This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22015D0977
Decision No 1/2014 of the EU-Ukraine Association Council of 15 December 2014 adopting its Rules of Procedure and those of the Association Committee and of Subcommittees [2015/977]
Deċiżjoni Nru 1/2014 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE – Ukraina tal-15 ta' Diċembru 2014 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u ta' Sottokumitati [2015/977]
Deċiżjoni Nru 1/2014 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE – Ukraina tal-15 ta' Diċembru 2014 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u ta' Sottokumitati [2015/977]
ĠU L 157, 23.6.2015, pp. 99–109
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
23.6.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 157/99 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2014 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE – UKRAINA
tal-15 ta' Diċembru 2014
li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u ta' Sottokumitati [2015/977]
IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE – UKRAINA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 462 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 486 tal-Ftehim, partijiet mill-Ftehim ġew applikati provviżorjament mill-1 ta' Novembru 2014. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 462(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu stess. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 464(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jkun megħjun fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu minn Kumitat ta' Assoċjazzjoni filwaqt li skont l-Artikolu 465(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jiddetermina fir-regoli ta' proċedura tiegħu d-dmirijiet u l-funzjonament tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u dawk tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u ta' Sottokumitati, kif stabbiliti fl-Annessi I u II rispettivament, huma b'dan adottati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2014.
Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni
Il-President
F. MOGHERINI
ANNESS I
REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI
Artikolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 461(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu kif previst fl-Artikoli 461 u 463 tal-Ftehim.
2. Kif previst fl-Artikolu 5(1) tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom ikollhom laqgħat regolari ta' djalogu politiku fuq livell ta' Summit. Skont l-Artikolu 5(2) tal-Ftehim, għandu jsir d-djalogu politiku, fuq livell ministerjali, bi ftehim reċiproku, fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni msemmi fl-Artikolu 460 tal-Ftehim u fil-qafas ta' laqgħat regolari bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet fil-livell ta' Ministri tal-Affarijiet Barranin.
3. Kif previst fl-Artikolu 462(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jkun magħmul minn membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u membri tal-Kummissjoni Ewropea, minn naħa waħda, u minn membri tal-Gvern tal-Ukraina, min-naħa l-oħra. Il-kompożizzjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha tqis il-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati fi kwalunkwe laqgħa partikolari. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jiltaqa' fil-livell ministerjali.
4. Kif previst fl-Artikolu 463(1) tal-Ftehim, u sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet li huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jieħu l-miżuri xierqa għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu, inkluż, jekk meħtieġ, billi jagħti s-setgħa lil entitajiet speċifiċi stabbiliti taħt il-Ftehim sabiex jaġixxu f'ismu. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet. Huwa għandu jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi għall-adozzjoni tagħhom. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddelega s-setgħat tiegħu lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.
5. Il-Partijiet f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura huma dawk kif definiti fl-Artikolu 482 tal-Ftehim.
Artikolu 2
Presidenza
Il-Partijiet għandhom iżommu l-presidenza tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, b'mod alternat, għal perjodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.
Artikolu 3
Laqgħat
1. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena, u meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan, bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet. Sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jsir fil-post fejn is-soltu jsiru l-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
2. Kull sessjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha tinżamm f'data miftiehma mill-Partijiet.
3. Il-laqgħat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandhom jissejħu b'mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, bi qbil mal-President tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mhux aktar tard minn 30 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.
Artikolu 4
Rappreżentanza
1. F'każ li l-membri tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ma jkunux jistgħu jattendu, jkunu jistgħu jiġu rrappreżentati. Jekk membru jkun jixtieq jiġi rrappreżentat, għandu jinnotifika lill-Presidenza tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bil-miktub bl-isem tar-rappreżentant tiegħu qabel ma tibda l-laqgħa li fiha l-membru jkun se jiġi rrappreżentat.
2. Ir-rappreżentant ta' membru tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta' dak il-membru.
Artikolu 5
Delegazzjonijiet
1. Il-membri tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-Presidenza tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha tiġi infurmata, permezz tas-Segretarjat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni ta' kull Parti.
2. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista', bi qbil bejn il-Partijiet, jistieden rappreżentanti ta' korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti fil-qasam biex jattendu għal-laqgħat tiegħu bħala osservaturi jew sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. Il-Partijiet għandhom jaqblu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li taħthom dawk l-osservaturi jkunu jistgħu jattendu l-laqgħat.
Artikolu 6
Segretarjat
Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tal-Ukraina għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.
Artikolu 7
Korrispondenza
1. Il-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha tintbagħat lis-Segretarju jew tal-Unjoni jew tal-Ukraina, li min-naħa tagħhom jgħarrfu lis-Segretarju l-ieħor.
2. Is-Segretarji tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandhom jiżguraw li l-korrispondenza tiġi trażmessa lill-Presidenza tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u, skont il-każ, iċċirkolata lill-membri tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.
3. Il-korrispondenza ċċirkolata b'dan il-mod għandha tintbagħat, skont il-każ, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri għall-Unjoni Ewropea u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-Missjoni tal-Ukraina għall-Unjoni Ewropea.
4. Il-komunikazzjonijiet mill-President għandhom jintbagħtu lid-destinatarji mis-Segretarjati f'isem il-President tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Tali komunikazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati, skont il-każ, lill-membri tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni kif previst fil-paragrafu 3.
Artikolu 8
Kunfidenzjalità
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ma jkunux pubbliċi. Meta Parti tippreżenta informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.
Artikolu 9
Aġendi għal-laqgħat
1. Il-Presidenza tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha tfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Din għandha tintbagħat mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7 mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-laqgħa.
2. L-aġenda provviżorja tinkludi dawk il-punti li fir-rigward tagħhom il-President ikun irċieva talba għall-inklużjoni tagħhom fl-aġenda sa mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa. Dawn il-punti ma jinkitbux fl-aġenda provviżorja sakemm id-dokumenti ta' sostenn rilevanti ma jkunux intbagħtu lis-Segretarji qabel id-data li fiha tintbagħat l-aġenda.
3. L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt ieħor apparti dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan.
4. Il-President jista', b'konsultazzjoni mal-Partijiet, iqassar il-limiti ta' żmien speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex iqis il-ħtiġijiet ta' każ partikolari.
Artikolu 10
Minuti
1. Għandu jitħejja abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa b'mod konġunt miż-żewġ Segretarji tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.
2. Bħala regola ġenerali, il-minuti għandhom jindikaw dawn li ġejjin fir-rigward ta' kull punt fuq l-aġenda:
|
(a) |
id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni; |
|
(b) |
kwalunkwe dikjarazzjoni li membru tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jkun talab li tiddaħħal fil-minuti, u |
|
(c) |
kwistjonijiet li dwarhom ikun intlaħaq qbil bejn il-Partijiet, bħal deċiżjonijiet adottati, id-dikjarazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom u kull konklużjoni. |
3. L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu japprova dak l-abbozz tal-minuti fil-laqgħa tiegħu li jmiss. Alternattivament, dak l-abbozz ta' minuti jista' jiġi approvat bil-miktub.
Artikolu 11
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet u mat-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi.
2. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jieħu wkoll deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan. Għal dan il-għan, it-test tal-proposta għandu jiġi ċċirkolat bil-miktub mill-President tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-membri tiegħu skont l-Artikolu 7, b'limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn 21 jum kalendarju li fih il-membri għandhom jgħarrfu r-riżervi jew l-emendi li jixtiequ jagħmlu. Il-Presidenza tista' tqassar il-limitu ta' żmien imsemmi sabiex jittieħed kont tal-ħtiġijiet ta' xi każ partikolari, b'konsultazzjoni mal-Partijiet.
3. L-atti tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, fit-tifsira tal-Artikolu 463(1) tal-Ftehim, għandhom ikunu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament, segwiti b'numru ta' serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b'deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Dawk id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-Presidenza u awtentikati mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Dawk id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura. Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.
4. Kull deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha sakemm id-deċiżjoni ma tipprovdix mod ieħor.
Artikolu 12
Lingwi
1. Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet.
2. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mħejjija f'dawk il-lingwi.
Artikolu 13
Spejjeż
1. Kull Parti għandha tkopri l-ispejjeż li hija tagħmel bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta' sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż ta' posta u telekomunikazzjoni.
2. In-nefqa li għandha x'taqsam mas-servizzi ta' interpretazzjoni fil-laqgħat, traduzzjoni u riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Unjoni. F'każ li l-Ukraina teħtieġ interpretazzjoni jew traduzzjoni għal jew minn lingwi oħra barra dawk previsti fl-Artikolu 12, l-ispejjeż relatati magħhom għandhom jitħallsu mill-Ukraina.
3. L-ispejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti li tospita l-laqgħat.
Artikolu 14
Kumitat ta' Assoċjazzjoni
1. Skont l-Artikolu 464(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jkun megħjun fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandhu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, fil-prinċipju f'livell ta' uffiċjal pubbliku anzjan.
2. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fejn xieraq u jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta' assoċjazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim b'mod ġenerali. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jqis kull kwistjoni li titressaq quddiemu mingħand il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni kif ukoll kull kwistjoni li tista' tinqala' matul l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta' deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għal approvazzjoni lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Skont l-Artikolu 465(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddelega s-setgħa deċiżjonali lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.
3. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li għalihom huwa ġie awtorizzat taħt il-Ftehim.
4. F'każijiet fejn il-Ftehim jirriferi għal obbligu ta' konsultazzjoni jew possibbiltà ta' konsultazzjoni jew fejn il-Partijiet jiddeċiedu bi ftehim komuni li jikkonsultaw lil xulxin, tali konsultazzjoni tista' ssir fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, ħlief fejn previst mod ieħor fil-Ftehim. Il-konsultazzjoni tista' tkompli fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.
Artikolu 15
L-emendament tar-Regoli ta' Proċedura
Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati skont l-Artikolu 11.
ANNESS II
REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT TA' ASSOĊJAZZJONI U TA' SOTTOKUMITATI
Artikolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, stabbilit skont l-Artikolu 464(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), għandu jgħin lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu u jwettaq il-kompiti stipulati fil-Ftehim u assenjati lilu mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Skont l-Artikolu 465(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jiddetermina fir-Regoli ta' Proċedura tiegħu d-dmirijiet u l-funzjonament tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.
2. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fejn xieraq u jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta' assoċjazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim b'mod ġenerali. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jqis kull kwistjoni li titressaq quddiemu mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni kif ukoll kull kwistjoni li tista' tinqala' matul l-implimentazzjoni ta' kuljum tal-Ftehim. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jippreżenta proposti jew abbozzi ta' deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.
3. Kif previst fl-Artikolu 464(2) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, fil-prinċipju f'livell ta' uffiċjal pubbliku anzjan, li jkunu responsabbli għall-kwistjonijiet speċifiċi li jridu jiġu indirizzati f'kull laqgħa partikolari.
4. Skont l-Artikolu 465(4) tal-Ftehim, meta l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stabbilit fl-Artikolu 465(4) tal-Ftehim (“il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ”), iwettaq il-kompiti mogħtija lilu taħt it-Titolu IV tal-Ftehim, huwa għandu jkun kompost minn uffiċjali anzjani tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Ukraina li jkunu responsabbli għall-kummerċ u għal kwistjonijiet relatati mal-kummerċ. Rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-Ukraina li jkunu responsabbli għall-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ jaġixxi bħala President tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ skont l-Artikolu 2 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura. Fil-laqgħat jattendi wkoll rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
5. Kif previst fl-Artikolu 465(3) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jkollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim u f'oqsma li fihom il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jkun iddelega setgħat lilu. Dawk id-deċiżjonijiet huma vinkolanti għall-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jimplimentawhom. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi għall-adozzjoni tagħhom.
6. Il-Partijiet f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura għandhom ikunu definiti kif previst fl-Artikolu 482 tal-Ftehim.
Artikolu 2
Presidenza
Il-Partijiet għandhom iżommu l-presidenza tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, fuq bażi ta' alternanza, għal perjodi ta' 12-il xahar. L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.
Artikolu 3
Laqgħat
1. Ħlief fejn ikun miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jiltaqa' b'mod regolari, minn tal-inqas darba fis-sena. Jistgħu jsiru sessjonijiet speċjali tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan.
2. Kull laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandha tissejjaħ mill-Presidenza tagħha f'post u fi żmien li dwarhom ikun hemm qbil bejn il-Partijiet. L-avviż li jsejjaħ il-laqgħa għandu jinħareġ mis-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni mhux aktar tard minn 28 jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.
3. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ għandu jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena u meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan. Kull laqgħa għandha tissejjaħ mill-President tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ f'post, f'data u bil-mezzi li dwarhom ikun hemm qbil bejn il-Partijiet. L-avviż li jsejjaħ il-laqgħa għandu jinħareġ mis-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.
4. Kull fejn possibbli, il-laqgħa regolari tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandha tissejjaħ fi żmien xieraq qabel il-laqgħa regolari tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.
5. B'mod eċċezzjonali u jekk jaqblu dwar dan il-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jistgħu jsiru permezz ta' kwalunkwe mezz teknoloġiku li jintlaħaq qbil dwaru, bħal vidjokonferenza.
Artikolu 4
Delegazzjonijiet
Qabel kull laqgħa, il-Partijiet għandhom jiġu infurmati, permezz tas-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, bil-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet li jkunu se jattendu l-laqgħa fuq iż-żewġ naħat.
Artikolu 5
Segretarjat
1. Uffiċjal tal-Unjoni u uffiċjal tal-Ukraina għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u jwettqu kompiti segretarjali b'mod konġunt sakemm dawn ir-Regoli ta' Proċedura ma jipprovdux mod ieħor, fi spirtu ta' fiduċja reċiproka u kooperazzjoni.
2. Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Ukraina li jkollhom ir-responsabbiltà għal kwistjonijiet kummerċjali u relatati mal-kummerċ għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.
Artikolu 6
Korrispondenza
1. Il-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandha tintbagħat lis-Segretarju tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet, li min-naħa tiegħu jgħarraf lis-Segretarju l-ieħor.
2. Is-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni tingħata lill-President tal-Kumitat u tiġi ċċirkolata, skont il-każ, bħala dokumenti msemmija fl-Artikolu 7.
3. Il-korrispondenza mill-President għandha tintbagħat lill-Partijiet mis-Segretarjat f'isem il-President. Din il-korrispondenza għandha tiġi ċċirkolata, skont il-każ, kif previst fl-Artikolu 7.
Artikolu 7
Dokumenti
1. Id-dokumenti għandhom jiġu ċċirkolati permezz tas-Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.
2. Parti għandha tibgħat id-dokumenti tagħha lis-Segretarju tagħha. Is-Segretarju għandu jibgħat dawn id-dokumenti lis-Segretarju tal-Parti l-oħra.
3. Is-Segretarju tal-Unjoni għandu jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tal-Unjoni u jikkopja sistematikament lis-Segretarju tal-Ukraina f'din il-korrispondenza.
4. Is-Segretarju tal-Ukraina għandu jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tal-Ukraina u għandu jikkopja sistematikament lis-Segretarju tal-Unjoni f'tali korrispondenza.
Artikolu 8
Kunfidenzjalità
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni ma għandhomx ikunu pubbliċi. Meta Parti tippreżenta informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, il-Parti l-oħra għanda tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.
Artikolu 9
Aġendi għal-laqgħat
1. Għandha titfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni kif ukoll abbozz tal-konklużjonijiet operattivi kif stipulat fl-Artikolu 10 mis-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni abbażi tal-proposti li jsiru mill-Partijiet. L-aġenda provviżorja tkun tinkludi punti li s-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jkun irċieva talba għall-inklużjoni tagħhom fl-aġenda mingħand Parti, sostnuti mid-dokumenti rilevanti, mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.
2. L-aġenda provviżorja, flimkien mad-dokumenti rilevanti, għandha tiġi ċċirkolata kif previst fl-Artikolu 7 mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-bidu tal-laqgħa.
3. L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Punti minbarra dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan.
4. Il-President tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista', bil-qbil tal-Parti l-oħra, jistieden rappreżentanti ta' korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti f'suġġett fuq bażi ad hoc biex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti speċifiċi. Il-Partijiet jiżguraw li dawn l-osservaturi jew esperti jirrispettaw kull rekwiżit ta' kunfidenzjalità.
5. Il-President tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista', b'konsultazzjoni mal-Partijiet, iqassar il-limiti ta' żmien previsti fil-paragrafi 1 u 2 biex jieħu kont ta' ċirkostanzi speċjali.
Artikolu 10
Minuti u konklużjonijiet operattivi
1. Għandu jitħejja abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni b'mod konġunt miż-żewġ Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.
2. Bħala regola ġenerali, il-minuti għandhom jindikaw dawn li ġejjin fir-rigward ta' kull punt fuq l-aġenda:
|
(a) |
lista tal-parteċipanti fil-laqgħa, lista ta' uffiċjali li jakkumpanjawhom u lista ta' kull osservatur jew espert li jattendi l-laqgħa; |
|
(b) |
id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni; |
|
(c) |
id-dikjarazzjonijiet li l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jkun talab li jiddaħħlu fil-minuti; u |
|
(d) |
konklużjonijiet operattivi mil-laqgħa, kif previst fil-paragrafu 4. |
3. L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu japprova dak l-abbozz tal-minuti fil-laqgħa tiegħu li jmiss. Alternattivament, dak l-abbozz tal-minuti jista' jiġi approvat bil-miktub. L-abbozz tal-minuti tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ għandu jiġi approvat fi żmien 28 jum kalendarju minn kull laqgħa. Għandha tintbagħat kopja lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7.
4. Abbozz tal-konklużjonijiet operattivi ta' kull laqgħa għandu jitfassal mis-Segretarju tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni tal-Parti li jkollha l-presidenza tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, u għandu jiġi ċċirkolat lill-Partijiet flimkien mal-aġenda, normalment mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel id-data tal-bidu tal-laqgħa. Dan l-abbozz għandu jiġi aġġornat matul il-laqgħa sabiex fi tmiem il-laqgħa, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jadotta l-konklużjonijiet operattivi, li jirriflettu l-azzjonijiet ta' segwitu li kien hemm qbil dwarhom mill-Partijiet. Ladarba jkun hemm qbil dwarhom, il-konklużjonijiet operattivi għandhom ikunu mehmużin mal-minuti u l-implimentazzjoni tagħhom għandha tiġi eżaminata mill-ġdid waqt kull laqgħa sussegwenti tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni. Għal dan il-għan il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jadotta mudell, li jippermetti li kull punt ta' azzjoni jiġi identifikat fi skadenza speċifika.
Artikolu 11
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1. F'każijiet speċifiċi fejn il-Ftehim jagħti s-setgħa lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni li jieħu deċiżjonijiet jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jieħu deċiżjonijiet. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom isiru bi qbil reċiproku bejn il-Partijiet u meta jitlestew il-proċeduri interni rispettivi. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-President tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u awtentikata mis-Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.
2. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan. Il-proċedura bil-miktub tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn is-Segretarji, li jaġixxu bi ftehim mal-Partijiet. Għal dak il-għan, it-test tal-proposta għandu jiġi ċċirkolat skont l-Artikolu 7, b'limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn 21 jum kalendarju li fih kull riżerva jew emenda trid tiġi mgħarrfa. Il-President jista' jqassar il-perjodi ta' żmien speċifikati f'dan il-paragrafu biex jieħu kont ta' ċirkostanzi speċjali, b'konsultazzjoni mal-Partijiet. Ladarba jintlaħaq qbil dwar it-test, id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-President u awtentikata mis-Segretarji.
3. L-atti tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandhom jiġu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament. Kull deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha sakemm id-deċiżjoni ma tipprovdix mod ieħor.
4. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati lill-Partijiet.
5. Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.
Artikolu 12
Rapporti
Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jirrapporta lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu u dawk tas-sottokumitati, tal-gruppi ta' ħidma u tal-korpi l-oħra tiegħu f'kull laqgħa regolari tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.
Artikolu 13
Lingwi
1. Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet.
2. Il-lingwi ta' ħidma tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandhom ikunu l-Ingliż u l-Ukrainjan. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mħejjija f'dawk il-lingwi.
Artikolu 14
Spejjeż
1. Kull Parti għandha tkopri l-ispejjeż li hija tagħmel bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta' sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż ta' posta u telekomunikazzjoni.
2. L-ispejjeż marbutin mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
3. L-ispejjeż marbutin ma' servizzi ta' interpretazzjoni fil-laqgħat, u t-traduzzjoni ta' dokumenti għal jew mill-Ingliż u l-Ukrainjan kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
L-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għal jew minn lingwi oħra għandhom jitħallsu direttament mill-Parti li tagħmel it-talba.
4. F'każijiet fejn tkun meħtieġa t-traduzzjoni ta' dokumenti bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, in-nefqa għandha titħallas mill-Unjoni.
Artikolu 15
L-emendament tar-Regoli ta' Proċedura
Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati b'deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 465(1) tal-Ftehim.
Artikolu 16
Sottokumitati, kumitati jew korpi speċjali
1. Skont l-Artikolu 466(1) u (3) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe sottokumitat f'oqsma speċifiċi neċessarju għall-implimentazzjoni tal-Ftehim minbarra dawk li hemm previsti fil-Ftehim, sabiex jgħin lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fit-twettiq ta' dmirijietu. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jabolixxi tali sottokumitat u jiddefinixxi jew jemenda r-regoli ta' proċedura tiegħu. Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, kwalunkwe tali sottokumitat għandu jaħdem taħt l-awtorità tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, li lilu għandu jirrapporta wara kull laqgħa.
2. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Ftehim jew miftiehem fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, dawn ir-Regoli ta' Proċeduri għandhom jiġu applikati mutatis mutandis għal kull sottokumitat kif imsemmi fil-paragrafu 1.
3. Il-laqgħat tas-sottokumitati jistgħu jinżammu b'mod flessibbli skont il-bżonn, personalment, fi Brussell jew fl-Ukraina jew pereżempju permezz ta' vidjokonferenza. Is-sottokumitati għandhom iservu bħala pjattaforma biex jiġi sorveljat il-progress dwar l-approssimazzjoni f'oqsma speċifiċi, biex jiġu diskussi ċerti kwistjonijiet u sfidi li jirriżultaw minn dak il-proċess u biex jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet operattivi.
4. Is-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jirċievi kopja tal-korrespondenza, dokumenti u komunikazzjonijiet rilevanti kollha li jikkonċernaw sottokumitat, kumitat jew korp speċjali.
5. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-Ftehim jew miftiehem mill-Partijiet fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, kwalunkwe sottokumitat, kumitat jew korp speċjali għandu jkollu biss is-setgħa li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.
Artikolu 17
Dawn ir-Regoli ta' Proċedura għandhom japplikaw mutandis mutatis għall-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, sakemm ma jkunx previst mod ieħor.