Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2071

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2071 tat-13 ta' Novembru 2017 li taħtar lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia

ĠU L 295, 14.11.2017, pp. 55–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/02/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2071/oj

14.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/55


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/2071

tat-13 ta' Novembru 2017

li taħtar lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 33 u 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-8 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/438/PESK (1) li taħtar lis-Sur Herbert SALBER bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia.

(2)

Fis-17 ta' Frar 2017, ir-Rappreżentant Għoli adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/299 (2) li testendi l-mandat tar-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia sat-30 ta' Ġunju 2018.

(3)

Wara l-ħatra tas-Sur Herbert SALBER għal pożizzjoni oħra, jenħtieġ li s-Sur Toivo KLAAR jinħatar bħala r-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia mit-13 ta' Novembru 2017.

(4)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tikkomprometti l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-mandat tas-Sur Herbert SALBER bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia b'dan jintemm fil-15 ta' Awwissu 2017.

2.   Is-Sur Toivo KLAAR huwa b'dan maħtur bħala r-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia mit-13 ta' Novembru 2017 sat-30 ta' Ġunju 2018. Huwa għandu jeżerċita l-mandat tiegħu f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2017/299.

3.   Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm aktar kmieni, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

Artikolu 2

In-nefqa marbuta mal-kontinwità amministrattiva bejn il-mandati tar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea matul il-perijodu mill-15 ta' Awwissu 2017 sat-12 ta' Novembru 2017 għandha tkun koperta mill-ammont ta' referenza finanzjarja stipulat fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/299.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2 għandhom japplikaw mill-15 ta' Awwissu 2017.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/438/PESK tat-8 ta' Lulju 2014 li temenda u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia (ĠU L 200, 9.7.2014, p. 11).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/299 tas-17 ta' Frar 2017 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia (ĠU L 43, 21.2.2017, p. 214).


Top