoni ta’ teknoloġija u soluzzjonijiet żviluppati permezz ta’ proġetti għall-bżonnijiet ta’ l-anzjani bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni soċjali tagħhom.
Meta jkun possibbli, għandhom ikunu żgurati l-kumplimentarjetà u s-sinerġiji bejn il-Programm Konġunt AAL u programmi oħra fuq livell Komunitarju, nazzjonali u reġjonali.
Għandha tittieħed kunsiderazzjoni xierqa dwar kwistjonijiet possibbli ta’ etika u ta’ privatezza f’konformità ma’ linji gwida internazzjonali.
II. Attivitajiet
L-attività ewlenija fil-Programm Konġunt AAL tikkonsisti minn attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni. Dawn għandhom jiġu implimentati permezz ta’ proġetti transnazzjonali li l-ispejjeż tagħhom jiġu maqsuma u li jinvolvu sħab mill-anqas tliet Stati differenti minn fost l-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera jew pajjiżi parteċipanti oħrajn li jindirizzaw attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku, dimostrazzjonijiet u disseminazzjoni. Dawn għandhom jiġu mmirati għal riċerka orjentata lejn is-suq, għandhom ikunu ta’ tul ta’ żmien qasir jew medju u għandhom juru kapaċità għall-esplojtazzjoni tar-riżultati tal-proġett matul perjodu ta’ żmien realistiku.
Barra minn hekk, attivitajiet ta’ senserija, ta’ promozzjoni tal-programm u ta’ netwerking jistgħu jiġi implimentati permezz ta’ avvenimenti speċifiċi jew flimkien ma’ avvenimenti eżistenti. Dawn ikunu jinkludu l-organizzazzjoni ta’ workshops u l-istabbiliment ta’ kuntatti ma’ partijiet interessati oħra fil-katina tal-valur.
Il-Programm Konġunt AAL għandu jinvolvi konsultazzjoni ma’ partijiet interessati Ewropej rilevanti oħra (bħal dawk responsabbli għad-deċiżjonijiet mill-ministeri u mill-awtoritajiet tas-settur pubbliku, l-provdituri tas-servizz tas-settur privat u ta’ l-assigurazzjoni kif ukoll rappreżentanti mill-industriji, l-SMEs u l-utenti) dwar il-prijoritajiet ta’ riċerka li għandhom jiġu indirizzati u l-implimentazzjoni tal-programm.
Il-Programm Konġunt AAL għandu jieħu kont ukoll tat-tendenzi demografiċi u tar-riċerka demografika fl-Istati Membri differenti sabiex jiġu pprovduti soluzzjonijiet li jirriflettu l-qagħda soċjali u ekonomika prevalenti fl-Unjoni.
III. L-implimentazzjoni tal-Programm
Programm ta’ ħidma annwali u sejħiet għal proposti
Il-Programm Konġunt AAL għandu jiġi implimentat abbażi ta’ programmi ta’ ħidma annwali li jidentifikaw is-suġġetti għal sejħiet ta’ proposti li għandhom jiġu miftiehma mal-Kummissjoni bħala bażi għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità.
Il-Programm Konġunt AAL għandu joħroġ sejħiet regolari għal proposti f’konformità mal-programm ta’ ħidma miftiehem. Il-proposti għandhom jiġu ppreżentati mill-applikanti fuq livell ċentrali lill-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni (punt ta’ dħul uniku).
Wara t-tmiem ta’ sejħa għal proposti, għandu jsir kontroll ċentrali għall-eliġibilità mill-istruttura ta’ l-implimentazzjoni dedikata f’kooperazzjoni ma’ l-Aġenziji nazzjonali ta’ Ġestjoni tal-Programm. Il-kontroll għandu jsir fuq il-bażi tal-kriterji komuni għall-eliġibilità tal-programm tal-Programm Konġunt AAL ppubblikat mal-programm ta’ ħidma annwali kif stipulat hawn taħt. Kriterji għall-eliġibilità komuni għandhom jinkludu ta’ l-inqas dan li ġej:
|
— |
tressiq ta’ proposti f’waqthom, kompluti u b’mod elettroniku, u |
|
— |
obbligi rigward il-kompożizzjoni tal-konsorzji. |
Flimkien ma’ dan, l-istruttura ta’ l-implimentazzjoni speċifika, bl-għajnuna ta’ l-Aġenziji nazzjonali ta’ Ġestjoni tal-Programm, għandha taċċerta skond il-kriterji nazzjonali għall-eliġibilità li dawn ikunu ppubblikati mal-programm ta’ ħidma annwali. Dawn il-kriterji nazzjonali għall-eliġibilità, imsemmija fis-sejħiet rispettivi, għandhom jirrelataw biss għall-istatut legali u finanzjarju tal-parteċipanti individwali u mhux għall-kontenut tal-proposta u għandhom ikopru:
|
— |
it-tip ta’ parteċipant, bħal ma huma l-istatut u r-raġuni legali, |
|
— |
ir-responsabilità u l-vijabilità bħal ma huma s-saħħa finanzjarja, li jiġu sodisfatti l-obbligi tat-taxxa/soċjali eċċ. |
Il-proposti eliġibbli għall-proġetti għandhom jiġu vvalutati u magħżula fuq livell ċentrali bl-għajnuna ta’ l-esperti indipendenti, abbażi ta’ kriterji trasparenti u komuni kif stabbiliti fil-programm ta’ ħidma. Din l-għażla, ladarba adottata mill-Assemblea Ġenerali, għandha torbot lill-Istati Membri parteċipanti u l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera.
L-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni għandha tkun reponsabbli għas-sorveljanza ta’ proġetti, u għandhom jiġu stabbiliti proċeduri operazzjonali komuni għall-ġestjoni kompleta taċ-ċiklu tal-proġett.
Peress li l-affarijiet amministrattivi li jikkonċernaw is-sħab nazzjonali tal-proġett fi ħdan il-proġetti magħżula għandhom jiġu ġestiti mill-Aġenzija nazzjonali tagħhom għall-Ġestjoni tal-Programm, għandhom jiġu applikati l-prinċipji nazzjonali għall-kriterji għall-eliġibilità strettament relatati ma’ l-istatus legali u finanzjarju tal-parteċipanti individwali, kif speċifikat hawn fuq, kif ukoll il-prinċipji amministrattivi nazzjonali.
Fil-każijiet li, fl-istadju ta’ l-għoti ta’ kuntratt, parteċipant jonqos milli jissodisfa wieħed mill-kriterji nazzjonali għall-eliġibilità stipulati hawn fuq, il-Programm Konġunt AAL għandu jiżgura l-eċċellenza xjentifika. Għal din ir-raġuni, tista’ ssir evalwazzjoni ċentrali u indipendenti addizzjonali tal-proposta kkonċernata bl-għajnuna ta’ l-esperti indipendenti għal deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv, sabiex tiġi evalwata l-proposta mingħajr il-parteċipazzjoni tal-parteċipant rispettiv jew, jekk issuġġerit mill-konsorzju tal-proġett, ma’ parteċipant li jeħodlu postu.
Kull pajjiż għandu jiffinanzja lil dawk il-parteċipanti nazzjonali tagħhom li l-proposti tagħhom irnexxew permezz ta’ l-aġenziji nazzjonali. Barra minn hekk dawn għandhom imexxu l-fondi ċentrali mill-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni, abbażi ta’ ftehim li għandu jiġi konkluż bejn l-aġenziji rispettivi u l-parteċipanti nazzjonali tagħhom għal kull proġett.
Sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni xjentifika, maniġerjali u finanzjarja
Il-Programm Konġunt AAL għandu jiżgura l-integrazzjoni xjentifika tal-programmi parteċipanti nazzjonali permezz ta’ l-elaborazzjoni ta’ programmi ta’ ħidma komuni u għandhom jittrattaw suġġetti li jinsabu fil-programmi nazzjonali kollha.
L-integrazzjoni ġestjonarja tal-programmi nazzjonali għandha tiġi żgurata permezz ta’ l-entità legali stabbilita fl-Istati Membri parteċipanti u l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Il-ġestjoni tal-Programm Konġunt AAL għandu jinkludi:
|
— |
organizzazzjoni ċentrali tas-sejħiet tal-proposti; |
|
— |
valutazzjoni ċentrali, indipendenti u trasparenti mill-esperti fuq livell Ewropew ibbażata fuq regoli komuni u kriterji għall-valutazzjoni u l-għażla tal-proposti abbażi ta’ eċċellenza xjentifika; |
|
— |
indirizz wieħed għas-sottomissjoni (sottomissjoni elettronika hija prevista). |
Il-Programm Konġunt AAL għandu jsaħħaħ l-integrazzjoni finanzjarja billi:
|
— |
jiżgura t-twettiq globali ta’ l-impenji nazzjonali għat-tul ta’ l-inizjattiva kif ukoll ta’ l-impenji annwali għal kull programm ta’ ħidma propost; |
|
— |
jiżgura li l-klassifikazzjoni finali tal-proposti miftiehma abbażi tal-valutazzjoni għandha tkun torbot lill-Istati Membri parteċipanti u l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera, kif spjegat hawn fuq, inkluż fl-istadju ta’ l-għoti tal-kuntratt; |
|
— |
jippromwovi flessibilità sa fejn ikun possibbli fir-rigward ta’ l-allokazzjoni fil-baġit nazzjonali għall-ġestjoni ta’ eċċezzjonijiet, eż. billi jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali jew il-finanjament transversali. |
Bħala parti mill-inizjattiva għandu jsir kull sforz mill-Istati Membri parteċipanti għat-tisħiħ ta’ l-integrazzjoni u sabiex jitwarrbu l-ostakli legali u amministrattivi nazzjonali eżistenti għal kooperazzjoni internazzjonali.
IV. Prinċipji ta’ Finanzjament
Il-kontribuzzjoni tal-Komunità għandha tirrappreżenta perċentwali fiss tal-fondi pubbliċi mill-programmi nazzjonali parteċipanti, iżda fi kwalunkwe każ ma għandhiex teċċedi 50 % tat-total tal-fondi pubbliċi ta’ parteċipant fiproġett magħżul wara sejħa għal proposti taħt il-Programm Konġunt AAL. Dan il-perċentwali fiss għandu jiġi definit fil-ftehim bejn l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni u l-Kummissjoni u għandu jkun ibbażat fuq l-impenn multiannwali ta’ l-Istati Membri parteċipanti u l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera u l-kontribuzzjoni tal-Komunità.
Mhux aktar minn 6 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għandha tintuża sabiex tikkontribwixxi għall-ispejjeż operattivi globali tal-Programm Konġunt AAL.
L-Istati Membri parteċipanti, l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera għandhom ukoll jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-tħaddim effettiv tal-Programm Konġunt AAL.
Il-proġetti għandhom ikunu kofinanzjati mill-parteċipanti fil-proġett.
V. Ir-riżultati mistennija mill-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt AAL
L-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni għandha tipprovdi rapport annwali, li għandu jagħti ħarsa ġenerali dettaljata lejn l-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt AAL (in-numru ta’ proġetti ppreżentati u magħżula għal finanzjament, l-użu ta’ finanzjament Komunitarju, id-distribuzzjoni tal-fondi nazzjonali, it-tip ta’ parteċipanti, l-istatistika tal-pajjiż, l-avvennimenti ta’ senserija u l-attivitajiet ta’ disseminazzjoni, eċċ) u l-progress lejn integrazzjoni msaħħa.
Ir-riżultati mistennija għandhom jiġu deskritti aktar fid-dettall fil-ftehim li jrid jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni, għan-nom tal-Komunità, u l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni.
ANNESS II
LINJI TA’ GWIDA GĦALL-ĠESTJONI TAL-PROGRAMM KONĠUNT AAL
L-istruttura organizzazzattiva tal-Programm Konġunt AAL hija kif ġej:
|
|
L-Assoċjazzjoni AAL, li hija assoċjazzjoni internazzjonali “mhux għall-profitt” stabbilita taħt il-liġi tal-Belġju, tikkostitwixxi l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni maħluqa mill-Istati Membri parteċipanti u l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera. |
|
|
L-Assoċjazzjoni AAL hija responsabbli għall-attivitajiet kollha tal-Programm Konġunt AAL. Id-dmirijiet ta’ l-Assoċjazzjoni AAL jinkludu l-ġestjoni kuntrattwali u tal-baġit, l-iżvilupp ta’ programmi ta’ ħidma annwali, l-organizzazzjoni ta’ proposti, it-tmexxija ta’ l-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni ta’ proġetti. Barra minn hekk, tagħmel superviżjoni fuq is-sorveljanza tal-proġett u tittrasferixxi l-ħlasijiet assoċjati tal-kontibuzzjonijiet Komunitarji lil aġenziji nazzjonali nnominati tal-programm. Torganizza wkoll attivitajiet ta’ disseminazzjoni. |
|
|
L-Assoċjazzjoni AAL hija mmexxija mill-Assemblea Ġenerali. L-Assemblea Ġenerali, li hija l-korp responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-Programm Konġunt AAL, taħtar il-membri tal-Bord Eżekuttiv u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt AAL, inkluż l-approvazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali, l-allokazzjoni tal-fondi nazzjonali għall-proġetti u l-applikazzjonijiet għal membri ġodda. Ser taħdem fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ pajjiż wieħed vot wieħed. Id-deċiżjonijiet jittieħdu b’maġġoranza sempliċi, minbarra d-deċiżjonijiet dwar is-suċċessjoni, l-ammissjoni jew l-esklużjoni tal-membri jew dwar ix-xoljiment ta’ l-Assoċjazzjoni, li għalih jistgħu jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi ta’ votazzjoni fl-istatuti ta’ l-Assoċjazzjoni. Il-Kummissjoni għandha l-istatus ta’ osservatur fil-laqgħat ta’ l-Assemblea Ġenerali. |
|
|
Il-Bord Eżekuttiv ta’ l-AAL – li mill-inqas jikkonsisti minn President, Viċi President u teżorier – jiġi elett mill-Assemblea Ġenrali sabiex imexxi r-responsabbiltajiet speċifiċi ta’ ġestjoni bħall-ippjanar tal-baġit, il-persunal u l-kuntratti. Legalment jirrappreżenta l-Assoċjazzjoni u jirrapporta lill-Assemblea Ġenerali. |
|
|
L-Aġenziji nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Programm jiġu awtorizzati mill-Istati Membri parteċipanti u l-Iżrael, in-Norveġja u l-Iżvizzera sabiex imexxu x-xogħol assoċjat mal-ġestjoni tal-proġett u ma’ aspetti amministrattivi u legali għas-sħab nazzjonali tal-proġett kif ukoll sabiex jipprovdi appoġġ għall-valutazzjoni u n-negozjar tal-proposti tal-proġett. Jaħdmu taħt is-superviżjoni ta’ l-Assoċjazzjoni AAL. |
|
|
Bord Konsultattiv li jinkludi rappreżentanti mill-industrija u partijiet interessati oħrajn inklużi rappreżentanti ta’ nies ta’ ġenerazzjonijiet differenti, jipprovdi rakkomandazzjonijiet għall-prijoritajiet u suġġetti li għandhom jiġu indirizzati fis-sejħiet għal proposti tal-Programm Konġunt AAL. |