Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1523

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1523 tal-11 ta' Ottubru 2018 li tistabbilixxi mudell tad-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà b'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/6559

    ĠU L 256, 12.10.2018, p. 103–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1523/oj

    12.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 256/103


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1523

    tal-11 ta' Ottubru 2018

    li tistabbilixxi mudell tad-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà b'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(2) tagħha,

    Wara li kkonsultat il-kumitat stabbilit bl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2016/2102,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tistabbilixxi rekwiżiti komuni tal-aċċessibbiltà għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku u tistipula r-rekwiżiti għad-dikjarazzjonijiet tal-aċċessibbiltà li jeħtieġ jipprovdu l-korpi tas-settur pubbliku b'rabta mal-konformità tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tagħhom ma' dik id-Direttiva.

    (2)

    L-Istati Membri jenħtieġ jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku jipprovdu dikjarazzjonijiet tal-aċċessibbiltà permezz ta' mudell tad-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà stabbilit mill-Kummissjoni.

    (3)

    L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku jirrevedu u jaġġornaw id-dikjarazzjonijiet tal-aċċessibbiltà tagħhom b'mod regolari, u mill-inqas darba fis-sena.

    (4)

    Biex ikun żgurat aċċess faċli għad-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà, l-Istati Membri jenħtieġ iħajru lill-korpi tas-settur pubbliku biex jagħmlu d-dikjarazzjonijiet tagħhom aċċessibbli fuq kull paġna tas-sit elettroniku. Id-dikjarazzjonijiet jistgħu jkunu disponibbli wkoll mill-applikazzjoni mobbli.

    (5)

    Biex iżżid il-faċilità tas-sejbien u l-aċċessibbiltà, u tiffaċilita l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni li tipprovdi, id-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà jenħtieġ tkun disponibbli, meta xieraq, b'format li jinqara elettronikament kif imsemmi fid-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-mudell tad-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà li jridu jużaw il-korpi tas-settur pubbliku fl-Istati Membri b'rabta mal-konformità tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tagħhom mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2016/2102 kif stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Format tad-dikjarazzjoni

    Id-dikjarazzjoni għandha tingħata b'format aċċessibbli skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 u, meta xieraq, b'format li jinqara elettronikament kif imsemmi fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2003/98/KE.

    Artikolu 3

    Tħejjija tad-dikjarazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni, b'rabta mal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/2102, huma preċiżi u bbażati fuq wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    evalwazzjoni effettiva tal-konformità tas-sit elettroniku jew tal-applikazzjoni mobbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2016/2102, bħal pereżempju:

    awtovalutazzjoni magħmula mill-korp tas-settur pubbliku;

    valutazzjoni mwettqa minn parti terza, pereżempju ċertifikazzjoni;

    (b)

    kwalunkwe miżura oħra, kif meqjus xieraq mill-Istati Membri, li tipprovdi assigurazzjoni ugwali li d-dikjarazzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni huma preċiżi.

    2.   Id-dikjarazzjoni għandha tindika l-metodu użat kif imsemmi fil-paragrafu 1.

    Artikolu 4

    Adattament tad-dikjarazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fid-dikjarazzjonijiet rispettivi tagħhom il-korpi tas-settur pubbliku jissodisfaw mill-inqas ir-rekwiżiti tal-kontenut obbligatorju stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jżidu rekwiżiti li jmorru lil hinn mill-kontenut fakultattiv elenkat fit-Taqsima 2 tal-Anness.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Ottubru 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90).


    ANNESS

    MUDELL TAD-DIKJARAZZJONI TAL-AĊĊESSIBBILTÀ

    Struzzjonijiet

    It-test bil-korsiv jenħtieġ jitħassar u/jew jinbidel kif xieraq mill-korp tas-settur pubbliku.

    Kull nota ta' qiegħ il-paġna jenħtieġ titħassar qabel il-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà.

    Id-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà jenħtieġ tkun disponibbli b'tali mod li l-utent isibha faċilment. Fuq il-paġna ewlenija tas-sit elettroniku jenħtieġ ikun hemm link prominenti għad-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà, inkella dan jenħtieġ isir disponibbli fuq il-paġna tas-sit elettroniku, pereżempju permezz ta' nota statika isfel nett jew fuq nett. Għad-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà jista' jintuża URL standardizzat. Għall-applikazzjonijiet mobbli, id-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà jenħtieġ titqiegħed kif jindika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva (UE) 2016/2102. Id-dikjarazzjoni tista' tkun disponibbli wkoll mill-applikazzjoni mobbli.

    IT-TAQSIMA 1

    REKWIŻITI TAL-KONTENUT OBBLIGATORJU

    DIKJARAZZJONI TAL-AĊĊESSIBBILTÀ

    [Isem il-korp tas-settur pubbliku] hu impenjat li jagħmel [is-sit(i) elettroniku/ċi] [u] [l-applikazzjoni(jiet) mobbli] tiegħu aċċessibbli skont [il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)].

    Din id-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà tapplika għal [daħħal l-ambitu tad-dikjarazzjoni, eż. is-sit(i) elettroniku/ċi/l-applikazzjoni(jiet) mobbli i li għalihom tapplika d-dikjarazzjoni, kif xieraq].

    Status tal-konformità ii

    (a) iii

    [Dan] [Din] [Dawn] [is-sit(i) elettroniku/ċi] [l-applikazzjoni(jiet) mobbli] [hu] [hi] [huma] konformi għalkollox ma' [xxx iv].

    (b) v

    [Dan] [Din] [Dawn] [is-sit(i) elettroniku/ċi] [l-applikazzjoni(jiet) mobbli] [hu] [hi] [huma] konformi parzjalmentvi ma' [xxx vii], minħabba [n-nuqqas(ijiet) ta' konformità] [u/jew] [l-eżenzjonijiet] elenkati hawn taħt.

    (c) viii

    [Dan] [Din] [Dawn] [is-sit(i) elettroniku/ċi] [l-applikazzjoni(jiet) mobbli] [mhux] [mhix] [mhumiex] konformi ma' [xxx ix]. [In-nuqqas(ijiet) ta' konformità] [u/jew] [l-eżenzjonijiet] ġew elenkati hawn taħt.

    Kontenut mhux aċċessibbli x

    Il-kontenut elenkat hawn taħt mhux aċċessibbli minħabba dawn ir-raġuni(jiet):

    (a)

    nuqqas ta' konformità mal-[leġiżlazzjoni nazzjonali]

    [Elenka n-nuqqas(ijiet) ta' konformità tas-sit(i) elettroniku/ċi jew tal-applikazzjoni(jiet) mobbli), u/jew, iddeskrivi liema taqsima/taqsimiet/kontenut/funzjoni(jiet) għadhom mhumiex konformi xi].

    (b)

    piż sproporzjonat

    [Elenka tat-taqsima/taqsimiet/kontenut/funzjoni(jiet) li mhumiex aċċessibbli u li għalihom l-eżenzjoni tal-piż sproporzjonat, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2016/2102, qed tiġi invokata temporanjament]

    (c)

    il-kontenut mhuwiex fil-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli

    [Elenka tat-taqsima/taqsimiet/kontenut/funzjoni(jiet) li huma barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli].

    [Meta xieraq indika alternattivi aċċessibbli oħra].

    Tħejjija ta' din id-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà

    Din id-dikjarazzjoni tħejjiet nhar [data xii].

    [Indika l-metodu li użajt biex tħejji d-dikjarazzjoni (ara l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1523 (2)].

    Id-dikjarazzjoni ġiet riveduta l-aħħar nhar [niżżel id-data tal-aħħar reviżjoni xiii].

    Rispons u informazzjoni ta' kuntatt

    [Agħti deskrizzjoni tal-mekkaniżmu tar-rispons, u link għalih, li jrid jintuża biex il-korp tas-settur pubbliku jiġi notifikat dwar xi nuqqasijiet ta' konformità u biex tintalab informazzjoni u kontenut li huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva].

    [Agħti l-informazzjoni ta' kuntatt tal-entità/entitajiet/unità/unitajiet/persuna/persuni rilevanti (kif xieraq) responsabbli għall-aċċessibbiltà u għar-rikjesti tal-ipproċessar mibgħuta permezz tal-mekkaniżmu tar-rispons].

    Proċedura ta' infurzar

    [Agħti deskrizzjoni tal-proċedura ta' infurzar, u link għaliha, li trid tintuża fil-każ ta' tweġibiet mhux sodisfaċenti għal xi notifika jew rikjesta mibgħuta skont l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva].

    [Agħti informazzjoni ta' kuntatt tal-korp ta' infurzar rilevanti].

    IT-TAQSIMA 2

    KONTENUT FAKULTATTIV

    Fid-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà jista' jiżdied dan il-kontenut fakultattiv li ġej, skont kif xieraq:

    (1)

    spjegazzjoni tal-impenn tal-korp tas-settur pubbliku għall-aċċessibbiltà diġitali, pereżempju:

    l-intenzjoni tiegħu li jikseb livell ogħla ta' aċċessibbiltà minn dak li teżiġi l-liġi;

    il-miżuri ta' rimedju li se jittieħdu biex jindirizzaw il-kontenut mhux aċċessibbli għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli, inkluż skeda taż-żmien biex dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ;

    (2)

    l-approvazzjoni formali (fil-livell amministrattiv jew politiku) tad-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà;

    (3)

    id-data tal-pubblikazzjoni tas-sit elettroniku u/jew tal-applikazzjoni mobbli;

    (4)

    id-data tal-aħħar aġġornament tas-sit elettroniku u/jew tal-applikazzjoni mobbli wara reviżjoni sostanzjali tal-kontenut tagħhom;

    (5)

    link għar-rapport ta' evalwazzjoni, jekk disponibbli, u b'mod partikolari jekk l-istatus tal-konformità tas-sit elettroniku jew tal-applikazzjoni mobbli ġie indikat bħala “(a) konformi għalkollox”;

    (6)

    assistenza addizzjonali bit-telefown lill-persuni b'diżabbiltà, u appoġġ lill-utenti b'teknoloġija assistiva;

    (7)

    xi kontenut ieħor meqjus xieraq.

    i

    Għall-applikazzjonijiet mobbli, trid titniżżel informazzjoni dwar il-verżjoni u d-data.

    ii

    Agħżel waħda minn dawn, eż. (a), (b), jew (c) u ħassar dawk li ma jgħoddux.

    iii

    L-alternattiva (a) għandha tingħażel biss jekk qed jiġi ssodisfat kull rekwiżit tal-istandard jew tal-ispeċifikazzjoni teknika mingħajr eċċezzjonijiet.

    iv

    Agħmel referenza għall-istandards u/jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi; jew referenza għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva.

    v

    L-alternattiva (b) għandha tingħażel biss jekk qed jiġu ssodisfati ħafna mir-rekwiżiti tal-istandard jew tal-ispeċifikazzjoni teknika, għajr għal xi ftit eċċezzjonijiet.

    vi

    Dan ifisser li għad ma hemmx konformità sħiħa u li jridu jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tinkiseb konformità sħiħa.

    vii

    Agħmel referenza għall-istandards u/jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi; jew referenza għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva.

    viii

    L-alternattiva (c) għandha tingħażel jekk għadhom ma ġewx issodisfati ħafna mir-rekwiżiti tal-istandard jew tal-ispeċifikazzjoni teknika.

    ix

    Agħmel referenza għall-istandards u/jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi; jew referenza għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva.

    x

    Din tista' titħassar jekk ma tgħoddx.

    xi

    F'termini mhux tekniċi, iddeskrivi kemm jista' jkun, kif il-kontenut mhux aċċessibbli, u agħmel referenza/i għar-rekwiżiti applikabbli fl-istandards u/jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti li mhux qed jiġu ssodisfati; eż.:

    “Il-formola tal-login tal-applikazzjoni tal-iskambju tad-dokumenti ma tistax tintuża kollha kemm hi b'tastiera (in-numru tar-rekwiżiti XXX (jekk applikabbli))”

    xii

    Żid id-data tal-ewwel tħejjija, jew aġġornament sussegwenti, tad-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà wara evalwazzjoni tas-siti elettroniċi/tal-applikazzjonijiet mobbli li tapplika għalihom. Hu rakkomandat li ssir evalwazzjoni u li d-dikjarazzjoni tiġi aġġornata permezz ta' reviżjoni tas-sit elettroniku/tal-applikazzjoni mobbli.

    xiii

    Hu rakkomandat li d-dikjarazzjonijiet li jsiru fid-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà jiġu riveduti fejn tidħol il-preċiżjoni tagħhom b'mod regolari, mill-anqas darba fis-sena. Jekk din ir-reviżjoni ssir mingħajr evalwazzjoni sħiħa tas-sit elettroniku/tal-applikazzjoni mobbli, kemm jekk din ir-reviżjoni twassal għal xi tibdil fid-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà jew le, trid tiġi indikata d-data tal-aħħar reviżjoni.

    (1)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1523 tal-11 ta' Ottubru 2018 li tistabbilixxi mudell tad-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà b'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 256, 12.10.2018, p. 103).


    Top