Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem

Il-prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan għandu l-għan li jistabbilixxi regoli dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa tal-annimali għall-prodotti sekondarji tal-annimali* u prodotti derivati* fl-Unjoni Ewropea (UE).
  • Dawn ir-regoli huma mfassla biex jipprevjenu u jnaqqsu r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u biex jiżguraw li l-katina tal-ikel u l-għalf tkun sikura.

PUNTI EWLENIN

  • Il-leġiżlazzjoni tapplika għal:
    • prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom li, bil-liġi, ma jistgħux jintużaw għall-konsum mill-bniedem;
    • prodotti ta’ oriġini mill-annimali li jistgħu jintużaw għall-konsum mill-bniedem iżda li minflok jintużaw għal skopijiet oħra;
    • materja prima għall-manifattura ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem.
  • Il-produtturi prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati għandhom jiżguraw li dawn ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni mill-bidu sat-tmiem tal-katina tal-manifattura.
    • Dawn għandhom iżommu rekord tal-prodotti li jibagħtu, li jittrasportaw jew li jirċievu, flimkien mad-dokumentazzjoni meħtieġa.
    • Għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali bil-prodotti u bil-bini li jużaw matul il-katina tal-manifattura. Dawn tal-aħħar għandhom jissodisfaw ċerti standards ta’ iġjene u jeħtieġu approvazzjoni formali.
  • Stati Membri tal-UE joperaw kontrolli uffiċjali biex jiżguraw li l-produtturi jiġbru, jidentifikaw u jittrasportaw prodotti sekondarji tal-annimali mingħajr dewmien u jittrattawhom, jużawhom jew jarmuhom skont ir-regoli.
  • Prodotti derivati, bħal kożmetiċi, tagħmir mediku u mediċini veterinarji, li jikkonformaw ma’atti oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE (Regolament (UE) Nru 1223/2009, Regolament (UE) 2017/745 u Regolament (UE) 2019/6, rispettivament) jistgħu jkunu offruti għall-bejgħ meta jilħqu t-tmiem tal-katina tal-manifattura.
  • Prodotti sekondarji tal-annimali huma ggradati fi tliet kategoriji skont il-livell ta’ riskju għas-saħħa li joħolqu għall-pubbliku jew l-annimali. Dawn jiddeterminaw kif għandhom jintremew jew jiġu rkuprati.
  • Jeżistu restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati. Pereżempju, dawn ma jistgħux jintużaw għall-għalf tal-annimali jew ta’ ħut imrobbija li jkunu tal-istess speċi.
  • Importazzjoni sew ta’ prodotti sekondarji mill-annimali kif ukoll ta’ prodotti derivati jridu jissodisfaw l-istandards tal-UE.
  • Teżisti projbizzjoni fuq l-esportazzjoni sew tal-prodotti sekondarji mill-annimali kif ukoll ta’ prodotti derivati għall-inċinerazzjoni jew għal-landfill, jew lejn pajjiżi li mhumiex membri tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomikugħall-użu f’bijogass jew għall-impjant tal-kompost.
  • Id-definizzjonijiet fir-regolament kienu alinjati ma’ dawk użati fir-Regolament (UE) 2017/625 (ir- “regolament dwar kontrolli uffiċjali”), li jistabbilixxi r-regoli dwar verifiki mwettqa fuq il-katina tal-ikel agroalimentari. Ir-Regolament (UE) 2017/625 jiżgura wkoll li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati, li qabel ma kinux koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kontrolli uffiċjali, issa jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.
  • Emenda li daħlet taħt ir-Regolament (UE) 2019/1009, li jistabbilixxi r-regoli tal-UE dwar il-fertilizzanti, tippermetti li prodotti derivati li ma jkunux għadhom jippreżentaw riskji sinifikanti għas-saħħa tal-annimali jiċċaqilqu b’mod liberu fis-suq tal-UE bħala prodotti fertilizzanti.
  • Emenda addizzjonali, l-att delegat adottat mill- Kummissjoni Ewropea, tissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009: Regolament Delegat (UE) 2023/1605, L-att jiddetermina l-punti tat-tmiem fil-katina tal-manifattura għal fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija ffabbrikati fl-UE li lil hinn minnhom ma jkunux aktar suġġetti għar-rekwiżiti f’Regolament (UE) Nru. 1069/2009 diment li jintużaw bħala materjali kompożiti f’prodotti fertilizzanti konformi ma’ Regolament (UE) 2019/1009.

Att ta’ implimentazzjoni

Att ta’ implimentazzjoni, Regolament (UE) Nru 142/2011, jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ Regolament (UE) Nru 1069/2009. Emendat f’numru ta’ okkażjonijiet, dan jissettja regoli dettaljati dwar ir-rimi u l-użu ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Regolament (KE) Nru 1069/2009 ilu japplika mill-4 ta’ Marzu 2011.

Il-bidliet li daħlu b’Regolament Emendatorju (UE) 2019/1009 ilhom japplikaw mil-15 ta’ Lulju 2019.

Il-bidliet li daħlu b’Regolament Emendatorju (UE) 2023/1605 ilhom japplikaw mit-28 ta’ Awwissu 2023.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Prodotti sekondarji tal-annimali. Iġsma sħaħ jew partijiet mill-annimali li mhumiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem.
Prodotti derivati. Oġġetti miksuba mill-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji mill-annimali.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, pp. 1–33).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1605 tat-22 ta’ Mejju 2023 li jissupplimenta Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ punti tat-tmiem fil-katina tal-manifattura ta’ ċerti fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija (ĠU L 198, 8.8.2023, pp. 1–5).

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (ĠU L 170, 25.6.2019, pp. 1–114).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (ĠU L 4, 7.1.2019, pp. 43–167).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, pp. 1–175).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, pp. 1–142).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta Regolament (UE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jissettja regoli dwar is-saħħa fir-rigward ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati mhux maħsuba għal konsum mill-bniedem u li jimplimenta Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE fir-rigward ta’ ċerti kampjuni u oġġetti li huma eżenti minn verifiki veterinarji fil-fruntiera taħt dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, pp. 1–254).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar prodotti kożmetiċi (tfassil mil-ġdid) (ĠU L 342, 22.12.2009, pp. 59–209).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 19.09.2023

Top