Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0606

Regolament (UE) 2023/606 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/760 fir-rigward tar-rekwiżiti li jappartjenu għall-politiki ta’ investiment u l-kundizzjonijiet operattivi tal-fondi ta’ investiment Ewropej fuq terminu twil u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-assi ta’ investiment eliġibbli, ir-rekwiżiti ta’ kompożizzjoni u ta’ diversifikazzjoni tal-portafoll u s-self ta’ flus kontanti u regoli oħra dwar il-fondi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/69/2022/REV/1

ĠU L 80, 20.3.2023, p. 1–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/606/oj

20.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/1


REGOLAMENT (UE) 2023/606 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Marzu 2023

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/760 fir-rigward tar-rekwiżiti li jappartjenu għall-politiki ta’ investiment u l-kundizzjonijiet operattivi tal-fondi ta’ investiment Ewropej fuq terminu twil u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-assi ta’ investiment eliġibbli, ir-rekwiżiti ta’ kompożizzjoni u ta’ diversifikazzjoni tal-portafoll u s-self ta’ flus kontanti u regoli oħra dwar il-fondi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Minn mindu ġie adottat ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ġew awtorizzati biss ftit fondi Ewropej tal-investiment fuq terminu twil (ELTIFs). Id-daqs aggregat tal-assi netti ta’ dawk il-fondi kien stmat għal madwar EUR 2 400 000 000 fl-2021.

(2)

Id-data tas-suq disponibbli tindika li l-iżvilupp tas-segment tal-ELTIF ma żdiedx kif mistenni, minkejja l-enfasi tal-Unjoni fuq il-promozzjoni ta’ finanzjament fit-tul fl-Unjoni.

(3)

Ċerti karatteristiċi tas-suq tal-ELTIFs, inkluż l-għadd baxx ta’ fondi, id-daqs żgħir tal-assi netti, l-għadd baxx ta’ ġuriżdizzjonijiet li fihom huma domiċiljati l-ELTIFs, u kompożizzjoni tal-portafoll li hija distorta lejn ċerti kategoriji ta’ investiment eliġibbli, juru n-natura kkonċentrata ta’ dak is-suq, kemm ġeografikament kif ukoll f’termini tat-tip ta’ investiment. Barra minn hekk, jidher li hemm nuqqas ta’ għarfien u litteriżmu finanzjarju, kif ukoll, l-aktar importanti, livelli baxxi ta’ fiduċja u affidabbiltà fir-rigward tal-industrija finanzjarja, li jeħtieġ li jingħelbu sabiex l-ELTIFs isiru aktar aċċessibbli u popolari fost l-investituri fil-livell tal-konsumatur. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi rieżaminat il-funzjonament tal-qafas legali għat-tħaddim tal-ELTIFs sabiex jiġi żgurat li aktar investimenti jiġu mgħoddija lil negozji li jeħtieġu kapital u għal proġetti ta’ investiment ta’ terminu twil.

(4)

Fil-preżent, l-objettiv tar-Regolament (UE) 2015/760 huwa li jgħaddi l-kapital lejn l-investimenti fit-tul Ewropej fl-ekonomija reali tal-Unjoni. B’riżultat ta’ dan, jista’ jiġri li maġġoranza tal-assi u investimenti tal-ELTIFs, jew il-ġenerazzjoni tad-dħul jew il-profitt prinċipali ta’ tali assi u investimenti jkunu jinsabu fl-Unjoni. Madankollu, l-investimenti ta’ terminu twil fi proġetti, impriżi u proġetti infrastrutturali f’pajjiżi terzi jistgħu jġibu wkoll kapital għall-ELTIFs u jkunu ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-Unjoni. Tali benefiċċji jistgħu joriġinaw b’diversi modi, inkluż permezz ta’ investimenti li jippromwovu l-iżvilupp ta’ reġjuni tal-fruntieri, li jtejbu l-kooperazzjoni kummerċjali, finanzjarja u teknoloġika u li jiffaċilitaw l-investimenti fi proġetti ambjentali u tal-enerġija sostenibbli. Tabilħaqq, ċerti assi u investimenti fit-tul li jibbenefikaw l-ekonomija reali tal-Unjoni inevitabbilment se jkunu jinsabu f’pajjiżi terzi, bħal kejbils tal-fibra ottika ta’ taħt il-baħar li jgħaqqdu l-Ewropa ma’ kontinenti oħrajn, jew il-kostruzzjoni ta’ terminals tal-gass naturali likwifikat u l-infrastruttura relatata, jew investimenti transfruntiera f’installazzjonijiet u faċilitajiet tal-enerġija rinnovabbli li jikkontribwixxu għar-reżiljenza tal-grilja elettrika u għas-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni. Billi l-investimenti f’impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u assi eliġibbli ta’ pajjiżi terzi jistgħu jġibu benefiċċji għall-investituri u għall-maniġers tal-ELTIFs, kif ukoll għall-ekonomiji, għall-infrastruttura, għas-sostenibbiltà klimatika u ambjentali u għaċ-ċittadini ta’ tali pajjiżi terzi, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2015/760 ma jipprevjenix li l-maġġoranza tal-assi u l-investimenti tal-ELTIF, jew il-ġenerazzjoni tad-dħul jew il-profitt prinċipali ta’ tali assi u investimenti jkunu jinsabu f’pajjiż terz.

(5)

Konsegwentement, u filwaqt li jitqies ukoll il-potenzjal tal-ELTIFs li jiffaċilitaw l-investimenti fit-tul, fost l-oħrajn, fl-enerġija, fit-trasport u fl-infrastruttura soċjali, u fil-ħolqien tal-impjiegi, u biex jikkontribwixxu għall-kisba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2015/760 jiġi emendat sabiex l-objettiv tiegħu jkun li jiffaċilita ż-żieda u d-direzzjoni tal-kapital lejn investimenti fit-tul fl-ekonomija reali, inkluż lejn investimenti li jippromwovu l-Patt Ekoloġiku Ewropew u oqsma oħrajn ta’ prijorità, u li jiżgura li l-flussi kapitali jkunu diretti lejn proġetti li jpoġġu lill-ekonomija tal-Unjoni fit-triq lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

(6)

Huwa meħtieġ li tissaħħaħ il-flessibbiltà tal-maniġers tal-assi fl-investiment f’kategoriji wesgħin ta’ assi reali. Għalhekk, jenħtieġ li l-assi reali jitqiesu li jifformaw kategorija ta’ assi eliġibbli, dment li dawk l-assi reali jkollhom valur minħabba n-natura jew is-sustanza tagħhom. Tali assi reali jinkludu l-beni immobbli, bħall-komunikazzjoni, l-ambjent, l-infrastruttura tal-enerġija jew tat-trasport, l-infrastruttura soċjali, inklużi djar tal-irtirar jew sptarijiet, kif ukoll l-infrastruttura għall-edukazzjoni, is-saħħa u l-appoġġ soċjali jew faċilitajiet industrijali, installazzjonijiet, u assi oħrajn, inklużi l-proprjetà intellettwali, il-bastimenti, it-tagħmir, il-makkinarju, l-inġenji tal-ajru jew il-vetturi ferrovjarji.

(7)

L-investimenti fi proprjetà kummerċjali, f’faċilitajiet jew installazzjonijiet għall-edukazzjoni, il-konsulenza, ir-riċerka, l-iżvilupp, inkluża l-infrastruttura u assi oħrajn li jwasslu għal benefiċċju ekonomiku jew soċjali, l-isport, jew l-akkomodazzjoni, inkluża l-akkomodazzjoni għar-residenti anzjani jew akkomodazzjoni soċjali, jenħtieġ li jitqiesu wkoll bħala investimenti eliġibbli f’assi reali minħabba l-kapaċità ta’ tali assi li jikkontribwixxu għall-objettiv ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Sabiex ikun possibbli t-twettiq ta’ strateġiji ta’ investiment f’oqsma fejn l-investimenti diretti f’assi reali ma humiex possibbli jew ekonomiċi, l-investimenti eliġibbli f’assi reali jenħtieġ li jinkludu wkoll investimenti fid-drittijiet tal-ilma, fid-drittijiet tal-foresti, fid-drittijiet tal-bini u fid-drittijiet tal-minerali.

(8)

L-assi ta’ investiment eliġibbli jenħtieġ li jinftiehmu li jeskludu xogħlijiet tal-arti, manuskritti, stokks tal-inbid, ġojjellerija jew assi oħrajn, li fihom infushom ma jirrappreżentawx investimenti fit-tul fl-ekonomija reali.

(9)

Huwa meħtieġ li tiżdied l-attraenza tal-ELTIFs għall-maniġers tal-assi u li titwessa’ l-firxa ta’ strateġiji ta’ investiment disponibbli għall-maniġers tal-ELTIFs sabiex tiġi evitata kwalunkwe limitazzjoni bla bżonn tal-firxa tal-eliġibbiltà tal-assi u tal-attivitajiet ta’ investiment tal-ELTIFs. Jenħtieġ li l-eliġibbiltà tal-assi reali ma tiddependix fuq in-natura u l-objettivi tagħhom, jew fuq divulgazzjonijiet u kundizzjonijiet simili ambjentali, soċjali u ta’ governanza, li huma diġà koperti mir-Regolamenti (UE) 2019/2088 (4) u (UE) 2020/852 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Madankollu, l-ELTIFs jibqgħu soġġetti għall-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2019/2088 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà. B’mod partikolari, meta l-ELTIFs jew jippromwovu karatteristiċi ambjentali jew soċjali jew inkella jkollhom l-investiment sostenibbli bħala l-objettiv tagħhom, dawn għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 8 jew 9 tar-Regolament (UE) 2019/2088, kif applikabbli, li kull wieħed minnhom fih rekwiżiti dettaljati ta’ trasparenza għad-divulgazzjonijiet prekuntrattwali.

(10)

Sabiex jiġu mħeġġa l-flussi ta’ kapital privat lejn investimenti aktar ambjentalment sostenibbli, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-ELTIFs jistgħu jinvestu wkoll f’bonds ekoloġiċi. Fl-istess waqt, jenħtieġ li jiġi żgurat ukoll li l-ELTIFs jimmiraw lejn investimenti ta’ terminu twil u li r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2015/760 dwar l-assi ta’ investiment eliġibbli jiġu osservati. Għalhekk, il-bonds ekoloġiċi li jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà u li jinħarġu skont Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bonds ekoloġiċi Ewropej jenħtieġ li jiġu inklużi b’mod espliċitu fil-lista ta’ assi ta’ investiment eliġibbli.

(11)

Sabiex jittejjeb l-aċċess tal-investituri għal informazzjoni aktar aġġornata u kompluta dwar is-suq tal-ELTIFs, huwa meħtieġ li jiżdiedu l-granularità u l-puntwalità tar-reġistru pubbliku ċentrali previsti fir-Regolament (UE) 2015/760. Għalhekk, jenħtieġ li dak ir-reġistru jkun fih informazzjoni addizzjonali għall-informazzjoni li jkun fih diġà, inklużi, fejn disponibbli, l-Identifikatur ta’ Entità Ġuridika (LEI) u l-identifikatur tal-kodiċi nazzjonali tal-ELTIF, l-isem, l-indirizz u l-LEI tal-maniġer tal-ELTIF, in-Numri Internazzjonali għall-Identifikazzjoni tat-Titoli (il-kodiċi ISIN) tal-ELTIF u ta’ kull klassi separata ta’ unità jew sehem, l-awtorità kompetenti tal-ELTIF u l-Istat Membru domiċiljari ta’ dak l-ELTIF, l-Istati Membri fejn jiġi kkummerċjalizzat l-ELTIF, jekk l-ELTIF jistax jiġi kkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur jew biss lil investituri professjonali, id-data tal-awtorizzazzjoni tal-ELTIF, u d-data li fiha tkun bdiet il-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIF.

(12)

L-investimenti mill-ELTIFs jistgħu jitwettqu permezz tal-parteċipazzjoni ta’ entitajiet intermedjarji, inklużi entitajiet bi skop speċjali u entitajiet ta’ titolizzazzjoni jew aggregaturi jew kumpaniji azzjonarji. Fil-preżent, ir-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi li l-investimenti fi strumenti ta’ ekwità jew kważi ekwità tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti jistgħu jseħħu biss meta dawk l-impriżi jkunu sussidjarji bi sjieda maġġoritarja, li jillimita sostanzjalment l-ambitu tal-bażi tal-assi eliġibbli. Għalhekk, jenħtieġ li l-ELTIFs, b’mod ġenerali, ikollhom il-possibbiltà li jwettqu koinvestiment minoritarju f’opportunitajiet ta’ investiment. Dik il-possibbiltà jenħtieġ li tagħti lill-ELTIFs flessibbiltà addizzjonali biex jimplimentaw l-istrateġiji ta’ investiment tagħhom, jattiraw aktar promoturi ta’ proġetti ta’ investiment u jwessgħu l-firxa tal-assi fil-mira eliġibbli possibbli, li kollha huma essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ investiment indirett.

(13)

Minħabba tħassib li l-istrateġiji tal-fond ta’ fondi jistgħu jwasslu għal investimenti li ma jaqgħux fil-firxa tal-assi ta’ investiment eliġibbli, ir-Regolament (UE) 2015/760 fil-preżent fih restrizzjonijiet fuq l-investimenti f’fondi oħrajn matul il-ħajja kollha tal-ELTIF. Madankollu, l-istrateġiji tal-fond ta’ fondi huma mod komuni u effettiv ħafna kif tinkiseb skopertura rapida għal assi illikwidi, b’mod partikolari fir-rigward tal-proprjetà immobbli u fil-kuntest ta’ strutturi ta’ kapital imħallas totalment. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-ELTIFs jingħataw il-possibbiltà li jinvestu f’fondi oħrajn, sabiex ikunu jistgħu jiżguraw li l-kapital jiġi utilizzat b’aktar ħeffa. L-iffaċilitar tal-investimenti tal-fond ta’ fondi mill-ELTIFs jippermetti wkoll l-investiment mill-ġdid ta’ flus kontanti żejda f’fondi, minħabba li investimenti differenti b’maturitajiet distinti jistgħu jbaxxu ż-żamma ta’ porzjon ta’ portafoll fi flus kontanti ta’ ELTIF. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-eliġibbiltà tal-istrateġiji tal-fond ta’ fondi tiġi estiża għall-maniġers tal-ELTIF lil hinn mill-investimenti f’fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (EuVECAs) jew f’fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (EuSEFs). B’hekk, jenħtieġ li l-kategoriji tal-impriżi ta’ investiment kollettiv li fihom jistgħu jinvestu l-ELTIFs titwessa’ sabiex tinkludi impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u wkoll fondi ta’ investiment alternattivi tal-UE (AIFs tal-UE) ġestiti mill-maniġers tal-AIF tal-UE (AIFMs tal-UE). Madankollu, sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-investituri, huwa meħtieġ ukoll li jiġi previst li meta ELTIF jinvesti f’ELTIFs oħrajn, f’EuVECAs, f’EuSEFs, fl-UCITS jew fl-AIFs tal-UE ġestiti mill-AIFMs tal-UE, jenħtieġ li dawk l-impriżi ta’ investiment kollettiv jinvestu wkoll f’investimenti eliġibbli u ma jkunux huma stess investew aktar minn 10 % tal-kapital tagħhom fi kwalunkwe impriża ta’ investiment kollettiv oħra. Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni ta’ dawk ir-regoli u biex jiġi żgurat li l-ELTIFs jikkonformaw fuq bażi ta’ portafoll aggregat mar-Regolament (UE) 2015/760, l-assi u l-pożizzjoni ta’ teħid ta’ self ta’ flus tal-ELTIF jenħtieġ li jiġu kkombinati ma’ dawk tal-impriżi ta’ investiment kollettiv li fihom l-ELTIFs ikunu investew sabiex tiġi vvalutata l-konformità tal-ELTIFs mar-rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni u d-diversifikazzjoni tal-portafoll, u mal-limiti ta’ teħid ta’ self.

(14)

Attwalment, ir-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi li l-assi ta’ investiment eliġibbli, fejn dawk l-assi jkunu assi reali individwali, ikollhom valur ta’ mill-inqas EUR 10 000 000. Madankollu, il-portafolli tal-assi reali spiss ikunu magħmula minn għadd ta’ assi reali individwali li jkollhom valur li jkun sinifikattivament inqas minn EUR 10 000 000. Ir-rekwiżit għal valur minimu ta’ assi reali individwali jenħtieġ li għalhekk jitneħħa. Huwa mistenni li t-tneħħija ta’ dak ir-rekwiżit mhux meħtieġ se tikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-portafolli ta’ investiment u tagħti spinta lill-investimenti aktar effettivi f’assi reali mill-ELTIFs, filwaqt li tippermetti wkoll li jitqiesu livelli differenti ta’ żvilupp ta’ strumenti ta’ investiment fit-tul fl-Istati Membri.

(15)

Huwa meħtieġ li jiġi estiż l-ambitu tal-assi tal-investiment eliġibbli u li jiġu promossi l-investimenti tal-ELTIFs f’assi titolizzati. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat li, fejn l-assi sottostanti jkunu jikkonsistu minn skoperturi ta’ terminu twil, jenħtieġ li l-assi ta’ investiment eliġibbli jkunu jinkludu wkoll titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati, kif imsemmi fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Dawk l-iskoperturi ta’ terminu twil jinkludu titolizzazzjonijiet ta’ self residenzjali li huma garantiti b’ipoteka waħda jew aktar fuq beni immobbli residenzjali (titoli abbażi ta’ ipoteka residenzjali), self kummerċjali li huwa garantit b’ipoteka waħda jew aktar fuq proprjetà immobbli kummerċjali, self korporattiv, inkluż self li jingħata lil intrapriżi żgħar u medji, u riċevibbli tan-negozju jew skoperturi sottostanti oħrajn li l-oriġinatur iqis li jifformaw tip ta’ assi distint, dment li r-rikavati mit-titolizzazzjoni ta’ dawk ir-riċevibbli tan-negozju jew skoperturi sottostanti oħrajn jintużaw għall-finanzjament jew għar-rifinanzjament ta’ investimenti ta’ terminu twil.

(16)

Attwalment, ir-Regolament (UE) 2015/760 jipprevjeni li jsiru investimenti mill-ELTIFs f’istituzzjonijiet ta’ kreditu, ditti ta’ investiment, impriżi tal-assigurazzjoni u impriżi finanzjarji oħrajn. Madankollu, impriżi finanzjarji innovattivi li ġew awtorizzati riċentement, bħall-FinTechs, jistgħu jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni tal-innovazzjoni diġitali, l-effiċjenza ġenerali tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u l-ħolqien tal-impjiegi, u billi jikkontribwixxu għar-reżiljenza u l-istabbiltà tal-infrastruttura finanzjarja tal-Unjoni u tal-unjoni tas-swieq kapitali. Tali impriżi finanzjarji jfasslu, jiżviluppaw jew joffru prodotti jew teknoloġiji innovattivi li għandhom l-għan li jawtomatizzaw jew itejbu mudelli kummerċjali, proċessi, applikazzjonijiet u prodotti eżistenti, jew jirriżultaw f’oħrajn ġodda, u b’hekk ikunu ta’ benefiċċju għas-swieq finanzjarji tal-Unjoni, għall-istituzzjonijiet finanzjarji u għall-forniment ta’ servizzi finanzjarji lill-istituzzjonijiet finanzjarji, lin-negozji jew lill-konsumaturi. Tali impriżi finanzjarji jagħmlu wkoll proċessi regolatorji, superviżorji jew ta’ sorveljanza speċifiċi aktar effiċjenti u effettivi, jew jimmodernizzaw funzjonijiet ta’ konformità regolatorja, superviżorja jew ta’ sorveljanza fl-istituzzjonijiet finanzjarji jew mhux finanzjarji. Għalhekk huwa mixtieq li r-Regolament (UE) 2015/760 jiġi emendat sabiex l-ELTIFs ikunu jistgħu jinvestu f’impriżi finanzjarji innovattivi li reċentement ġew awtorizzati. Peress li l-qasam huwa dinamiku u qed jevolvi malajr, l-ELTIFs jenħtieġ li jitħallew jinvestu f’impriżi finanzjarji, għajr kumpaniji azzjonarji finanzjarji jew kumpaniji azzjonarji b’attività mħallta, li jkunu entitajiet regolati awtorizzati jew irreġistrati aktar reċentement minn ħames snin qabel id-data tal-investiment inizjali.

(17)

Attwalment, ir-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi li l-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti, fejn dawk l-impriżi kwalifikanti jkunu ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’faċilità multilaterali tan-negozjar, ikollhom kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ mhux aktar minn EUR 500 000 000. Madankollu, ħafna kumpaniji elenkati b’kapitalizzazzjoni tas-suq baxxa għandhom likwidità limitata li timpedixxi lill-maniġers tal-ELTIFs milli jibnu, fi żmien raġonevoli, pożizzjoni suffiċjenti f’tali kumpaniji elenkati, bir-riżultat li dan inaqqas il-firxa ta’ miri ta’ investiment disponibbli. Għalhekk, sabiex l-ELTIFs jingħataw profil ta’ likwidità aħjar, il-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-impriżi kwalifikanti elenkati li fihom jistgħu jinvestu l-ELTIFs jenħtieġ li tiżdied minn massimu ta’ EUR 500 000 000 għal massimu ta’ EUR 1 500 000 000. Sabiex jiġu evitati bidliet potenzjali fl-eliġibbiltà ta’ tali investimenti minħabba varjazzjonijiet fil-munita jew fatturi oħrajn, id-determinazzjoni tal-livell limitu tal-kapitalizzazzjoni tas-suq jenħtieġ li ssir biss fiż-żmien tal-investiment inizjali.

(18)

Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-integrità tal-investimenti f’assi li jinsabu f’pajjiżi terzi għall-investituri, il-maniġers tal-ELTIF u l-awtoritajiet kompetenti, ir-rekwiżiti li jirrigwardaw l-investimenti f’impriżi ta’ portafoll kwalifikanti ta’ pajjiżi terzi jenħtieġ li jiġu allinjati mal-istandards stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Jenħtieġ li jiġu allinjati wkoll mal-istandards stabbiliti fl-azzjoni komuni meħuda mill-Istati Membri tal-UE fir-rigward ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa, riflessi fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa.

(19)

Il-maniġers tal-ELTIFs li għandhom sehem f’impriża ta’ portafoll jistgħu jqiegħdu l-interessi tagħhom stess qabel dawk tal-investituri fl-ELTIF. Sabiex jiġi evitat tali kunflitt ta’ interess, u sabiex tiġi żgurata governanza korporattiva tajba, ir-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi li ELTIF jinvesti biss f’assi li ma jkunux relatati mal-maniġer tal-ELTIF, sakemm l-ELTIF ma jinvestix f’unitajiet jew ishma ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv oħrajn li huma ġestiti mill-maniġer tal-ELTIF. Madankollu, hija prattika stabbilita tas-suq li strument ta’ investiment wieħed jew aktar tal-maniġer tal-assi jikkoinvestu flimkien ma’ fond ieħor li jkollu objettiv u strateġija simili għal dak l-ELTIF. Tali koinvestimenti mill-AIFM tal-UE u minn entitajiet affiljati oħrajn li jappartjenu għall-istess grupp jippermettu l-attrazzjoni ta’ puls akbar ta’ kapital għal investimenti fi proġetti fuq skala kbira. Għal dak l-għan, il-maniġers tal-assi tipikament jinvestu b’mod parallel mal-ELTIF f’entità fil-mira u jistrutturaw l-investimenti tagħhom permezz ta’ strumenti ta’ koinvestiment. Bħala parti mill-mandat tal-ġestjoni tal-assi, il-maniġers tal-portafoll u l-persunal superjuri tal-maniġers tal-assi huma tipikament meħtieġa jew mistennija li jikkoinvestu fl-istess fond li jiġġestixxu. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi speċifikat li jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitti ta’ interess ma jwaqqfux lil maniġer ta’ ELTIF jew lil impriża li tappartjeni għall-istess grupp milli jikkoinvestu f’dak l-ELTIF jew milli jikkoinvestu ma’ dak l-ELTIF fl-istess assi. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji effettivi għall-protezzjoni tal-investituri, fejn iseħħu tali koinvestimenti, jenħtieġ li l-maniġers tal-ELTIF jistabbilixxu arranġamenti organizzattivi u amministrattivi f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) maħsuba biex jidentifikaw, jipprevjenu, jiġġestixxu u jimmonitorjaw il-kunflitti ta’ interess u jiżguraw li tali kunflitti ta’ interess jiġu ddivulgati b’mod adegwat.

(20)

Sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess, jiġu evitati tranżazzjonijiet li ma jsirux fuq termini kummerċjali u tiġi żgurata governanza korporattiva tajba, ir-Regolament (UE) 2015/760 ma jippermettix lill-membri tal-persunal tal-maniġer ta’ ELTIF u tal-impriżi li jappartjenu għall-istess grupp bħall-maniġer tal-ELTIF jinvestu f’dak l-ELTIF jew jikkoinvestu mal-ELTIF fl-istess assi. Madankollu, hija prattika stabbilita tas-suq li l-membri tal-persunal tal-maniġer ta’ ELTIF u ta’ entitajiet affiljati oħrajn li jappartjenu għall-istess grupp, li jikkoinvestu flimkien mal-maniġer tal-ELTIF, inklużi l-maniġers tal-portafoll u l-persunal superjuri responsabbli għad-deċiżjonijiet finanzjarji u operattivi ewlenin tal-maniġer tal-ELTIF, spiss ikunu meħtieġa jew mistennija, minħabba n-natura tal-mandat tal-immaniġġjar tal-assi, li jikkoinvestu fl-istess fond jew fl-istess assi sabiex jippromwovu l-allinjament tal-inċentivi finanzjarji ta’ dawk il-membri tal-persunal u l-investituri. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi speċifikat li jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitti ta’ interess ma jwaqqfux lill-membri tal-persunal tal-maniġer ta’ ELTIF jew ta’ impriżi li jappartjenu għal dak il-grupp milli jikkoinvestu fil-kapaċità personali tagħhom f’dak l-ELTIF u milli jikkoinvestu mal-ELTIF fl-istess assi. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji effettivi għall-protezzjoni tal-investituri, meta jseħħu tali koinvestimenti mill-membri tal-persunal, jenħtieġ li l-maniġers tal-ELTIF jistabbilixxu arranġamenti organizzattivi u amministrattivi maħsuba biex jidentifikaw, jimpedixxu, jiġġestixxu u jimmonitorjaw il-kunflitti ta’ interess u jiżguraw li tali kunflitti ta’ interess jiġu ddivulgati b’mod adegwat.

(21)

Ir-regoli għall-ELTIFs huma kważi identiċi kemm għall-investituri professjonali kif ukoll għal dawk fil-livell tal-konsumatur, inklużi regoli dwar l-użu ta’ ingranaġġ, dwar id-diversifikazzjoni tal-assi u l-kompożizzjoni tal-portafolli, dwar il-limiti ta’ konċentrazzjoni u dwar il-limiti fuq l-assi u l-investimenti eliġibbli. Madankollu, l-investituri professjonal kif ukoll għal dawk fil-livell tal-konsumaturi għandhom perjodi ta’ żmien, tolleranzi tar-riskju u ħtiġijiet ta’ investiment kif ukoll kapaċitajiet differenti biex janalizzaw l-opportunitajiet ta’ investiment. Tabilħaqq, l-investituri professjonali għandhom tolleranza tar-riskju ogħla mill-investituri fil-livell tal-konsumatur, huma kapaċi jwettqu analiżijiet bir-reqqa tal-possibbiltajiet ta’ investiment u diliġenza dovuta tal-assi u l-valutazzjoni tagħhom, u jista’, minħabba n-natura u l-attivitajiet tagħhom, ikollhom objettivi ta’ redditu differenti meta mqabbla mal-investituri fil-livell tal-konsumatur. Minkejja dan, u minħabba r-regoli kważi identiċi u l-piż amministrattiv għoli u l-kostijiet assoċjati li jirriżultaw għall-ELTIFs maħsuba għal investituri professjonali, il-maniġers tal-assi sa issa qagħdu lura milli joffru prodotti mfassla apposta lil investituri professjonali. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu previsti regoli speċifiċi għall-ELTIFs li huma kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali, b’mod partikolari fir-rigward tad-diversifikazzjoni u l-kompożizzjoni tal-portafoll ikkonċernat, il-limiti ta’ konċentrazzjoni, u t-teħid b’self ta’ flus.

(22)

Attwalment, ir-Regolament (UE) 2015/760 attwalment jirrikjedi li l-ELTIFs jinvestu mill-inqas 70 % tal-kapital tagħhom f’assi ta’ investiment eliġibbli. Dan il-livell ta’ investiment għoli għall-assi ta’ investiment eliġibbli fil-portafolli tal-ELTIFs kien inizjalment stabbilit fid-dawl tal-enfasi tal-ELTIFs fuq investimenti ta’ terminu twil u l-kontribut li dawn l-investimenti kienu mistennija jagħtu għall-finanzjament ta’ tkabbir sostenibbli tal-ekonomija tal-Unjoni. Minħabba n-natura illikwida u idjosinkratika ta’ ċerti assi ta’ investiment eliġibbli fi ħdan il-portafolli tal-ELTIFs, madankollu, jista’ jkun diffiċli u għali għall-maniġers tal-ELTIFs li jimmaniġġjaw il-likwidità tal-ELTIFs, li jonoraw it-talbiet għar-rimbors, li jidħlu f’arranġamenti ta’ self, u li jeżegwixxu elementi oħra tal-istrateġiji ta’ investiment tal-ELTIFs li jappartjenu għat-trasferiment, il-valwazzjoni u l-pleġġjar ta’ tali assi ta’ investiment eliġibbli. It-tnaqqis tal-limitu għall-assi ta’ investiment eliġibbli jippermetti għalhekk lill-maniġers tal-ELTIFs jiġġestixxu aħjar il-likwidità tal-ELTIFs. L-assi ta’ investiment eliġibbli biss ta’ ELTIF għajr l-impriżi ta’ investiment kollettiv u l-assi ta’ investiment eliġibbli ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li fihom ikunu investew l-ELTIFs ikun jenħtieġ li jiġu kkombinati għall-fini tal-valutazzjoni tal-konformità minn dawk l-ELTIF mal-limitu ta’ investimenti għall-assi ta’ investiment eliġibbli.

(23)

Ir-rekwiżiti tad-diversifikazzjoni eżistenti tar-Regolament (UE) 2015/760 ġew introdotti biex jiġi żgurat li l-ELTIFs ikunu jistgħu jifilħu għaċ-ċirkostanzi avversi tas-suq. Madankollu, dawk id-dispożizzjonijiet urew li huma wisq ta’ piż minħabba li fil-prattika jimplikaw li l-ELTIFs huma, bħala medja, meħtieġa li jagħmlu 10 investiment distinti. B’rabta mal-investiment fi proġetti jew f’infrastrutturi ta’ skala kbira, ir-rekwiżit li jsiru 10 investimenti għal kull ELTIF jista’ jkun diffiċli li jintlaħaq, u jiġi jiswa ħafna flus f’termini ta’ kostijiet tat-tranżazzjonijiet u allokazzjoni ta’ kapital. Sabiex jitnaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet u amministrattivi għall-ELTIFs u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-investituri tagħhom, għalhekk, jenħtieġ li l-ELTIFs ikunu jistgħu jsegwu strateġiji ta’ investiment aktar ikkonċentrati u, b’hekk, ikollhom skoperturi għal inqas assi eliġibbli. Huwa għalhekk meħtieġ li r-rekwiżiti ta’ diversifikazzjoni għall-iskoperturi tal-ELTIFs jiġu aġġustati għal impriżi ta’ portafoll kwalifikanti uniċi, assi reali uniċi, impriżi ta’ investiment kollettiv u ċerti assi ta’ investiment, kuntratti u strumenti finanzjarji eliġibbli oħrajn. Jenħtieġ li dik il-flessibbiltà addizzjonali fil-kompożizzjoni tal-portafoll tal-ELTIFs u t-tnaqqis fir-rekwiżiti ta’ diversifikazzjoni ma jaffettwawx b’mod materjali l-kapaċità tal-ELTIFs li jkunu jifilħu għall-volatilità tas-suq, minħabba li l-ELTIFs tipikament jinvestu f’assi li ma jkollhomx kwotazzjoni tas-suq faċilment disponibbli, li jistgħu jkunu illikwidi ħafna, u li spiss ikollhom maturità jew perjodu ta’ żmien fit-tul.

(24)

Għall-kuntrarju tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, l-investituri professjonali għandhom, f’ċerti ċirkostanzi, perjodu ta’ żmien itwal, objettivi distinti tar-redditi finanzjarji, aktar għarfien espert, tolleranza tar-riskju ogħla għall-kundizzjonijiet avversi tas-suq u kapaċità ogħla li jassorbu t-telf. Għalhekk huwa meħtieġ li għal tali investituri professjonali jiġi stabbilit sett differenzjat ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-investitur u li jitneħħew ir-rekwiżiti ta’ diversifikazzjoni għall-ELTIFs li huma kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali.

(25)

Sabiex jintuża aħjar l-għarfien espert tal-maniġers tal-ELTIFs u minħabba l-benefiċċji tad-diversifikazzjoni, f’ċerti każijiet jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-ELTIFs li jinvestu l-assi kollha jew kważi kollha tagħhom fil-portafoll diversifikat ta’ ELTIF prinċipali. Għalhekk, jenħtieġ li l-ELTIFs jitħallew jiġbru flimkien l-assi tagħhom u jagħmlu użu minn strutturi prinċipali-alimentaturi billi jinvestu f’ELTIFs prinċipali.

(26)

L-ingranaġġ jintuża ta’ spiss biex jippermetti l-operat ta’ kuljum ta’ ELTIF u biex titwettaq strateġija ta’ investiment speċifika. Ammonti moderati ta’ ingranaġġ jistgħu, fejn ikunu kkontrollati b’mod adegwat, jamplifikaw ir-redditi mingħajr ma jġarrbu jew jaggravaw riskji eċċessivi. Barra minn hekk, l-ingranaġġ jista’ spiss jintuża minn varjetà ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv biex jinkisbu effiċjenzi addizzjonali jew riżultati operattivi. Minħabba li t-teħid b’self ta’ flus huwa attwalment limitat fir-Regolament (UE) 2015/760 għal 30 % tal-kapital tal-ELTIFs, jista’ jkun li l-maniġers tal-ELTIFs ma jkunux jistgħu jsegwu b’suċċess ċerti strateġiji ta’ investiment, inkluż fil-każ ta’ investimenti f’assi reali, fejn l-użu ta’ livelli ogħla ta’ ingranaġġ huwa norma tal-industrija jew inkella huwa meħtieġ biex jinkisbu redditi attraenti aġġustati għar-riskju. Għalhekk, huwa xieraq li tiżdied il-flessibbiltà tal-maniġers tal-ELTIFs biex jiġbru aktar kapital matul il-ħajja ta’ ELTIF. Fl-istess ħin, huwa mixtieq li tittejjeb il-ġestjoni tal-ingranaġġ u li tiġi promossa konsistenza akbar mad-Direttiva 2011/61/UE fir-rigward tal-politika ta’ self billi l-kapital jiġi sostitwit b’valur nett tal-assi bħala l-punt ta’ referenza xieraq għad-determinazzjoni tal-limitu fuq is-self ta’ flus kontanti, li jenħtieġ li jkun akkumpanjat minn titjib fil-politika ta’ rettifika. Fid-dawl tar-riskji possibbli li jista’ jinvolvi l-ingranaġġ, l-ELTIFs li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur jenħtieġ li jitħallew jissellfu flus li jammontaw sa 50 % tal-valur nett tal-assi tal-ELTIF. Il-limitu ta’ 50 % huwa xieraq minħabba t-teħid b’self ġenerali ta’ limiti ta’ flus komuni għal fondi li jinvestu f’assi reali bi profil ta’ likwidità u ta’ rimbors simili.

Madankollu, għall-ELTIFs ikkummerċjalizzati lil investituri professjonali, jenħtieġ li jkun permess limitu ta’ ingranaġġ ogħla, minħabba li l-investituri professjonali għandhom tolleranza tar-riskju ogħla mill-investituri fil-livell tal-konsumatur. Għalhekk, it-teħid b’self tal-limitu ta’ flus kontanti għall-ELTIFs li huma kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali, jenħtieġ li jiġi estiż għal mhux aktar minn 100 % tal-valur nett tal-assi tal-ELTIF. Barra minn hekk, sal-lum, ir-Regolament (UE) 2015/760 ma joffrix lill-maniġer ta’ ELTIF il-possibbiltà li jirrettifika l-pożizzjoni ta’ investiment, f’perjodu ta’ żmien xieraq, f’każijiet fejn l-ELTIF jikser il-limitu ta’ ingranaġġ u l-ksur ikun lil hinn mill-kontroll tal-maniġer tal-ELTIF. Filwaqt li titqies il-volatilità tal-valur nett tal-assi bħala valur ta’ referenza u l-interessi tal-investituri fl-ELTIF, jenħtieġ li għalhekk jiġi speċifikat li d-dispożizzjonijiet dwar ir-rettifika fir-Regolament (UE) 2015/760 japplikaw ukoll għal-limiti ta’ teħid ta’self.

(27)

Sabiex l-ELTIFs jingħataw opportunitajiet ta’ investiment usa’, jenħtieġ li l-ELTIFs ikunu jistgħu jissellfu fil-munita li fiha l-maniġer tal-ELTIF jistenna li jikseb l-assi. Madankollu, huwa meħtieġ li jittaffa r-riskju ta’ diskrepanzi fil-muniti u, b’hekk, jiġi limitat ir-riskju tal-munita għall-portafoll tal-investiment. Għalhekk, jenħtieġ li l-ELTIFs jiħħeġġjaw kif xieraq l-iskopertura għall-munita tagħhom.

(28)

Jenħtieġ li l-ELTIFs ikunu jistgħu jaggravaw l-assi tagħhom biex jimplimentaw l-istrateġija ta’ self tagħhom. Sabiex tiżdied iktar il-flessibbiltà tal-ELTIFs fl-eżekuzzjoni tal-istrateġija ta’ self tagħhom, jenħtieġ li l-arranġamenti ta’ teħid b’self ma jikkostitwux teħid b’self meta dak it-teħid b’self ikun kopert kompletament mill-impenji kapitali tal-investituri.

(29)

Minħabba ż-żieda tal-livelli massimi għat-teħid b’self ta’ flus mill-ELTIFs u t-tneħħija ta’ ċerti limiti fuq it-teħid b’self ta’ flus f’muniti barranin, jenħtieġ li l-investituri jkollhom informazzjoni aktar komprensiva dwar l-istrateġiji ta’ self u l-limiti użati mill-ELTIFs. Għalhekk, huwa xieraq li l-maniġers tal-ELTIFs jintalbu jiddivulgaw b’mod espliċitu l-limiti ta’ teħid ta’ self fil-prospett tal-ELTIF ikkonċernat.

(30)

Attwalment, ir-Regolament (UE) 2015/760 jipprevedi li l-investituri f’ELTIF jistgħu jitolbu l-istralċ ta’ dak l-ELTIF meta t-talbiet tagħhom għal rimbors, magħmula f’konformità mal-politika ta’ rimbors tal-ELTIF, ma jkunux ġew issodisfati fi żmien sena mid-data li fiha jkunu saru dawk it-talbiet. Minħabba l-orjentazzjoni fit-tul tal-ELTIFs u l-profil tal-assi spiss idjosinkratiku u illikwidu tal-portafolli tal-ELTIF, l-intitolament ta’ kwalunkwe investitur jew grupp ta’ investituri li jitolbu l-istralċ ta’ ELTIF jista’ jkun sproporzjonat u ta’ detriment kemm għall-eżekuzzjoni b’suċċess tal-istrateġija ta’ investiment tal-ELTIF, kif ukoll għall-interessi ta’ investituri jew gruppi ta’ investituri oħrajn. Għalhekk, huwa xieraq li titneħħa l-possibbiltà għall-investituri li jitolbu l-istralċ ta’ ELTIF fejn dak l-ELTIF ma jkunx jista’ jissodisfa t-talbiet għal rimbors.

(31)

Attwalment, ir-Regolament (UE) 2015/760 ma huwiex ċar dwar il-kriterji biex jiġi vvalutat il-persentaġġ tar-rimbors f’perjodu ta’ żmien partikolari, u dwar l-informazzjoni minima li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-possibbiltà ta’ rimbors. Minħabba r-rwol ċentrali tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, l-ESMA) fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/760 u l-għarfien espert tagħha fir-rigward tat-titoli u tas-swieq tat-titoli, huwa xieraq li l-ESMA tiġi fdata bit-tfassil ta’ abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi li fihom il-ħajja ta’ ELTIF titqies kompatibbli maċ-ċikli tal-ħajja ta’ kull wieħed mill-assi individwali tal-ELTIF; il-kriterji biex jiġi ddeterminat il-perjodu minimu ta’ parteċipazzjoni; l-informazzjoni minima li għandha tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti tal-ELTIF; ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-ELTIF fir-rigward tal-politika ta’ rimbors u l-għodod ta’ ġestjoni tal-likwidità tiegħu; u l-kriterji biex jiġi vvalutat il-persentaġġ ta’ rimbors. Jenħtieġ li jiġi nnotat li fejn ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ ELTIF jipprevedu l-possibbiltà ta’ rimbors matul il-ħajja ta’ dak l-ELTIF, ikunu japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità u l-għodod għall-ġestjoni tal-likwidità stabbiliti fid-Direttiva 2011/61/UE.

(32)

Attwalment, ir-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi li r-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ ELTIF ma jwaqqfux lill-unitajiet jew lill-ishma tal-ELTIF milli jiġu ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’faċilità multilaterali tan-negozjar. Minkejja dik il-possibbiltà, il-maniġers tal-ELTIFs, l-investituri u l-parteċipanti fis-suq bilkemm użaw il-mekkaniżmu ta’ negozjar sekondarju għan-negozjar tal-ishma jew tal-unitajiet tal-ELTIFs. Sabiex jiġi promoss in-negozjar sekondarju ta’ unitajiet jew ishma tal-ELTIFs, huwa xieraq li l-maniġers tal-ELTIFs jitħallew jipprevedu l-possibbiltà ta’ ħruġ bikri tal-investituri tal-ELTIF matul il-ħajja tal-ELTIF. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv ta’ tali mekkaniżmu ta’ negozjar sekondarju, jenħtieġ li ħruġ bikri jkun possibbli biss meta l-maniġer tal-ELTIF ikun daħħal fis-seħħ politika għat-tqabbil ta’ investituri potenzjali u talbiet ta’ ħruġ. Jenħtieġ li dik il-politika, fost l-oħrajn, tispeċifika l-proċess tat-trasferiment, ir-rwol tal-maniġer tal-ELTIF jew tal-amministratur tal-fond, il-perjodiċità u d-durata tat-tieqa ta’ likwidità li matulha jistgħu jiġu skambjati l-unitajiet jew l-ishma tal-ELTIF, ir-regoli li jiddeterminaw il-prezz tal-eżekuzzjoni u l-kundizzjonijiet tal-prorazzjoni, ir-rekwiżiti tad-divulgazzjoni, u t-tariffi, il-kostijiet u l-imposti u kundizzjonijiet oħrajn relatati ma’ tali mekkaniżmu ta’ tieqa ta’ likwidità. L-ESMA għandha tiġi fdata bit-tfassil ta’ abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi għall-użu tat-tqabbil, inkluża l-informazzjoni li l-ELTIFs huma meħtieġa jiddivulgaw lill-investituri.

(33)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe fehim ħażin mill-investituri fil-livell tal-konsumatur rigward in-natura legali tal-mekkaniżmu ta’ negozjar sekondarju u l-likwidità potenzjali permessa minn dan il-mekkaniżmu, id-distributur jew, meta joffri jew iqiegħed direttament unitajiet jew ishma ta’ ELTIF lil investitur fil-livell tal-konsumatur, il-maniġer tal-ELTIF, jenħtieġ li joħroġ twissija ċara bil-miktub lill-investituri fil-livell tal-konsumatur li d-disponibbiltà ta’ mekkaniżmu ta’ tqabbil ma tiggarantixxix it-tqabbil jew tintitola lill-investituri fil-livell tal-konsumatur biex joħorġu jew jifdu l-unitajiet jew l-ishma tagħhom tal-ELTIF ikkonċernat. Jenħtieġ li dik it-twissija bil-miktub tkun parti minn twissija waħda bil-miktub li tinforma wkoll lill-investituri fil-livell tal-konsumatur li l-prodott tal-ELTIF jista’ ma jkunx adatt għall-investituri fil-livell tal-konsumatur li ma jkunux jistgħu jsostnu tali impenn illikwidu u fit-tul, meta l-ħajja ta’ ELTIF offrut jew imqiegħed lil investituri fil-livell tal-konsumatur taqbeż l-10 snin. Meta tiġi ppreżentata fil-komunikazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, id-disponibbiltà ta’ mekkaniżmu ta’ tqabbil jenħtieġ li ma tiġix promossa bħala għodda li tiggarantixxi l-likwidità fuq talba.

(34)

Attwalment ir-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi li l-ELTIFs jadottaw skeda dettaljata għad-disponiment tajjeb tal-assi tagħhom sabiex jifdu l-unitajiet jew l-ishma tal-investituri wara t-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF. Dak ir-Regolament jirrikjedi wkoll li l-ELTIFs jiddivulgaw dik l-iskeda dettaljata lill-awtorità kompetenti tal-ELTIF. Dawk ir-rekwiżiti jissoġġettaw lill-maniġers tal-ELTIFs għal piżijiet amministrattivi u ta’ konformità sostanzjali, mingħajr ma jġibu żieda korrispondenti fil-protezzjoni tal-investituri. Sabiex itaffu dawk il-piżijiet mingħajr ma jnaqqsu l-protezzjoni tal-investituri, jenħtieġ li l-ELTIFs jinformaw lill-awtorità kompetenti tal-ELTIFs dwar id-disponiment tajjeb tal-assi tagħhom biex jifdu l-unitajiet jew l-ishma tal-investituri wara t-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF, u jipprovdu biss lill-awtorità kompetenti tal-ELTIF skeda dettaljata meta huma jintalbu espressament jagħmlu dan minn dik l-awtorità kompetenti.

(35)

Il-prospett ta’ ELTIF alimentatur jista’ jkun fih informazzjoni rilevanti ħafna għall-investituri, li tippermettilhom jivvalutaw aħjar ir-riskji u l-benefiċċji potenzjali ta’ investiment. Għalhekk, huwa xieraq li jkun meħtieġ li, f’każ ta’ struttura prinċipali-alimentatriċi, il-prospett tal-ELTIF alimentatur jenħtieġ li jkun fih divulgazzjonijiet dwar l-istruttura prinċipali-alimentatriċi, l-ELTIF alimentatur u l-ELTIF prinċipali, u deskrizzjoni tar-remunerazzjoni kollha jew tar-rimbors kollu tal-kostijiet pagabbli mill-ELTIF alimentatur.

(36)

Divulgazzjoni adegwata tat-tariffi u tal-imposti hija ta’ importanza kritika għall-evalwazzjoni ta’ ELTIF bħala mira ta’ investiment potenzjali mill-investituri. Tali divulgazzjoni hija importanti wkoll meta l-ELTIF ikun ikkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur fil-każ ta’ strutturi prinċipali-alimentaturi. Għalhekk huwa xieraq li l-maniġer ta’ ELTIF jintalab jinkludi fir-rapport annwali tal-ELTIF alimentatur dikjarazzjoni dwar l-imposti aggregati tal-ELTIF alimentatur u tal-ELTIF prinċipali. Tali rekwiżit huwa mistenni li jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-investituri kontra spejjeż addizzjonali mhux ġustifikati imposti b’riżultat ta’ tariffi ta’ sottoskrizzjoni u ta’ rimbors potenzjalment imposti mill-ELTIF prinċipali lill-ELTIF alimentatur.

(37)

Ir-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi li l-maniġer ta’ ELTIF jiddivulga fil-prospett tal-ELTIF informazzjoni dwar it-tariffi relatati mal-investiment f’dak l-ELTIF. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), fih ukoll rekwiżiti dwar id-divulgazzjoni tat-tariffi. Sabiex tiżdied it-trasparenza fuq l-istrutturi tat-tariffi, ir-rekwiżit stabbilit fir-Regolament (UE) 2015/760 jenħtieġ li jiġi allinjat mar-rekwiżit stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014.

(38)

Attwalment, ir-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi li l-maniġers tal-ELTIFs jistabbilixxu faċilitajiet lokali f’kull Stat Membru fejn ikollhom il-ħsieb li jikkummerċjalizzaw l-ELTIFs. Filwaqt li r-rekwiżiti biex jitwettqu ċerti kompiti għall-investituri fl-Istati Membri kollha jibqgħu fis-seħħ, ir-rekwiżit li jiġu stabbiliti faċilitajiet lokali, madankollu, tneħħa mid-Direttiva (UE) 2019/1160 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) fir-rigward tal-UCITS u l-fondi ta’ investiment alternattivi kkummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur, minħabba li tali faċilitajiet lokali joħolqu kostijiet u frizzjoni addizzjonali fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera tal-ELTIFs. Barra minn hekk, il-metodu ta’ kuntatt ippreferut mal-investituri nbidel minn laqgħat fiżiċi f’faċilitajiet lokali għal interazzjoni diretta bejn il-maniġers jew id-distributuri tal-fondi u l-investituri permezz ta’ mezzi elettroniċi. B’hekk, it-tneħħija ta’ dan ir-rekwiżit mir-Regolament (UE) 2015/760 għall-investituri kollha tal-ELTIFs tkun konsistenti mad-Direttiva (UE) 2019/1160 u mal-metodi kontemporanji ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti finanzjarji, u tista’ tippromwovi l-attraenza tal-ELTIFs għall-maniġers tal-assi li ma jibqgħux meħtieġa jġarrbu kostijiet li jirriżultaw mill-operat tal-faċilitajiet lokali. Dan ir-rekwiżit għalhekk jenħtieġ li jitneħħa.

(39)

Peress li l-unitajiet u l-ishma tal-ELTIFs huma strumenti finanzjarji, ir-regoli dwar il-governanza tal-prodotti tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) japplikaw fejn l-ELTIFs jiġu kkummerċjalizzati bil-forniment ta’ servizzi ta’ investiment. Madankollu, l-unitajiet jew l-ishma ta’ ELTIF jistgħu jinxtraw ukoll mingħajr il-forniment ta’ servizzi ta’ investiment. Biex ikopri dawk il-każijiet, ir-Regolament (UE) 2015/760 attwalment jirrikjedi li l-maniġers tal-ELTIFs jiżviluppaw proċess ta’ valutazzjoni interna għall-ELTIFs ikkummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur. Ir-reġim attwali huwa ispirat mir-regoli ta’ governanza tal-prodotti tad-Direttiva 2014/65/UE iżda fih diversi differenzi li mhumiex ġustifikati u li jistgħu jnaqqsu l-protezzjoni tal-investitur. Għalhekk jenħtieġ li jiġi speċifikat li japplikaw ir-regoli ta’ governanza tal-prodotti stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE. Ir-referenzi għad-Direttiva 2014/65/UE għandhom jinftiehmu bħala li jinvolvu l-applikazzjoni tal-atti delegati li jissupplimentaw dik id-Direttiva.

(40)

Attwalment, ir-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi li d-distributuri jew il-maniġers tal-ELTIFs iwettqu valutazzjoni tal-adegwatezza fir-rigward tal-investituri fil-livell tal-konsumatur. Madankollu, dak ir-rekwiżit huwa diġà previst fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/65/UE. F’każ li jkun hemm rekwiżit idduplikat, ikun qed jinħoloq saff addizzjonali ta’ piżijiet amministrattivi li jwassal għal kostijiet ogħla għall-investituri fil-livell tal-konsumatur u huwa diżinċentiv qawwi għall-maniġers tal-ELTIFs biex joffru ELTIFs ġodda lill-investituri fil-livell tal-konsumatur. Għalhekk, huwa meħtieġ li dak ir-rekwiżit duplikat jitneħħa mir-Regolament (UE) 2015/760.

(41)

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, jenħtieġ li titwettaq valutazzjoni tal-adegwatezza irrispettivament minn jekk l-unitajiet jew l-ishma tal-ELTIFs jiġux akkwistati minn investituri fil-livell tal-konsumatur mingħand distributuri jew maniġers tal-ELTIFs, jew permezz tas-suq sekondarju. F’konformità mal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2014/65/UE, il-valutazzjoni tal-adegwatezza jenħtieġ li tinkludi l-informazzjoni dwar id-durata mistennija u l-fini tal-investiment u t-tolleranza tar-riskju tal-investitur fil-livell tal-konsumatur, bħala parti mill-informazzjoni dwar l-objettivi tal-investiment u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-investitur fil-livell tal-konsumatur, inkluża l-kapaċità tagħhom li jġarrbu t-telf. Ir-riżultati tal-valutazzjoni jenħtieġ li jiġu kkomunikati lill-investituri fil-livell tal-konsumatur fil-forma ta’ dikjarazzjoni dwar l-adegwatezza, f’konformità mal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 2014/65/UE.

(42)

Barra minn hekk, f’każijiet fejn ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-adegwatezza tkun li ELTIF ma jkunx adattat għal investitur fil-livell tal-konsumatur u tali investitur xorta waħda jkun jixtieq jipproċedi bit-tranżazzjoni, il-kunsens espliċitu ta’ dak l-investitur fil-livell tal-konsumatur għandu jinkiseb qabel ma d-distributur jew il-maniġer tal-ELTIF jipproċedi bit-tranżazzjoni.

(43)

Ir-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi wkoll li d-distributuri jew il-maniġers tal-ELTIFs jipprovdu pariri xierqa dwar l-investiment meta jikkummerċjalizzaw l-ELTIFs lil investituri fil-livell tal-konsumatur. In-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-Regolament (UE) 2015/760 dwar x’jikkostitwixxi parir xieraq dwar l-investiment u n-nuqqas ta’ kontroreferenza għad-definizzjoni ta’ parir dwar l-investiment fid-Direttiva 2014/65/UE wasslu għal nuqqas ta’ ċertezza legali u konfużjoni fost id-distributuri u l-maniġers tal-ELTIFs. Barra minn hekk, l-obbligu li jiġi pprovdut parir dwar l-investiment jeħtieġ li d-distributuri esterni jiġu awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE meta jikkummerċjalizzaw l-ELTIFs lil investituri fil-livell tal-konsumatur. Dak joħloq impedimenti bla bżonn għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIFs lil dawk l-investituri u jissuġġetta wkoll lill-ELTIFs għal rekwiżiti aktar stretti minn dawk għad-distribuzzjoni ta’ prodotti finanzjarji kumplessi oħrajn, inkluż ir-rekwiżiti għat-titolizzazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2402 u għall-obbligazzjonijiet eliġibbli subordinati stabbiliti fid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li d-distributuri u l-maniġers tal-ELTIFs jintalbu jipprovdu lill-investituri fil-livell tal-konsumatur tali parir dwar l-investiment. Barra minn hekk, minħabba l-importanza li jkun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fost il-prodotti finanzjarji meta tali prodotti jiġu kkummerċjalizzati lill-investituri aħħarin, u li jiġi żgurat li dan ir-Regolament ikun fih, fost l-oħrajn, salvagwardji effettivi għall-protezzjoni tal-investituri, l-ELTIFs jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal piżijiet amministrattivi u regolatorji bla bżonn.

(44)

Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti relatati mal-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIFs lil investituri fil-livell tal-konsumatur, id-distributur jew, meta joffri jew iqiegħed direttament unitajiet jew ishma ta’ ELTIF lil investitur fil-livell tal-konsumatur, il-maniġer tal-ELTIF jenħtieġ li jkun soġġett għar-regoli dwar iż-żamma tar-rekords tad-Direttiva 2014/65/UE.

(45)

Fl-eventwalità li l-kummerċjalizzazzjoni jew il-kollokazzjoni tal-ELTIFs lil investituri fil-livell tal-konsumatur isiru permezz ta’ distributur, tali distributur jenħtieġ li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli tad-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u tiġi evitata d-duplikazzjoni, fejn investitur fil-livell tal-konsumatur ikun ingħata pariri dwar l-investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE, jenħtieġ li r-rekwiżit li tiġi pprovduta valutazzjoni tal-adegwatezza jitqies li ġie ssodisfat.

(46)

Hija prattika stabbilita tas-suq li l-maniġers tal-portafoll u l-persunal superjuri tal-maniġer ta’ ELTIF ikunu meħtieġa jew mistennija li jinvestu f’ELTIFs ġestiti minn dak l-istess maniġer tal-ELTIF. Tali persuni huma preżunti li jkunu finanzjarjament sofistikati u infurmati tajjeb dwar l-ELTIF, li jfisser li jkun superfluwu li jintalbu jgħaddu minn valutazzjoni tal-adegwatezza għall-investimenti fl-ELTIF. Għalhekk, huwa xieraq li d-distributuri jew il-maniġers tal-ELTIF ma jintalbux iwettqu valutazzjoni tal-adegwatezza għal tali individwi.

(47)

Attwalment, għal investituri potenzjali fil-livell tal-konsumatur li l-portafoll tal-istrumenti finanzjarji tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 500 000, ir-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi investiment minimu inizjali f’ELTIF wieħed jew aktar ta’ EUR 10 000 u jirrikjedi li tali investituri ma jinvestux ammont aggregat li jaqbeż l-10 % tal-portafoll tal-istrumenti finanzjarji tagħhom fl-ELTIFs. Meta jiġu applikati flimkien, l-investiment inizjali minimu ta’ EUR 10 000 u l-limitu ta’ 10 % fuq l-investiment aggregat joħolqu ostaklu sinifikanti għall-investimenti fl-ELTIFs għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, li huwa f’kunflitt mal-għan tal-ELTIFs li jistabbilixxu prodott ta’ fond ta’ investiment alternattiv fil-livell tal-konsumatur. Għalhekk, huwa meħtieġ li r-rekwiżit ta’ investiment minimu inizjali ta’ EUR 10 000 u l-limitu ta’ 10 % fuq l-investiment aggregat jitneħħew.

(48)

Attwalment, ir-Regolament (UE) 2015/760 jirrikjedi li l-investituri jiġu ttrattati b’mod ugwali u jipprojbixxi t-trattament preferenzjali ta’ investituri individwali jew ta’ gruppi ta’ investituri, jew l-għoti ta’ benefiċċji ekonomiċi speċifiċi lil dawk l-investituri. Madankollu, l-ELTIFs jista’ jkollhom diversi klassijiet ta’ unitajiet jew ishma b’kundizzjonijiet kemxejn jew sostanzjalment distinti fir-rigward tat-tariffi, l-istruttura legali, ir-regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni u rekwiżiti oħrajn. Sabiex jitqiesu dawk id-differenzi, dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li japplikaw biss għal investituri individwali jew għal gruppi ta’ investituri li jinvestu fl-istess klassi jew klassijiet ta’ ELTIFs.

(49)

Sabiex il-maniġers tal-ELTIFs jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, inklużi r-rekwiżiti li jappartjenu għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIFs lil investituri, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika disa’ xhur wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

(50)

Minħabba n-natura potenzjalment illikwida tal-assi eliġibbli u l-orjentazzjoni fit-tul tal-ELTIFs, l-ELTIFs jistgħu jesperjenzaw diffikultajiet biex jikkonformaw ma’ kwalunkwe bidla fir-regoli tal-fond u r-rekwiżiti regolatorji introdotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom mingħajr ma jaffettwaw il-fiduċja u l-kunfidenza tal-investituri tagħhom. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu previsti regoli tranżizzjonali fir-rigward ta’ dawk l-ELTIFs li kienu awtorizzati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, tali ELTIFs jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħżlu li jkunu soġġetti għal dan ir-Regolament dment li l-awtorità kompetenti tal-ELTIF tiġi nnotifikata kif xieraq.

(51)

Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi żgurat qafas ġuridiku effettiv għall-operat tal-ELTIFs fl-Unjoni kollha u li jiġi promoss il-finanzjament fit-tul billi jiġi ġġenerat il-kapital u dan jiġi dirett lejn investimenti fuq terminu twil fl-ekonomija reali, f’konformità mal-objettiv tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(52)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2015/760 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2015/760

Ir-Regolament (UE) 2015/760 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-objettiv ta’ dan ir-Regolament huwa li jiffaċilita l-ġbir u d-direzzjoni tal-kapital lejn investimenti ta’ terminu twil fl-ekonomija reali, inkluż lejn il-kisba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u oqsma prijoritarji oħrajn, f’konformità mal-objettiv tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.”;

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (6) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(6)

‘assi reali’ tfisser assi li għandu valur intrinsiku minħabba s-sustanza u l-proprjetajiet tiegħu;”;

(b)

fil-punt (7), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ca)

impriża tar-riassigurazzjoni kif definita fil-punt (4) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;”;

(c)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(14a)   ‘titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata’ tfisser titolizzazzjoni li tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(14b)   ‘grupp’ ifisser grupp kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 11, tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35)."

(*2)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).”;"

(d)

jinżdiedu l-punti li ġejjin:

“(20)

‘ELTIF alimentatur’ ifisser ELTIF, jew kompartiment ta’ investiment tiegħu, li jkun ġie approvat biex jinvesti mill-inqas 85 % tal-assi tiegħu f’unitajiet jew ishma ta’ ELTIF ieħor jew kompartiment ta’ investiment ta’ ELTIF;

(21)

‘ELTIF prinċipali’ ifisser ELTIF, jew kompartiment ta’ investiment tiegħu, li fih ELTIF ieħor jinvesti mill-inqas 85 % tal-assi tiegħu f’unitajiet jew ishma.”;

(3)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-ELTIFs għandhom, fuq bażi ta’ kull tliet xhur, jinformaw lill-ESMA bl-awtorizzazzjonijiet mogħtija jew irtirati skont dan ir-Regolament u bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni dwar ELTIF li hija stabbilita fir-reġistru pubbliku ċentrali msemmi fit-tieni subparagrafu.

L-ESMA għandha żżomm reġistru pubbliku ċentrali aġġornat li jidentifika għal kull ELTIF awtorizzat skont dan ir-Regolament:

(a)

l-Identifikatur ta’ Entità Ġuridika (LEI) u l-identifikatur tal-kodiċi nazzjonali tal-ELTIF, fejn disponibbli;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-maniġer tal-ELTIF u, meta disponibbli, il-LEI ta’ dak il-maniġer;

(c)

il-kodiċijiet ISIN tal-ELTIF u kull klassi separata ta’ unitajiet jew ta’ ishma, fejn disponibbli;

(d)

il-LEI tal-ELTIF prinċipali, fejn disponibbli;

(e)

il-LEI tal-ELTIF alimentatur, fejn disponibbli;

(f)

l-awtorità kompetenti tal-ELTIF u l-Istat Membru domiċiljari tal-ELTIF;

(g)

l-Istati Membri fejn huwa kkummerċjalizzat l-ELTIF;

(h)

jekk l-ELTIF jistax jiġi kkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur jew jistax jiġi kkummerċjalizzat biss lil investituri professjonali;

(i)

id-data tal-awtorizzazzjoni tal-ELTIF;

(j)

id-data li fiha tkun bdiet il-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIF;

(k)

id-data tal-aħħar aġġornament mill-ESMA tal-informazzjoni dwar l-ELTIF.

Ir-reġistru pubbliku ċentrali għandu jkun magħmul disponibbli f’format elettroniku.”;

(4)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala ELTIF għandha tinkludi dawn kollha li ġejjin:

(a)

ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni;

(b)

l-isem tal-maniġer propost tal-ELTIF;

(c)

l-isem tad-depożitarju u, fejn mitlub mill-awtorità kompetenti ta’ ELTIF li jista’ jiġi kkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur, il-ftehim bil-miktub mad-depożitarju;

(d)

fejn l-ELTIF jista’ jiġi kkummerċjalizzat lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, deskrizzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi magħmula disponibbli għall-investituri, inkluża deskrizzjoni tal-arranġamenti għat-trattament tal-ilmenti sottomessi mill-investituri fil-livell tal-konsumatur;

(e)

fejn applikabbli, l-informazzjoni li ġejja dwar l-istruttura prinċipali-alimentatriċi tal-ELTIF:

(i)

dikjarazzjoni li l-ELTIF alimentatur huwa alimentatur tal-ELTIF prinċipali;

(ii)

ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-ELTIF prinċipali u l-ftehim bejn l-ELTIF alimentatur u l-ELTIF prinċipali, jew ir-regoli interni dwar il-kondotta tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 29(6);

(iii)

meta l-ELTIF prinċipali u l-ELTIF alimentatur ikollhom depożitarji differenti, il-ftehim dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 29(7);

(iv)

meta l-ELTIF alimentatur ikun stabbilit fi Stat Membru għajr l-Istat Membru domiċiljari tal-ELTIF prinċipali, attestazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-ELTIF prinċipali li l-ELTIF prinċipali huwa ELTIF ipprovdut mill-ELTIF alimentatur.”;

(b)

fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, AIFM tal-UE li japplika biex jimmaniġġja ELTIF stabbilit fi Stat Membru ieħor għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-ELTIF id-dokumentazzjoni li ġejja:”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-applikanti għandhom jiġu informati fi żmien xahrejn mid-data tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni kompluta jekk tkunx ingħatat awtorizzazzjoni bħala ELTIF.”;

(d)

fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu, il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

meta l-ELTIF jista’ jiġi kkummerċjalizzat lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, deskrizzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi magħmula disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, inkluża deskrizzjoni tal-arranġamenti għat-trattament tal-ilmenti sottomessi mill-investituri fil-livell tal-konsumatur.”;

(5)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

L-assi ta’ investiment eliġibbli

1.   Assi msemmi fil-punt (a) ta-Artikolu 9(1) għandu jkun eliġibbli biss għal investiment minn ELTIF meta jaqa’ f’waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

strumenti ta’ ekwità jew kważi ekwità li kienu:

(i)

maħruġa minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 11 u akkwistati mill-ELTIF mingħand dik l-impriża ta’ portafoll kwalifikanti jew mingħand parti terzi permezz tas-suq sekondarju;

(ii)

maħruġa minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 11 bi skambju għal strument ta’ ekwità jew kważi ekwità akkwistat preċedentement mill-ELTIF mingħand l-impriża ta’ portafoll kwalifikanti jew mingħand parti terza permezz tas-suq sekondarju;

(iii)

maħruġa minn impriża li fiha impriża ta’ portafoll kwalifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 11 ikollha parteċipazzjoni ta’ kapital bi skambju għal strument ta’ ekwità jew kważi ekwità akkwistat mill-ELTIF f’konformità mal-punt (i) jew (ii) ta’ dan il-punt (a);

(b)

strumenti ta’ dejn maħruġa minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 11;

(c)

self mogħti mill-ELTIF lil impriża ta’ portafoll kwalifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 11 b’maturità li ma taqbiżx il-ħajja tal-ELTIF;

(d)

unitajiet jew ishma ta’ wieħed jew diversi minn ELTIFs, EuVECAs, EuSEFs, UCITS u AIFs tal-UE oħrajn ġestiti minn AIFMs tal-UE, dment li dawk l-ELTIFs, l-EuVECAs, l-EuSEFs, l-UCITS u l-AIFs tal-UE jinvestu f’investimenti eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) u (2) u huma stess ma jkunux investew aktar minn 10 % tal-assi tagħhom fi kwalunkwe impriża ta’ investiment kollettiv oħra;

(e)

assi reali;

(f)

titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati fejn l-iskoperturi sottostanti jikkorrispondu għal waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(i)

assi elenkati fl-Artikolu 1, il-punti (a)(i), (ii) jew (iv) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1851 (*3);

(ii)

assi elenkati fl-Artikolu 1, il-punti (a)(vii) jew (viii) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/1851, dment li r-rikavati mill-bonds ta’ titolizzazzjoni jintużaw għall-finanzjament jew għar-rifinanzjament ta’ investimenti ta’ terminu twil.

(g)

bonds maħruġa, skont Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bonds ekoloġiċi Ewropej, minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 11.

Il-limitu stipulat fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-ELTIFs alimentaturi.

2.   Għall-fini tad-determinazzjoni tal-konformità mal-limitu ta’ investiment stipulat fl-Artikolu 13(1), l-investimenti mill-ELTIFs f’unitajiet jew f’ishma ta’ ELTIFs, EuVECAs, EuSEFs, UCITS u AIFs tal-UE ġestiti mill-AIFMs tal-UE għandhom jitqiesu biss għall-ammont tal-investimenti ta’ dawk l-impriżi ta’ investiment kollettiv fl-assi ta’ investiment eliġibbli msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (b), (c), (e), (f) u (g), ta’ dan l-Artikolu.

Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-konformità mal-limitu ta’ investiment u l-limiti l-oħrajn stipulati fl-Artikolu 13 u fl-Artikolu 16(1), l-assi u l-pożizzjoni ta’ teħid b’self ta’ flus kontanti ta’ ELTIF u tal-impriżi l-oħra ta’ investiment kollettiv li fihom ikun investa l-ELTIF għandhom jiġu kkombinati.

Id-determinazzjoni tal-konformità mal-limitu ta’ investiment u mal-limiti l-oħrajn stipulati fl-Artikolu 13 u fl-Artikolu 16(1) f’konformità ma’ dan il-paragrafu għandha titwettaq abbażi tal-informazzjoni aġġornata mill-inqas fuq bażi ta’ kull tliet xhur u, fejn dik l-informazzjoni ma tkunx disponibbli fuq bażi ta’ kull tliet xhur, abbażi tal-aktar informazzjoni reċenti disponibbli.

(*3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1851 tat-28 ta’ Mejju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar l-omoġeneità tal-iskoperturi sottostanti fit-titolizzazzjoni (ĠU L 285, 6.11.2019, p. 1).”;"

(6)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Impriża ta’ portafoll kwalifikanti għandha tkun impriża li tissodisfa, fil-mument tal-investiment inizjali, ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ma tkunx impriża finanzjarja, sakemm:

(i)

ma tkunx impriża finanzjarja li ma hijiex kumpanija azzjonarja finanzjarja jew kumpanija azzjonarja b’attività mħallta; u

(ii)

dik l-impriża finanzjarja ma tkunx ġiet awtorizzata jew irreġistrata aktar reċentement minn ħames snin qabel id-data tal-investiment inizjali;

(b)

tkun impriża li:

(i)

ma tkunx ammessa għan-negozjar f’suq regolat jew f’faċilità multilaterali tan-negozjar; jew

(ii)

li tkun ammessa għall-kummerċ f’suq regolat jew f’faċilità tal-kummerċ multilaterali u jkollha kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ mhux aktar minn EUR 1 500 000 000;

(c)

tkun stabbilita fi Stat Membru, jew f’pajjiż terz sakemm il-pajjiż terz:

(i)

ma jkunx identifikat bħala pajjiż terz b’riskju għoli elenkat fl-att delegat adottat skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4);

(ii)

ma tkunx imsemmija fl-Anness I għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa.

(*4)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).”;"

(7)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Kunflitti ta’ interess

1.   ELTIF ma gћandux jinvesti f’assi ta’ investiment eliġibbli li fih il-maniġer tal-ELTIF ikollu jew jieħu interess dirett jew indirett, ħlief billi jżomm unitajiet jew ishma tal-ELTIFs, tal-EuSEFs, tal-EuVECAs, tal-UCITS jew tal-AIFs tal-UE li l-maniġer tal-ELTIF jiġġestixxi.

2.   AIFM tal-UE li jiġġestixxi ELTIF u l-impriżi li jappartjenu għall-istess grupp bħal dak l-AIFM tal-UE, u l-membri tal-persunal tagħhom jistgħu jikkoinvestu f’dak l-ELTIF u jikkoinvestu mal-ELTIF fl-istess assi dment li l-maniġer tal-ELTIF ikun stabbilixxa arranġamenti organizzattivi u amministrattivi mfassla biex jidentifikaw, jimpedixxu, jiġġestixxu u jimmonitorjaw il-kunflitti ta’ interess u dment li tali kunflitti ta’ interess jiġu ddivulgati b’mod adegwat.”;

(8)

l-Artikoli 13, 14, 15 u 16 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 13

Kompożizzjoni u diversifikazzjoni tal-portafoll

1.   ELTIF għandu jinvesti mill-inqas 55 % tal-kapital tiegħu f’assi ta’ investiment eliġibbli.

2.   ELTIF għandu jinvesti mhux aktar minn:

(a)

20 % tal-kapital tiegħu fi strumenti maħruġa minn, jew self mogħti lil, kwalunkwe impriża ta’ portafoll kwalifikanti unika;

(b)

20 % tal-kapital tiegħu f’assi reali uniku;

(c)

20 % tal-kapital tiegħu f’unitajiet jew ishma ta’ kwalunkwe ELTIF, EuVECA, EuSEF, UCITS jew AIF tal-UE uniku ġestit minn AIFM tal-UE;

(d)

10 % tal-kapital tiegħu fl-assi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1), fejn dawk l-assi jkunu nħarġu minn kwalunkwe korp uniku.

3.   Il-valur aggregat ta’ titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati f’portafoll tal-ELTIF ma għandux jaqbeż l-20 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF.

4.   L-iskopertura għar-riskju aggregata għal kontroparti tal-ELTIF li tirriżulta minn tranżazzjonijiet ta’ derivattivi barra l-borża (OTC), ftehimiet ta’ riakkwist, jew ftehimiet ta’ retroriakkwist ma għandhiex taqbeż l-10 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF.

5.   B’deroga mill-punt (d) tal-paragrafu 2, ELTIF jista’ jgħolli l-limitu ta’ 10 % imsemmi fih għal 25 % meta l-bonds jinħarġu minn istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru u li tkun soġġetta bil-liġi għal superviżjoni pubblika speċjali maħsuba biex tipproteġi lid-detenturi tal-bonds. B’mod partikolari, somom li jirriżultaw mill-ħruġ ta’ dawk il-bonds għandhom jiġu investiti f’konformità mal-liġi dwar l-assi li, tul il-perjodu kollu tal-validità tal-bonds, ikunu jistgħu jkopru pretensjonijiet marbuta mal-bonds u li, fil-każ ta’ nuqqas min-naħa tal-emittent, ikunu użati fuq bażi ta’ prijorità għar-rimbors tal-kapital u l-ħlas tal-imgħax akkumulat.

6.   Kumpaniji li huma inklużi fl-istess grupp għall-finijiet ta’ kontijiet konsolidati, kif irregolat skont id-Direttiva 2013/34/UE jew skont ir-regoli internazzjonali rikonoxxuti ta’ kontabilità, għandhom jitqiesu bħala impriża unika ta’ portafoll li tikkwalifika jew korp uniku għall-finijiet tal-kalkolu tal-limiti li jinsabu fil-paragrafi minn 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

7.   Il-limiti ta’ investiment stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 4 ma għandhomx japplikaw meta l-ELTIFs ikunu kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali. Il-limitu ta’ investiment stabbilit fil-paragrafu 2, il-punt (c), ma għandhomx japplikaw meta ELTIF ikun ELTIF alimentatur.

Artikolu 14

Rettifika tal-pożizzjonijiet ta’ investiment

Fil-każ li ELTIF jikser ir-rekwiżiti ta’ kompożizzjoni u ta’ diversifikazzjoni tal-portafoll stipulati fl-Artikolu 13 jew il-limiti ta’ teħid ta’ self stipulati fl-Artikolu 16(1), il-punt (a), u l-ksur ma jkunx fil-kontroll tal-maniġer tal-ELTIF, il-maniġer tal-ELTIF, għandu jieħu, f’perjodu ta’ żmien xieraq, dawk il-miżuri li jkunu neċessarji biex jirrettifika l-pożizzjoni, b’kont meħud tal-interessi tal-investituri tal-ELTIF.

Artikolu 15

Limiti ta’ konċentrazzjoni

1.   ELTIF jista’ jakkwista mhux aktar minn 30 % tal-unitajiet jew tal-ishma ta’ ELTIF, EuVECA, EuSEF, UCITS uniku jew ta’ AIF tal-UE ġestit minn AIFM tal-UE. Dak il-limitu ma għandux japplika fejn l-ELTIFs jiġu kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali u lanqas m’għandu japplika għal ELTIF alimentatur li jinvesti fl-ELTIF prinċipali tiegħu.’

2.   Il-limiti ta’ konċentrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2009/65/KE għandhom japplikaw għal investimenti fl-assi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 9(1), punt (b) ta’ dan ir-Regolament, ħlief meta l-ELTIFs ikunu kkumerċjalizzati biss lil investituri professjonali.

Artikolu 16

It-teħid b’self ta’ flus kontanti

1.   ELTIF jista’ jissellef flus sakemm dan is-self jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

jirrappreżenta mhux aktar minn 50 % tal-valur nett tal-assi tal-ELTIF f’każ tal-ELTIFs li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur, u mhux aktar minn 100 % tal-valur nett tal-assi tal-ELTIF fil-każ ta’ ELTIFs ikkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali;

(b)

iservi l-iskop li jsiru investimenti jew li tiġi pprovduta likwidità, inkluż li jitħallsu l-kostijiet u l-ispejjeż, dment li l-parteċipazzjonijiet fi flus kontanti jew f’ekwivalenti għal flus kontanti tal-ELTIF ma jkunux biżżejjed biex isir l-investiment ikkonċernat;

(c)

jiġi kkuntrattat fl-istess munita bħall-assi li għandhom jiġu akkwistati bil-flus missellfa, jew f’munita oħra meta l-iskopertura għall-munita tkun ġiet iħħeġġjata kif xieraq;

(d)

ikollu maturità mhux itwal mill-ħajja tal-ELTIF.

Meta jissellef flus kontanti, ELTIF jista’ jaggrava assi biex jimplimenta l-istrateġija ta’ self tiegħu.

L-arranġamenti ta’ teħid b’self li huma koperti bis-sħiħ mill-impenji ta’ kapital tal-investituri ma għandhomx jitqiesu li jkunu teħid b’self għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu.

2.   Il-maniġer tal-ELTIF għandu jispeċifika fil-prospett tal-ELTIF jekk l-ELTIF għandux il-ħsieb li jissellef flus bħala parti mill-istrateġija ta’ investiment tal-ELTIF u, jekk dan ikun il-każ, għandu jispeċifika fih il-limiti ta’ teħid ta’ self.

3.   Il-limiti ta’ teħid ta’ self li għandhom jiġu speċifikati fil-prospett kif imsemmi fil-paragrafu 2 għandhom japplikaw biss mid-data speċifikata fir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-ELTIF. Dik id-data ma għandhiex tkun aktar tard minn tliet snin wara d-data li fiha tkun bdiet il-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIF.

4.   Il-limiti ta’ teħid ta’ self imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandhom jiġu sospiżi temporanjament meta l-ELTIF jiġbor kapital addizzjonali jew inaqqas il-kapital eżistenti tiegħu. Tali sospensjoni għandha tkun limitata fiż-żmien għall-perjodu li huwa strettament meħtieġ filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-investituri fl-ELTIF u, fi kwalunkwe każ, ma għandhiex iddum aktar minn 12-il xahar.”;

(9)

fl-Artikolu 17(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Ir-rekwiżiti ta’ kompożizzjoni u ta’ diversifikazzjoni tal-portafoll stabbiliti fl-Artikolu 13 għandhom:

(a)

japplikaw sad-data speċifikata fir-regoli jew fl-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-ELTIF;

(b)

ma jibqgħux japplikaw ladarba l-ELTIF jibda jbigħ l-assi sabiex jirrimborża l-unitajiet jew l-ishma tal-investituri wara tmiem ħajjet l-ELTIF;

(c)

jiġu temporanjament sospiżi meta ELTIF jiġbor kapital addizzjonali jew inaqqas il-kapital eżistenti tiegħu, sakemm tali sospensjoni ma tkunx itwal minn 12-il xahar.”;

(10)

L-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 18

Ir-rimbors tal-unitajiet jew l-ishma tal-ELTIFs

1.   L-investituri f’ELTIF ma għandhomx ikunu jistgħu jitolbu r-rimbors tal-unitajiet jew tal-ishma tagħhom qabel tmiem ħajjet l-ELTIF. Ir-rimbors lill-investituri għandu jkun possibbli mill-jum ta’ wara d-data ta’ tmiem ħajjet l-ELTIF.

Ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-ELTIF għandhom jindikaw b’mod ċar data speċifika għal tmiem ħajjet l-ELTIF u jistgħu jipprevedu d-dritt ta’ estensjoni temporanja tal-ħajja tal-ELTIF u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ tali dritt.

Ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-ELTIF u l-iżvelar lill-investituri għandhom jistipulaw il-proċeduri għar-rimbors tal-unitajiet jew ishma u d-disponiment tal-assi, u jiddikjaraw b’mod ċar li r-rimbors lill-investituri għandu jkun possibbli mill-jum ta’ wara d-data ta’ tmiem ħajjet l-ELTIF.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ ELTIF jistgħu jipprevedu l-possibbiltà ta’ rimbors matul il-ħajja tal-ELTIF, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

it-tifdijiet ma jingħatawx qabel it-tmiem ta’ perjodu minimu ta’ żamma jew qabel id-data speċifikata fl-Artikolu 17(1), il-punt (a);

(b)

meta tingħata l-awtorizzazzjoni u tul il-ħajja tal-ELTIF, il-maniġer tal-ELTIF ikun jista’ juri lill-awtoritajiet kompetenti tal-ELTIF li l-ELTIF ikollu fis-seħħ politika xierqa ta’ rimbors u għodod ta’ ġestjoni tal-likwidità li jkunu kompatibbli mal-istrateġija ta’ investiment tal-ELTIF fuq terminu twil;

(c)

il-politika ta’ rimbors tal-ELTIF tindika b’mod ċar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għat-tifdijiet;

(d)

il-politika ta’ rimbors tal-ELTIF tiżgura li r-rimbors ikun limitat għal persentaġġ tal-assi tal-ELTIF msemmi fl-Artikolu 9(1), il-punt (b);

(e)

il-politika ta’ rimbors tal-ELTIF tiżgura li l-investituri jiġu ttrattati b’mod ġust u r-rimbors jingħata fuq bażi pro rata jekk it-talbiet għar-rimbors jaqbeż il-persentaġġ imsemmi fil-punt (d) ta’ dan is-subparagrafu.

Il-kundizzjoni ta’ perjodu minimu ta’ żamma msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ma għandhiex tapplika għal ELTIFs alimentaturi li jinvestu fl-ELTIFs prinċipali tagħhom.

3.   Il-ħajja ta’ ELTIF għandha tkun konsistenti man-natura fuq terminu twil tal-ELTIF u għandha tkun kompatibbli maċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kull wieħed mill-assi individwali tal-ELTIF, imkejla skont il-profil ta’ illikwidità u ċ-ċiklu tal-ħajja ekonomika tal-assi, u l-objettiv tal-investiment iddikjarat tal-ELTIF.

4.   L-investituri dejjem għandu jkollhom l-għażla li jitħallsu lura fi flus.

5.   Il-ħlas lura in natura mill-assi ta’ ELTIF għandu jkun possibbli biss meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-ELTIF joffru dik il-possibbiltà, sakemm l-investituri kollha jiġu ttrattati b’mod ġust;

(b)

l-investitur jitlob bil-miktub biex jitħallas lura permezz ta’ sehem mill-assi tal-ELTIF;

(c)

l-ebda regola speċifika ma tirrestrinġi t-trasferiment ta’ dawn l-assi.

6.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi li fihom il-ħajja ta’ ELTIF titqies li hija kompatibbli maċ-ċikli tal-ħajja ta’ kull wieħed mill-assi individwali tal-ELTIF, kif imsemmi fil-paragrafu 3.

L-ESMA għandha wkoll tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċfikaw dan li ġej:

(a)

il-kriterji biex jiġi ddeterminat il-perjodu minimu ta’ parteċipazzjoni msemmi fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a);

(b)

l-informazzjoni minima li għandha tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti tal-ELTIF skont il-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b);

(c)

ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-ELTIF fir-rigward tal-politika ta’ rimbors tiegħu u l-għodod għall-ġestjoni tal-likwidità, imsemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punti (b) u (c); u

(d)

il-kriterji għall-valutazzjoni tal-persentaġġ imsemmi fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), filwaqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, il-flussi tal-flus u l-obbligazzjonijiet mistennija tal-ELTIF.

L-ESMA għandha tippreżenta l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Jannar 2024.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(11)

L-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ ELTIF ma għandhomx jipprevjenu lill-investituri milli jittrasferixxu liberament l-unitajiet jew l-ishma tagħhom lil partijiet terzi għajr il-maniġer tal-ELTIF, soġġetti għar-rekwiżiti regolatorji applikabbli u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-prospett tal-ELTIF.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-ELTIF jistgħu jipprevedu l-possibbiltà matul il-ħajja tal-ELTIF, ta’ tqabbil sħiħ jew parzjali tat-talbiet għat-trasferiment ta’ unitajiet jew ishma tal-ELTIF mill-investituri ħerġin mat-talbiet għat-trasferiment minn investituri potenzjali, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-maniġer tal-ELTIF ikollu politika għat-tqabbil tat-talbiet li tistabbilixxi b’mod ċar dawn kollha li ġejjin:

(i)

il-proċess ta’ trasferiment kemm għall-investituri eżistenti kif ukoll għal dawk potenzjali;

(ii)

ir-rwol tal-maniġer tal-ELTIF jew tal-amministratur tal-fond fit-twettiq tat-trasferimenti, u t-tqabbil tat-talbiet rispettivi;

(iii)

il-perjodi ta’ żmien li matulhom l-investituri ħerġin u dawk potenzjali huma permessi li jitolbu t-trasferiment ta’ ishma jew unitajiet tal-ELTIF;

(iv)

ir-regoli li jiddeterminaw il-prezz tal-eżekuzzjoni;

(v)

ir-regoli li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet ta’ prorazzjoni;

(vi)

iż-żmien u n-natura tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni fir-rigward tal-proċess ta’ trasferiment;

(vii)

it-tariffi, il-kostijiet u l-imposti, jekk ikun hemm, relatati mal-proċess ta’ trasferiment;

(b)

il-politika u l-proċeduri għat-tqabbil tat-talbiet tal-investituri ħerġin mill-ELTIF ma’ dawk tal-investituri potenzjali jiżguraw li l-investituri jiġu ttrattati b’mod ġust u, fejn ikun hemm diskrepanza bejn l-investituri ħerġin u dawk potenzjali, it-tqabbil jitwettaq fuq bażi pro rata;

(c)

it-tqabbil tat-talbiet jippermetti lill-maniġer tal-ELTIF jimmonitorja r-riskju tal-likwidità tal-ELTIF u t-tqabbil ikun kompatibbli mal-istrateġija ta’ investiment ta’ terminu twil tal-ELTIF.”;

(c)

jinżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi għall-użu tat-tqabbil previst fil-paragrafu 2a, inkluża l-informazzjoni li l-ELTIFs jeħtieġ li jiddivulgaw lill-investituri.

L-ESMA għandha tippreżenta l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Jannar 2024.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(12)

fl-Artikolu 21, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   ELTIF għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-ELTIF bid-disponiment tajjeb tal-assi tiegħu sabiex jifdi l-unitajiet jew l-ishma tal-investituri wara t-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF, mhux aktar tard minn sena qabel id-data tat-tmiem tal-ħajja tal-ELTIF. Fuq it-talba tal-awtorità kompetenti tal-ELTIF, l-ELTIF għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti tal-ELTIF skeda dettaljata għad-disponiment tajjeb tal-assi tiegħu.”;

(13)

fl-Artikolu 22, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   ELTIF jista’ jnaqqas il-kapital tiegħu fuq bażi pro rata f’każ ta’ disponiment ta’ assi matul il-ħajja tal-ELTIF, sakemm tali disponiment jitqies debitament mill-maniġer tal-ELTIF li jkun fl-interessi tal-investituri”.

(14)

l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

l-informazzjoni li għandha tiġi żvelata mill-impriżi ta’ investiment kollettiv tat-tip limitat skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5);

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).”;"

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Il-prospett ta’ ELTIF alimentatur għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dikjarazzjoni li l-ELTIF alimentatur huwa alimentatur ta’ ELTIF prinċipali u, bħala tali, jinvesti b’mod permanenti 85 % jew aktar mill-assi tiegħu f’unitajiet jew f’ishma ta’ dak l-ELTIF prinċipali;

(b)

l-objettiv u l-politika tal-investiment tal-ELTIF alimentatur, inklużi l-profil tar-riskju u jekk il-prestazzjoni tal-ELTIF alimentatur u tal-ELTIF prinċipali humiex identiċi, jew sa liema punt u għal liema raġunijiet huma differenti;

(c)

deskrizzjoni fil-qosor tal-ELTIF prinċipali, l-organizzazzjoni tiegħu, l-objettiv u l-politika tal-investiment tiegħu, inkluż il-profil tar-riskju, u indikazzjoni ta’ kif jista’ jinkiseb il-prospett tal-ELTIF prinċipali;

(d)

sommarju tal-ftehim konkluż bejn l-ELTIF alimentatur u l-ELTIF prinċipali jew tar-regoli interni dwar il-kondotta tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 29(6);

(e)

kif it-titolari tal-unitajiet jew it-titolari tal-ishma jistgħu jiksbu aktar informazzjoni dwar l-ELTIF prinċipali u l-ftehim konkluż bejn l-ELTIF alimentatur u l-ELTIF prinċipali msemmi fl-Artikolu 29(6);

(f)

deskrizzjoni tar-remunerazzjoni kollha jew tar-rimbors kollu tal-kostijiet li għandhom jitħallsu mill-ELTIF alimentatur bis-saħħa tal-investiment tiegħu f’unitajiet jew f’ishma tal-ELTIF prinċipali, kif ukoll tal-imposti aggregati tal-ELTIF alimentatur u tal-ELTIF prinċipali.”;

(c)

fil-paragrafu 5, jinżdied is-subparagrafu li ġej:

“Meta l-ELTIF jiġi kkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur, il-maniġer tal-ELTIF għandu jinkludi fir-rapport annwali tal-ELTIF alimentatur dikjarazzjoni dwar l-imposti aggregati tal-ELTIF alimentatur u l-ELTIF prinċipali. Ir-rapport annwali tal-ELTIF alimentatur għandu jindika kif jista’ jinkiseb r-rapport annwali tal-ELTIF prinċipali.”;

(15)

fl-Artikolu 25, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-prospett għandu jiddivulga proporzjon tal-kostijiet globali tal-ELTIF.”;

(16)

l-Artikolu 26 jitħassar;

(17)

l-Artikolu 27 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 27

Proċess ta’ valutazzjoni intern għall-ELTIFs li jistgħu jiġu kummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur

Il-maniġer ta’ ELTIF, li l-unitajiet jew l-ishma tiegħu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur, għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 16(3), mit-tieni sal-ħames u s-seba’ subparagrafi, tad-Direttiva 2014/65/UE u fl-Artikolu 24(2) ta’ dik id-Direttiva.”;

(18)

l-Artikolu 28 jitħassar;

(19)

fl-Artikolu 29 jinżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“6.   Fil-każ ta’ struttura prinċipali-alimentatriċi, l-ELTIF prinċipali għandu jipprovdi lill-ELTIF alimentatur id-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tal-aħħar jissodisfa r-rekwiżiti stipulati ta’ dan ir-Regolament. Għal dak l-iskop, l-ELTIF alimentatur għandu jidħol fi ftehim mal-ELTIF prinċipali.

Il-ftehim imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun disponibbli, fuq talba u mingħajr ħlas, għat-titolari kollha tal-unitajiet jew tal-ishma. Fil-każ li kemm l-ELTIF prinċipali kif ukoll l-ELTIF alimentatur ikunu ġestiti mill-istess maniġer tal-ELTIF, il-ftehim jista’ jiġi sostitwit b’regoli interni dwar il-kondotta tal-operazzjonijiet li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan il-paragrafu.

7.   Meta l-ELTIF prinċipali u l-ELTIF alimentatur ikollhom depożitarji differenti, dawk id-depożitarji għandhom jidħlu fi ftehim ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni sabiex jiżguraw it-twettiq tad-dmirijiet taż-żewġ depożitarji. L-ELTIF alimentatur ma għandux jinvesti f’unitajiet jew ishma tal-ELTIF prinċipali qabel ma tali ftehim ikun sar effettiv.

Meta jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan il-paragrafu, la d-depożitarju tal-ELTIF prinċipali u lanqas dak tal-ELTIF alimentatur ma għandhom jinstabu li jkunu qed jiksru kwalunkwe regola li tirrestrinġi d-divulgazzjoni tal-informazzjoni jew li tirrigwardja l-protezzjoni tad-data, fejn tali regoli jkunu previsti f’kuntratt jew f’liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva. Tali konformità ma għandha tagħti lok għall-ebda responsabbiltà min-naħa ta’ tali depożitarju jew kwalunkwe persuna li taġixxi f’ismu.

L-ELTIF alimentatur jew, fejn applikabbli, il-maniġer tal-ELTIF alimentatur, għandhom ikunu inkarigati li jikkomunikaw lid-depożitarju tal-ELTIF alimentatur kwalunkwe informazzjoni dwar l-ELTIF prinċipali li hija meħtieġa għall-ikkompletar tad-dmirijiet tad-depożitarju tal-ELTIF alimentatur. Id-depożitarju tal-ELTIF prinċipali għandu jinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tal-ELTIF prinċipali, tal-ELTIF alimentatur jew, fejn applikabbli, tal-maniġer u tad-depożitarju tal-ELTIF alimentatur, bi kwalunkwe irregolarità li jsib fir-rigward tal-ELTIF prinċipali li titqies li għandha impatt negattiv fuq l-ELTIF alimentatur.”;

(20)

l-Artikolu 30 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 30

Rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw id-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIFs lil investituri fil-livell tal-konsumatur

1.   L-unitajiet jew l-ishma ta’ ELTIF jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss lil investitur fil-livell tal-konsumatur meta tkun twettqet valutazzjoni tal-adegwatezza f’konformità mal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2014/65/UE u tkun ingħatat dikjarazzjoni dwar l-adegwatezza lil dak l-investitur fil-livell tal-konsumatur f’konformità mal-Artikolu 25(6), it-tieni u t-tielet subparagrafi, ta’ dik id-Direttiva.

Il-valutazzjoni tal-adegwatezza kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha titwettaq irrispettivament minn jekk l-unitajiet jew l-ishma tal-ELTIF ikunux akkwistati minn investituri fil-livell tal-konsumatur mingħand id-distributur jew il-maniġer tal-ELTIF, jew permezz tas-suq sekondarju f’konformità mal-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament.

Il-kunsens espliċitu tal-investitur fil-livell tal-konsumatur li jindika li l-investitur jifhem ir-riskji li jinvesti f’ELTIF għandu jinkiseb meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-valutazzjoni tal-adegwatezza ma tingħatax fil-kuntest ta’ konsulenza dwar l-investiment;

(b)

l-ELTIF jitqies li ma jkunx adegwat għall-investitur fil-livell tal-konsumatur abbażi tal-valutazzjoni tal-adegwatezza mwettqa skont l-ewwel subparagrafu;

(c)

l-investitur fil-livell tal-konsumatur ikun jixtieq jipproċedi bit-tranżazzjoni minkejja l-fatt li l-ELTIF jitqies mhux adegwat għal dak l-investitur.

Id-distributur jew il-maniġer tal-ELTIF, meta dan tal-aħħar joffri jew iqiegħed direttament unitajiet jew ishma ta’ ELTIF lil investitur fil-livell tal-konsumatur, għandu jistabbilixxi rekord kif imsemmi fl-Artikolu 25(5) tad-Direttiva 2014/65/UE.

2.   Id-distributur jew il-maniġer tal-ELTIF, meta dan tal-aħħar joffri jew iqiegħed direttament unitajiet jew ishma ta’ ELTIF lil investitur fil-livell tal-konsumatur, għandu joħroġ twissija ċara bil-miktub li tgħarraf lill-investitur fil-livell tal-konsumatur dwar li ġej:

(a)

meta l-ħajja ta’ ELTIF li jiġi offrut lil investituri fil-livell tal-konsumatur, jew li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom, taqbeż l-10 snin, li l-prodott tal-ELTIF jista’ ma jkunx adattat għall-investituri fil-livell tal-konsumatur li ma jistgħux isostnu tali impenn illikwidu u fit-tul;

(b)

meta r-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ ELTIF jipprevedu l-possibbiltà tat-tqabbil tal-unitajiet jew l-ishma tal-ELTIF kif imsemmi fl-Artikolu 19(2a), li d-disponibbiltà ta’ tali possibbiltà ma tiggarantix jew ma tintitolax lill-investitur fil-livell tal-konsumatur biex joħroġ jew jifdi l-unitajiet jew l-ishma tiegħu tal-ELTIF ikkonċernat.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw meta l-investitur fil-livell tal-konsumatur ikun membru ta’ persunal superjuri, jew maniġer ta’ portafoll, direttur, uffiċjal, jew aġent jew impjegat tal-maniġer tal-ELTIF, jew ta’ affiljat tal-maniġer tal-ELTIF, u jkollu biżżejjed għarfien dwar l-ELTIF.

4.   ELTIF alimentatur għandu jiddivulga fil-komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tiegħu li huwa jinvesti b’mod permanenti 85 % jew aktar mill-assi tiegħu f’unitajiet jew ishma tal-ELTIF prinċipali.

5.   Ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ ELTIF ikkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur fil-klassi rilevanti ta’ unitajiet jew ishma għandhom jistabbilixxu li l-investituri kollha jibbenefikaw minn trattament ugwali u li ma jingħata l-ebda trattament preferenzjali jew benefiċċju ekonomiku speċifiku lil investituri individwali jew gruppi ta’ investituri fi ħdan il-klassi jew klassijiet rilevanti.

6.   Il-forma ġuridika ta’ ELTIF ikkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur ma għandiex twassal għal xi responsabbiltà ulterjuri għall-investitur fil-livell tal-konsumatur jew tirrikjedi xi impenji addizzjonali f’isem tali investitur, minbarra l-impenn ta’ kapital oriġinali.

7.   L-investituri fil-livell tal-konsumatur għandhom ikunu jistgħu, matul il-perjodu ta’ sottoskrizzjoni u matul perjodu ta’ ġimagħtejn wara l-iffirmar tal-ftehim inizjali ta’ impenn jew ta’ sottoskrizzjoni tal-unitajiet jew tal-ishma tal-ELTIF, jikkanċellaw is-sottoskrizzjoni tagħhom u jingħataw flushom lura mingħajr penali.

8.   Il-maniġer ta’ ELTIF ikkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur għandu jistabbilixxi proċeduri u arranġamenti xierqa biex jittratta l-ilmenti tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, li għandhom jippermettu lill-investituri fil-livell tal-konsumatur iressqu lmenti fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tagħhom.”;

(21)

l-Artikolu 31, il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

il-prospett tal-ELTIF; u

(b)

id-dokument bl-informazzjoni ewlenija tal-ELTIF fl-eventwalità li jiġi kkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur.”;

(b)

il-punt (c) jitħassar;

(22)

fl-Artikolu 34, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Is-setgħat tal-ESMA f’konformità mad-Direttiva 2011/61/UE għandhom wkoll jiġu eżerċitati fir-rigward ta’ dan ir-Regolament u f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6).

(*6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”;"

(23)

l-Artikolu 37 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 37

Rieżami

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha tanalizza mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

il-punt sa fejn l-ELTIFs huma kkummerċjalizzati fl-Unjoni, inkluż jekk l-AIFMs imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE jistax ikollhom interess fil-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIFs;

(b)

l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-ELTIFs, kif stabbilit fl-Artikoli minn 3 sa 6;

(c)

jekk id-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistru pubbliku ċentrali tal-ELTIFs kif stipulati fl-Artikolu 3 għandhomx jiġu aġġornati;

(d)

jekk il-lista ta’ assi u investimenti eliġibbli, ir-rekwiżiti ta’ kompożizzjoni u ta’ diversifikazzjoni tal-portafoll, ir-regoli dwar il-konċentrazzjoni u l-limiti rigward it-teħid b’self ta’ flus, għandhomx jiġu aġġornati.

(e)

l-impatt tal-applikazzjoni tal-limiti ta’ investiment għall-assi ta’ investiment eliġibbli stipulata fl-Artikolu 13(1) fuq id-diversifikazzjoni tal-assi;

(f)

jekk jenħtieġx li d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kunflitti ta’ interess stabbiliti fl-Artikolu 12 jiġu aġġornati;

(g)

l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 u l-impatt ta’ dik l-applikazzjoni fuq il-politika ta’ rimbors u l-ħajja tal-ELTIFs;

(h)

jekk ir-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fil-Kapitolu IV humiex xierqa;

(i)

jekk id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ unitajiet jew ishma tal-ELTIFs stipulati fil-Kapitolu V humiex xierqa u jiżgurawx protezzjoni effettiva tal-investituri, inklużi l-investituri fil-livell tal-konsumatur;

(j)

jekk l-ELTIFs għamlux kontribut sinifikanti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni bħal dawk stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u f’oqsma prijoritarji oħra.

2.   Abbażi tar-rieżami msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha sal-10 ta’ April 2030, u wara li tikkonsulta lill-ESMA, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jivvaluta l-kontribut ta’ dan ir-Regolament u tal-ELTIFs għat-tlestija tal-unjoni tas-swieq kapitali u għall-ilħuq tal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 1(2). Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta leġiżlattiva.”;

(24)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 37a

Rieżami tal-aspetti ta’ sostenibbiltà tal-ELTIFs

Sal-11 ta’ Jannar 2026, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġiżlattiva, dwar mill-inqas dan li ġej:

(a)

jekk il-ħolqien ta’ deżinjazzjoni fakultattiva ta’ “ELTIF ikkummerċjalizzat bħala ambjentalment sostenibbli” jew “ELTIF ekoloġiku” huwiex fattibbli, u b’mod partikolari:

(i)

jekk tali deżinjazzjoni għandhiex tkun riżervata għall-ELTIFs li jkunu prodotti finanzjarji li għandhom l-investiment sostenibbli bħala l-objettiv tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7);

(ii)

jekk tali deżinjazzjoni għandhiex tkun riżervata għal ELTIFs li jinvestu l-assi eliġibbli kollha jew parti sinifikanti minnhom jew l-assi totali tagħhom f’attivitajiet sostenibbli u, jekk ikun il-każ, kif għandha tiġi definita l-parti sinifikanti;

(iii)

jekk l-attivitajiet sostenibbli jistgħux jintrabtu mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-atti delegati adottati skont l-Artikoli 10(3), 11(3), 12(2), 13(2), 14(2) u 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8);

(b)

jekk għandux ikun hemm obbligu ġenerali li l-ELTIFs jikkonformaw fid-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” skont it-tifsira tal-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) 2019/2088, jew jekk dak l-obbligu għandux ikun limitat għal ELTIFs ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli jew bħala ELTIFs ekoloġiċi, fl-eventwalità li tali deżinjazzjoni fakultattiva titqies fattibbli;

(c)

jekk hemmx xi potenzjal li l-qafas għall-ELTIFs jittejjeb billi jingħata kontribut aktar sinifikanti għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, mingħajr ma tiġi mminata n-natura tal-ELTIFs.

(*7)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1)."

(*8)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).”."

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-10 ta’ Jannar 2024.

L-ELTIFs awtorizzati skont u konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2015/760 applikabbli qabel l-10 ta’ Jannar 2024 għandha titqies li tikkonforma ma’ dan ir-Regolament sal-11 ta’ Jannar 2029. L-ELTIFs awtorizzati skont u konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2015/760 applikabbli qabel l-10 ta’ Jannar 2024, li ma jiġġenerawx kapital addizzjonali, għandhom jitqiesu li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

Minkejja t-tielet subparagrafu, ELTIF awtorizzat qabel l-10 ta’ Jannar 2024, jistgħu jagħżlu li jkunu soġġetti għal dan ir-Regolament, dment li l-awtorità kompetenti tal-ELTIF tiġi nnotifikata b’dan.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Marzu 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)   ĠU C 290, 29.7.2022, p. 64.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Frar 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2023.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(8)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).

(10)  Id-Direttiva (UE) 2019/1160 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE fir-rigward tad-distribuzzjoni transfruntiera ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 106).

(11)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(12)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).


Top