EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem

Il-prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan għandu l-għan li jistabbilixxi regoli dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa tal-annimali għall-prodotti sekondarji tal-annimali* u prodotti derivati*.
  • Dawn ir-regoli huma mfassla biex jipprevjenu u jnaqqsu r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u biex jiżguraw li l-katina tal-ikel u l-għalf tkun sikura.

PUNTI EWLENIN

  • Il-leġiżlazzjoni tapplika għal:
    • prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom li, bil-liġi, ma jistgħux jintużaw għall-konsum mill-bniedem;
    • prodotti ta’ oriġini mill-annimali li jistgħu jintużaw għall-konsum mill-bniedem iżda li minflok jintużaw għal skopijiet oħra;
    • materja prima għall-manifattura ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem.
  • Il-produtturi prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati għandhom jiżguraw li dawn ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni mill-bidu sat-tmiem tal-katina tal-manifattura.
  • Dawn għandhom iżommu rekord tal-prodotti li jibagħtu, it-trasport jew dawk li jirċievu, flimkien mad-dokumentazzjoni meħtieġa.
  • Għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali bil-prodotti u bil-bini li jużaw matul il-katina tal-manifattura. Dawn tal-aħħar għandhom jissodisfaw ċerti standards ta’ iġjene u jeħtieġu approvazzjoni formali.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jimplimentaw kontrolli uffiċjali biex jiżguraw li l-produtturi jiġbru, jidentifikaw u jittrasportaw prodotti sekondarji tal-annimali mingħajr dewmien u jittrattawhom, jużawhom jew jarmuhom skont ir-regoli.
  • Prodotti derivati, bħall-kożmetiċi, it-tagħmir mediku u l-mediċini veterinarji, li jikkonformaw ma’ atti leġiżlattivi oħra tal-UE, jistgħu jiġu offruti għall-bejgħ meta jilħqu t-tmiem tal-katina tal-manifattura.
  • Prodotti sekondarji tal-annimali huma ggradati fi 3 kategoriji skont il-livell ta’ riskju għas-saħħa li joħolqu għall-pubbliku jew l-annimali. Dawn jiddeterminaw kif għandhom jintremew jew jiġu rkuprati.
  • Jeżistu restrizzjonijiet fuq l-użu prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati. Pereżempju, dawn ma jistgħux jintużaw għall-għalf tal-annimali jew ta’ ħut imrobbija li jkunu tal-istess speċi.
  • Importazzjonijiet taż-żewġ prodotti għandhom jissodisfaw l-istandards tal-UE.
  • Teżisti projbizzjoni fuq l-esportazzjoni taż-żewġ prodotti għall-inċinerazzjoni jew għal-landfill, jew lejn pajjiżi li mhumiex membri tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) għall-użu f’bijogass jew għall-impjant tal-kompost.

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1069/2009

Fl-2013, il-leġiżlazzjoni ġiet emendata biex Mayotte, bħala reġjun ultraperiferiku ġdid tal-UE, jingħata sal-1 ta’ Jannar 2021 biex jikkonforma mar-regoli tagħha.

Xi wħud mid-definizzjonijiet użati fir-regolament (jiġifieri “tranżitu” u “awtorità kompetenti”) huma allinjati mill-ġdid ma’ dawk użati fir-Regolament (UE) 2017/625 (ir-“Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali”), li jistabbilixxi r-regoli dwar il-verifiki mwettqa tul il-katina agroalimentari. Ir-Regolament (UE) 2017/625 jiżgura wkoll li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati, li qabel ma kinux koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kontrolli uffiċjali, issa jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 li jistabbilixxi regoli tal-UE dwar il-fertilizzanti, jemenda r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 biex jippermetti li prodotti derivati li ma jkunux għadhom jippreżentaw riskji sinifikanti għas-saħħa tal-annimali jiċċaqilqu b’mod liberu fis-suq tal-UE bħala prodotti fertilizzanti.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-4 ta’ Marzu 2011. Il-bidliet introdotti bir-Regolament li jemenda (UE) 2019/1009 ilhom japplikaw mill-15 ta’ Lulju 2019.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Prodotti sekondarji tal-annimali: iġsma sħaħ jew partijiet minn annimali li mhumiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem.
Prodotti derivati: oġġetti miksuba mill-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, pp. 1-33)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, pp. 1-254)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, pp. 1-142)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 19.03.2020

Top