Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea hija l-fergħa eżekuttiva tal-Unjoni Ewropea (UE).

Il-Kummissjoni Ewropea, li ġiet stabbilita fl-1957, bħalissa għandha 27 Kummissarju, inkluż il-President tagħha. Hija taġixxi fl-interess ġenerali tal-UE b’indipendenza sħiħa mill-gvernijiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u hija responsabbli lejn il-Parlament Ewropew.

Hija għandha d-dritt ta’ inizjattiva sabiex tipproponi liġijiet f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika. Fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, hija għandha d-dritt ta’ inizjattiva mal-Istati Membri. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi. Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jitolbu wkoll lill-Kummissjoni sabiex tipproponi liġijiet permezz tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.

Il-Kummissjoni tista’ tingħata d-dritt li tadotta atti mhux leġiżlattivi, b’mod partikolari atti delegati u ta’ implimentazzjoni, u għandha setgħat importanti sabiex tkun tista’ tiżgura kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni bejn in-negozji tal-UE.

Il-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Hija timplimenta l-baġit tal-UE f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u tiġġestixxi l-programmi ta’ finanzjament. Hija teżerċita wkoll funzjonijiet ta’ koordinazzjoni, eżekuttivi u maniġerjali, kif stipulat fit-Trattati. Hija tirrappreżenta lill-UE matul negozjati internazzjonali, b’mod partikolari fl-oqsma tal-politika kummerċjali u tal-għajnuna umanitarja.

Il-Kummissjoni hija organizzata f’dipartimenti ta’ politika, imsejħa Direttorati Ġenerali (DĠ) u servizzi, li primarjament jinsabu fi Brussell u fil-Lussemburgu.

ARA WKOLL

Top