EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0952

2008/952/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Novembru 2008 li tistabbilixxi linji ta’ gwida dettaljati għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Anness II tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 7294) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 338, 17.12.2008, p. 55–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/952/oj

17.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 338/55


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Novembru 2008

li tistabbilixxi linji ta’ gwida dettaljati għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Anness II tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 7294)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/952/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 fuq il-promozzjoni ta’ koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (1), u b’mod partikolari l-punt (e) tal-Anness II tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2004/8/KE tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ garanziji tal-oriġini għall-elettriċità prodotta permezz tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja.

(2)

Din l-elettriċità għandha tkun iġġenerata fi proċess relatat mal-produzzjoni ta’ sħana utli u kkalkolat skont il-metodoloġija stabbilita fl-Anness II għad-Direttiva 2004/8/KE.

(3)

Sabiex tkun żgurata l-armonizzazzjoni fil-metodoloġija li tintuża għall-kalkolazzjoni tal-elettriċità prodotta permezz tal-koġenerazzjoni, jeħtieġ li jiġu adottati Linji ta’ Gwida li jiċċaraw il-proċeduri u d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II għad-Direttiva 2004/8/KE.

(4)

Barra minn hekk, dawn il-Linji ta’ Gwida għandhom jippermettu li l-Istati Membri jkunu jistgħu jittrasponu b’mod sħiħ partijiet kruċjali tad-Direttiva 2004/8/KE, bħal ma huma l-garanziji tal-oriġini u l-istabbiliment ta’ skemi ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja. Għandhom jipprovdu aktar ċertezza legali għas-suq tal-enerġija fil-Komunità u b’hekk jikkontribwixxu biex jitneħħew l-ostakoli għal investimenti ġodda. Għandhom jgħinu wkoll biex jipprovdu kriterji ċari għall-eżaminazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna mill-istat u appoġġ finanzjarju għall-koġenerazzjoni minn fondi tal-Komunità.

(5)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma fi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2004/8/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji ta’ gwida dettaljati li jiċċaraw il-proċeduri u d-definizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-metodoloġija biex tiġi kkalkolata l-elettriċità prodotta permezz tal-koġenerazzjoni, stabbiliti fl-Anness II għad-Direttiva 2004/8/KE, huma stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Il-linji ta’ gwida għandhom jistabbilixxu metodoloġija armonizzata biex jiġi kkalkolat dan l-ammont ta’ elettriċità.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 19 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 52, 21.2.2004, p. 50.


ANNESS

Linji ta’ gwida dettaljati għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-anness ii għad-Direttiva 2004/8/KE

I.   Kalkolazzjoni tal-elettriċità prodotta permezz tal-koġenerazzjoni

1.   Impjant ta’ koġenerazzjoni li jopera bl-akbar irkupru ta’ sħana teknikament possibbli mill-impjant ta’ koġenerazzjoni nnifsu jingħad li jkun qed jopera fi stat ta’ koġenerazzjoni totali. Is-sħana għandha tiġi prodotta fil-livelli ta’ pressjoni u temperatura fis-sit li huma meħtieġa għad-domanda speċifika jew għas-suq speċifiku ta’ sħana utli. Fil-każ tal-istat ta’ koġenerazzjoni totali, l-elettriċità kollha titqies bħala elettriċità CHP (combined heat and power – sħana u enerġija flimkien) (ara l-Grafika 1).

2.   Fil-każijiet fejn l-impjant normalment ma joperax fl-istat ta’ koġenerazzjoni totali, ikun meħtieġ li jiġu identifikati l-elettriċità u s-sħana li ma jkunux prodotti fl-istat ta’ koġenerazzjoni, u li dawn jiġu distinti mill-produzzjoni CHP. Dan għandu jsir abbażi tal-prinċipji li jiddefinixxu l-konfini tas-CHP deskritti fit-Taqsima II. L-input u l-output ta’ enerġija ta’ bojlers li jiġġeneraw l-enerġija fil-forma ta’ sħana biss (bojlers top-up, back-up) li f’ħafna każijiet ikunu parti mill-istallazzjonijiet tekniċi fis-sit għandhom jiġu esklużi, kif muri fil-Grafika 1. Il-vleġeġ li jidhru fil-kwadru tal-“Impjant ta’ Koġenerazzjoni” juru l-fluss tal-enerġija fil-konfini tas-sistema.

Grafika 1

Il-parti CHP, il-parti mhux CHP u bojlers li jiġġeneraw l-enerġija fil-forma ta’ sħana biss

Image

3.   Fil-każ tal-impjanti ta’ mikrokoġenerazzjoni, il-valuri ċertifikati għandhom jinħarġu, jiġu approvati jew sorveljati mill-awtorità nazzjonali jew mill-entità kompetenti maħtura minn kull Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/8/KE.

4.   L-elettriċità prodotta permezz tal-koġenerazzjoni tiġi kkalkolata bi proċedura li tinkludi dawn il-ħames “passi”:

5.   Pass Nru. 1

5.1.

Sabiex isir magħruf liema parti tal-elettriċità prodotta ma titqiesx bħala elettriċità prodotta permezz tal-koġenerazzjoni, jeħtieġ li l-ewwel tiġi kkalkolata l-effiċjenza globali tal-impjant ta’ koġenerazzjoni.

5.2.

L-effiċjenza globali ta’ impjant ta’ koġenerazzjoni tiġi kkalkolata b’dan il-mod: l-output ta’ enerġija tal-impjant CHP (elettriċità, enerġija mekkanika (1) u sħana utli) tul perjodu definit ta’ rappurtar jiġi diviż bl-input tal-fjuwil lill-impjant ta’ koġenerazzjoni tul l-istess perjodu ta’ rappurtar, jiġifieri

Effiċjenza globali = (output ta’ enerġija)/(input tal-fjuwil)

5.3.

Il-kalkolu tal-effiċjenza globali għandu jkun ibbażat fuq id-dejta reali tal-operat li tittieħed mill-valuri mkejla realment/irreġistrati tal-impjant speċifiku ta’ koġenerazzjoni, li jinġabru tul il-perjodu ta’ rappurtar. Il-valuri ġeneriċi jew iċċertifikati li jingħataw mill-manifattur (skond it-teknoloġija speċifika) ma jistgħux jintużaw (2).

5.4.

Il-perjodu ta’ rappurtar tfisser il-perjodu li matulu l-impjant ta’ koġenerazzjoni jiġi operat u li għalih meħtieġ jiġi stabbilit l-output ta’ elettriċità. Normalment, ir-rappurtar isir fuq bażi annwali. Madankollu, jista’ jsir għal perjodi iqsar. Il-perjodu massimu hu ta’ sena, filwaqt li dak minimu hu ta’ siegħa. Il-perjodi ta’ rappurtar jistgħu jvarjaw mill-frekwenza tal-kejl tal-valuri.

5.5.

L-output ta’ enerġija tfisser l-enerġija elettrika totali (CHP u mhux CHP) u s-sħana utli (HCHP) iġġenerati fl-impjant CHP tul perjodu ta’ rappurtar.

5.6.

Skond id-definizzjonijiet fl-Artikoli 3(b) u 3(c) tad-Direttiva 2004/8/KE, dawn it-tipi ta’ sħana jistgħu jitqiesu bħala sħana utli (HCHP): sħana li tintuża għat-tisħin fi proċessi jew għat-tisħin ta’ spazji u/jew li tingħata għal skopijiet ta’ tkessiħ sussegwenti; sħana li tingħata lil netwerks ta’ tisħin/tkessiħ ta’ distretti; gassijiet tal-egżost minn proċessi ta’ koġenerazzjoni, liema gassijiet jintużaw għal skopijiet ta’ tisħin u tnixxif dirett.

5.7.

Dawn huma eżempji ta’ sħaniet li mhumiex sħaniet utli: sħana li tintrema fl-ambjent mingħajr użu ta’ ġid (3); sħana li tintilef minn ċmieni jew egżosts; sħana li tintrema minn tagħmir bħall-kondensaturi jew radjaturi li jarmu s-sħana; Sħana li tintuża internament għat-tneħħija tal-arja, għat-tisħin tal-kondensat, għat-tisħin ta’ ilma għar-riforniment u ta’ ilma tal-bojlers li jintuża fit-tħaddim ta’ bojlers fil-konfini tal-impjant ta’ koġenerazzjoni, bħal ma huma bojlers li jirkupraw lura s-sħana minn proċessi oħra (heat recovery boilers). Il-kontenut ta’ sħana tal-kondensat li jerġa’ lura għall-impjant ta’ koġenerazzjoni (eż., wara li jintuża għat-tisħin ta’ distrett jew f’xi proċess industrijali) ma jitqiesx bħala sħana utli u jista’ jitnaqqas mill-fluss ta’ sħana assoċjat mal-produzzjoni ta’ stim, f’konsistenza mal-prattiċi fl-Istati Membri.

5.8.

Is-sħana esportata li tintuża fil-ġenerazzjoni tal-enerġija f’sit ieħor ma tikkwalifikax bħala sħana utli, iżda titqies bħala parti mit-trasferiment intern tas-sħana fl-impjant ta’ koġenerazzjoni. F’dan il-każ, l-elettriċità ġġenerata minn din is-sħana esportata hi inkluża fl-output totali tal-elettriċità (ara l-Grafika 4).

5.9.

Elettriċità mhux CHP tfisser l-enerġija elettrika ġġenerata permezz ta’ impjant ta’ koġenerazzjoni matul perjodu ta’ rappurtar waqt li tkun qed isseħħ xi waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet: ebda sħana relatata ma tkun prodotta permezz tal-proċess ta’ koġenerazzjoni jew parti mis-sħana prodotta ma tistax titqies bħala sħana utli.

5.10.

Il-ġenerazzjoni ta’ elettriċità mhux CHP tista’ sseħħ f’dawn il-każijiet:

(a)

fi proċessi li ma jkollhomx biżżejjed domanda għal sħana utli jew li ma jkollhom ebda ġenerazzjoni ta’ enerġija mis-sħana utli (eż., turbini tal-gass, magni b’kombustjoni interna u ċelloli tal-fjuwil li ma jużaw l-ebda sħana jew ftit wisq);

(b)

fi proċessi li jkollhom faċilitajiet ta’ tneħħija ta’ sħana (eż., fil-parti tal-kondensazzjoni ta’ impjanti tal-enerġija bl-użu ta’ stim u impjanti tal-enerġija bl-użu ta’ ċikli kombinati li jkollhom turbini tal-estrazzjoni/kondensazzjoni ta’ stim).

5.11.

L-input tal-fjuwil tfisser l-enerġija totali mill-fjuwil (CHP u mhux CHP) abbażi tal-lower heating value meħtieġ biex tiġi ġġenerata l-enerġija elettrika (CHP u mhux CHP) u s-sħana prodotta fil-proċess ta’ koġenerazzjoni tul il-perjodu ta’ rappurtar. Fost l-eżempji ta’ inputs ta’ fjuwil insibu s-sustanzi kombustibbli, stim u aġenti oħra tas-sħana, u s-sħana bla użu minn proċessi li tintuża fl-impjanti ta’ koġenerazzjoni għall-ġenerazzjoni tal-elettriċità (4). Il-kondensat li jerġa’ lura mill-impjant ta’ koġenerazzjoni (fil-każ ta’ output ta’ stim) ma jitqiesx bħala input tal-fjuwil.

5.12.

Enerġija tal-fjuwil CHP tfisser l-enerġija tal-fjuwil abbażi l-lower heating value meħtieġa mill-proċess ta’ koġenerazzjoni biex tiġi koġenerata l-enerġija elettrika CHP u l-enerġija mis-sħana utli tul perjodu ta’ rappurtar (ara l-Grafika 1).

5.13.

Enerġija tal-fjuwil mhux CHP tfisser l-enerġija tal-fjuwil, abbażi l-lower heating value, meħtieġa minn impjant tas-CHP għall-produzzjoni ta’ sħana li ma titqiesx bħala sħana utli u/jew enerġija elettrika mhux CHP tul perjodu ta’ rappurtar (ara l-Grafika 1).

6.   Pass Nru. 2

6.1.

L-output kollu tal-enerġija elettrika mkejjel flimkien mal-output kollu tas-sħana utli mkejjel jistgħu jitqiesu fl-applikazzjoni tal-metodoloġija li tintuża biex tiġi kkalkolata l-effiċjenza tal-proċess ta’ koġenerazzjoni jekk l-effiċjenza globali tal-impjant ta’ koġenerazzjoni tkun daqs jew ogħla minn

(a)

80 % fil-każ ta’ “Turbini tal-gass b’ċiklu kombinat u bl-irkupru tas-sħana” u “Impjanti li jkollhom turbini tal-kondensazzjoni tal-istim”, u

(b)

75 % fil-każ ta’ tipi oħra ta’ impjanti ta’ koġenerazzjoni,

kif indikat fl-Anness II għad-Direttiva,

6.2.

Għal impjanti ta’ mikrokoġenerazzjoni (sa 50 kWe) li verament joperaw fl-istat ta’ koġenerazzjoni, l-effiċjenza globali li tiġi kkalkolata (skond il-Pass Nru. 1) tista’ tiġi pparagunata mal-valuri ċċertifikati li jingħataw mill-manifattur sakemm it-tfaddil ta’ enerġija primarja (PES – primary energy savings), kif definit fl-Anness III punt (b) għad-Direttiva 2004/8/KE, ikun aktar minn żero.

7.   Pass Nru. 3

7.1.

Jekk l-effiċjenza globali tal-impjant ta’ koġenerazzjoni tkun inqas mill-valuri ta’ limitu (75 %-80 %), tista’ sseħħ ġenerazzjoni ta’ elettriċità mhux CHP u l-impjant jista’ jitqies maqsum f’żewġ partijiet virtwali, il-parti CHP u l-parti mhux CHP.

7.2.

Għall-parti CHP, l-operatur tal-impjant għandu jikkontrolla l-għamla tat-tagħbija (id-domanda għas-sħana utli) u jevalwa jekk l-impjant ikunx qed jopera fi stat ta’ koġenerazzjoni totali f’ċerti perjodi. Jekk dan ikun il-każ, l-operatur tal-impjant għandu jkejjel l-output attwali ta’ enerġija termali u ta’ enerġija elettrika mill-impjant tal-koġenerazzjoni f’din is-sitwazzjoni u matul dawn il-perjodi. Din id-dejta għandha tgħinu biex jikkalkola il-“proporzjon ta’ enerġija elettrika għal enerġija termali” reali (Cactual) (5).

7.3.

Permezz ta’ dan il-“proporzjon ta’ enerġija elettrika għal enerġija termali” reali, l-operatur ikun jista’ jikkalkola liema parti tal-elettriċità mkejla tul il-perjodu ta’ rappurtar għandha titqies bħala elettriċità CHP, skond il-formola ECHP = HCHP * Cactual.

7.4.

Fil-każ ta’ impjanti ta’ koġenerazzjoni li jkunu għadhom fil-fażi ta’ żvilupp jew fl-ewwel sena ta’ tħaddim, meta ma tkunx tista’ tiġi stabbilita dejta mkejla, jista’ jintuża l-“proporzjon ta’ enerġija elettrika għal enerġija termali” tal-fażi tad-disinn (Cdesign). L-elettriċità CHP tiġi kkalkolata skond il-formola ECHP = HCHP * Cdesign.

8.   Pass Nru. 4

8.1.

Jekk il-“proporzjon ta’ enerġija elettrika għal enerġija termali” reali tal-impjant ta’ koġenerazzjoni ma jkunx magħruf, l-operatur tal-impjant jista’ juża l-“proporzjon ta’ enerġija elettrika għal enerġija termali” kontumaċja (Cdefault), kif speċifikat fl-Anness II tad-Direttiva 2004/8/KE, biex jikkalkola l-elettriċità CHP. L-elettriċità CHP tiġi kkalkolata skond il-formola ECHP = HCHP * Cdefault.

8.2.

Madankollu, f’dan il-każ, l-operatur għandu jinnotifika lill-awtorità nazzjonali jew lill-entità kompetenti li tinħatar minn kull Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva, bir-raġunijiet għalfejn ma għandux “proporzjon ta’ enerġija elettrika għal enerġija termali” reali magħruf, il-perjodu li għalih ma hemmx dejta u l-miżuri li ttieħdu biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

9.   Pass Nru. 5

9.1.

Imbagħad, l-elettriċità kkalkolata fil-Pass Nru. 3 u fil-Pass Nru. 4 għandha titqies fl-applikazzjoni tal-metodoloġija li tintuża biex tiġi kkalkolata l-effiċjenza tal-proċess ta’ koġenerazzjoni, inkluż il-kalkolu tat-tfaddil ta’ enerġija primarja (PES) tal-proċess ta’ koġenerazzjoni.

9.2.

Sabiex jiġi kkalkolat it-tfaddil ta’ enerġija primarja, jeħtieġ li jiġi kkalkolat il-konsum tal-fjuwil mhux CHP. Il-konsum tal-fjuwil mhux CHP jiġi kkalkolat bħala l-ammont ta’ “produzzjoni ta’ elettriċità mhux CHP” diviża bil-“valur tal-effiċjenza speċifika tal-impjant għall-produzzjoni tal-elettriċità”.

II.   Konfini tas-sistema ta’ koġenerazzjoni

1.   Il-konfini ta’ sistema ta’ koġenerazzjoni għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċess ta’ koġenerazzjoni nnifsu. Għandu jkun hemm miters disponibbli għall-monitoraġġ u dawn għandhom jitqiegħdu f’dawn il-konfini biex jiġi indikat l-input u l-output.

2.   Impjant ta’ koġenerazzjoni jwassal prodotti tal-enerġija f’żona ta’ konsum. Iż-żona ta’ konsum mhix proprjetà tal-impjant ta’ koġenerazzjoni, iżda tuża l-outputs tal-enerġija ġġenerati mill-impjant ta’ koġenerazzjoni. Iż-żewġ żoni mhumiex neċessarjament żoni ġeografiċi differenti fl-istess sit, iżda, aktar huma żoni li jistgħu jiġu indikati kif jidher hawn taħt. Iż-żona ta’ konsum tista’ tkun proċess industrijali, konsumatur individwali ta’ enerġija termali jew elettrika, sistema ta’ tisħin/tkessiħ ta’ distrett, u/jew netwerk tal-elettriku. Fil-każijiet kollha, iż-żona ta’ konsum tuża l-outputs tal-enerġija li jiġu prodotti mill-impjant ta’ koġenerazzjoni (ara l-Grafika 2).

Grafika 2

Iż-żona tal-impjant ta’ koġenerazzjoni

Image

3.   L-output tal-elettriċità CHP għandu jiġi mkejjel fil-punt tat-terminals tal-ġeneratur, u minnu ma għandu jitnaqqas ebda konsum intern għat-tħaddim tal-impjant ta’ koġenerazzjoni. L-output tal-enerġija ma għandux jitnaqqas bl-enerġija elettrika li tintuża internament.

4.   Tagħmir ieħor li jipproduċi s-sħana jew l-elettriċità, bħal bojlers li jiġġeneraw l-enerġija fil-forma ta’ sħana biss u impjanti tal-enerġija li jipproduċu enerġija elettrika biss u li ma jikkontribbwixxux għal proċess ta’ koġenerazzjoni, ma għandhomx jiġu inklużi bħala parti mill-impjant ta’ koġenerazzjoni kif muri fil-Grafika 3.

Grafika 3

Għażla tal-konfini tas-sistema korretti fil-każ ta’ bojlers awżiljarji/standby (GT: Turbini tal-gass; G: Ġeneratur; FB: Bojler tal-fjuwil; HRB: Bojler li jirkupra s-sħana)

ŻBALJATI

KORRETTI

Image

Image

5.   It-turbini tal-istim sekondarji (ara l-Grafika 4) għandhom jiġu inklużi bħala parti mill-impjant ta’ koġenerazzjoni. L-output tal-enerġija elettrika tat-turbini tal-istim sekondarji jifforma parti mill-outputs tal-enerġija mill-impjant ta’ koġenerazzjoni. L-enerġija termali meħtieġa għall-produzzjoni ta’ dawn l-outputs addizzjonali tal-enerġija elettrika għandha tiġi eskluża mill-output tas-sħana utli tal-impjant ta’ koġenerazzjoni globali.

Grafika 4

Għażla tal-konfini tas-sistema korretti fil-każ ta’ turbini tal-istim sekondarji (ST: Turbina tal-istim)

ŻBALJATI

KORRETTI

Image

Image

6.   Meta l-prime movers (jiġifieri l-magna jew it-turbina) ikunu konnessi in series (fejn is-sħana li toħroġ minn prime mover tintuża għall-produzzjoni ta’ stim għat-turbina tal-istim), il-prime movers ma jistgħux jitqiesu separatament, anke jekk it-turbina tal-istim tkun f’sit differenti (ara l-Grafika 5)

Grafika 5

Konfini tal-impjant ta’ koġenerazzjoni għal prime movers konnessi ma’ xulxin.

Image

7.   Meta l-ewwel prime mover ma jkunx qed jipproduċi enerġija elettrika jew mekkanika, il-konfini tal-impjant ta’ koġenerazzjoni għandhom ikunu madwar it-tieni prime mover. L-input tal-fjuwil għal dan it-tieni prime mover huwa l-output tas-sħana tal-ewwel prime mover.


(1)  L-enerġija mekkanika titqies bħala termodinamikament ekwivalenti għall-elettriċità b’fattur ta’ 1.

(2)  Għajr għall-impjanti ta’ mikrokoġenerazzjoni, ara l-Pass 2 (§6.2).

(3)  Inkluż it-telf ta’ enerġija termali li ma jistax jiġi evitat u sħana prodotta mill-impjant ta’ koġenerazzjoni “għal domanda ta’ enerġija li mhix ekonomikament ġustifikabbli”.

(4)  L-inputs tal-fjuwil għandhom jitkejlu f’unitajiet ekwivalenti b’referenza għall-fjuwil ewlieni li jintuża biex jiġu prodotti dawn l-inputs tal-fjuwil.

(5)  Il-proporzjon ta’ enerġija elettrika għal enerġija termali li jintuża biex tiġi kkalkolata l-elettriċità CHP jista’ jintuża wkoll biex tiġi kkalkolata l-kapaċità elettrika CHP f’każ li l-impjant ma jkunx jista’ jiġi operat fl-istat ta’ koġenerazzjoni totali, kif ġej: PCHP = QCHP* C fejn PCHP hija l-kapaċità elettrika CHP, QCHP hija l-kapaċità ta’ sħana CHP u C hija l-proporzjon bejn il-potenza u s-sħana.


Top