Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22018D0836

Deċiżjoni Nru 1/2018 tas-Sottokumitat Doganali UE-Georgia tal-20 ta' Marzu 2018 li tissostitwixxi l-Protokoll I tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva [2018/836]

ĠU L 140, 6.6.2018, p. 107–109 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/836/oj

6.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/107


DEĊIŻJONI Nru 1/2018 TAS-SOTTOKUMITAT DOGANALI UE-GEORGIA

tal-20 ta' Marzu 2018

li tissostitwixxi l-Protokoll I tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva [2018/836]

IS-SOTTOKUMITAT DOGANALI UE-GEORGIA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Protokoll I tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva,

Billi:

(1)

L-Artikolu 23(2) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), jirreferi għall-Protokoll I tal-Ftehim (“il-Protokoll I”) għar-regoli tal-oriġini.

(2)

Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016.

(3)

L-Artikolu 38 tal-Protokoll I jipprevedi li s-Sottokumitat Doganali previst fl-Artikolu 74(1) tal-Ftehim jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll I.

(4)

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li b'att legali wieħed tibdel il-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini (2) li hemm fis-seħħ bħalissa fost il-pajjiżi taż-żona pan-Ewro-Mediterranja.

(5)

L-Unjoni ffirmat il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011. Bid-Deċiżjoni tiegħu Nru 1/2016 (3), il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni ddeċieda li l-Georgia jenħtieġ li tiġi mistiedna taderixxi għall-Konvenzjoni.

(6)

L-Unjoni u l-Georgia ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u fis-17 ta' Mejju 2017, rispettivament. Konsegwentement, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-UE u fil-Georgia fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Lulju 2017 rispettivament.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll I jiġi sostitwit bi protokoll ġdid li jkun jirreferi għall-Konvenzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll I tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, għandu jiġi sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta' Ġunju 2018.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Marzu 2018.

Għas-Sottokumitat Doganali

Il-President

S. URIDIA

Segretarji

D. WENCEL

M. KHVEDELIDZE


(1)  ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.

(2)  ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2016 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli Preferenzjali tal-Oriġini Pan-Ewro-Mediterranji tat-28 ta' Settembru 2016 rigward it-talba tal-Georgia biex issir Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 329, 3.12.2016, p. 118).


ANNESS

PROTOKOLL I

rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

Artikolu 1

Regoli tal-oriġini applikabbli

1.   Għall-fini tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, għandhom japplikaw l-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (1) (“il-Konvenzjoni”).

2.   Ir-referenzi kollha għall-“ftehim rilevanti” fl-Appendiċi I u fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni għandhom jitqiesu li qed jirreferu għal dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Soluzzjoni tat-tilwim

1.   Meta jinqala' xi tilwim rigward il-proċeduri ta' verifika tal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, li ma jkunx jista' jinstab soluzzjoni għalih mill-awtoritajiet doganali li jitolbu l-verifika u l-awtoritajiet doganali responsabbli biex iwettqu dik il-verifika, it-tilwim għandu jitressaq quddiem is-Sottokumitat Doganali. Id-dispożizzjonijiet dwar il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) tat-Titolu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet Relatati mal-Kummerċ) ta' dan il-Ftehim ma għandhomx japplikaw.

2.   Fil-każijiet kollha is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur għandha timxi skont il-leġiżlazzjoni ta' dak il-pajjiż.

Artikolu 3

Emendi fil-Protokoll

Is-Sottokumitat Doganali jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 4

Irtirar mill-Konvenzjoni

1.   Jekk l-Unjoni Ewropea jew il-Georgia jagħtu avviż bil-miktub lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni skont l-Artikolu 9 tagħha, l-Unjoni u l-Georgia għandhom jidħlu minnufih f'negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini għall-iskop tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

2.   Sakemm jidħlu fis-seħħ tali regoli tal-oriġini negozjati mill-ġdid, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument tal-irtirar, għandhom ikomplu japplikaw għal dan il-Ftehim. Madankollu, mill-mument tal-irtirar, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati b'mod li jippermetti kumulazzjoni bilaterali bejn l-Unjoni u l-Georgia biss.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet tranżitorji — kumulazzjoni

Minkejja l-Artikoli 16(5) u 21(3) tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, fejn il-kumulazzjoni tinvolvi biss l-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faeroe, l-Unjoni, it-Turkija, il-parteċipanti fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, u r-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia, il-prova tal-oriġini tista' tkun ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini.


(1)  ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.


Top