This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0580
2010/580/EU: Council Implementing Decision of 27 September 2010 authorising the Kingdom of the Netherlands to apply a measure derogating from Article 193 of Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax
2010/580/UE: Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill tas- 27 ta’ Settembru 2010 li tawtorizza lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi biex japplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
2010/580/UE: Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill tas- 27 ta’ Settembru 2010 li tawtorizza lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi biex japplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
ĠU L 256, 30.9.2010, p. 22–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Derogation | 32006L0112 | Deroga | artikolu 193 | 01/01/2010 | 31/12/2012 |
30.9.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 256/22 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
tas-27 ta’ Settembru 2010
li tawtorizza lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi biex japplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
(Il-verżjoni Olandiża biss hija awtentika)
(2010/580/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 291(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fid-29 ta’ Jannar 2010, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab awtorizzazzjoni biex japplika miżuri fiskali speċjali fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti kif awtorizzat preċedentement għal perijodu limitat mid-Deċiżjoni 2007/740/KE (2). |
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra datata l-25 ta’ Frar 2010 dwar it-talba li saret mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. B’ittra datata t-2 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba. |
(3) |
L-arranġament għandu jawtorizza lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi japplika skema, fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti, biex tgħaddi l-obbligu tas-sottokuntrattur li jħallas il-VAT lill-awtoritajiet fiskali mis-sottokuntrattur għal fuq l-intrapriża tal-ħwejjeġ (il-kuntrattur). L-iskema għandha tikkostitwixxi proċedura ta’ ħlas riversibbli ikkonfinata għal operazzjonijiet fil-bidu tal-katina kummerċjali, u għalhekk hija ma tkunx tapplika għal operaturi li jbiegħu lill-konsumatur finali. Il-proċedura għandha l-għan li tiġġieled kontra frodi ta’ natura speċifika fis-suq domestiku tal-manifattura. |
(4) |
Tali arranġamenti urew fil-passat li huma miżura effettiva ta’ prevenzjoni f’settur li fih il-ġbir tal-VAT huwa diffiċli minħabba l-problemi ta’ identifikar u sorveljanza tal-attivitajiet tas-sottokuntratturi. Il-miżura mitluba għalhekk għandha titqies bħala miżura biex twaqqaf ċerti tipi ta’ evażjoni u evitar tat-taxxa fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti. |
(5) |
Il-post li fih issir il-manifattura tal-ħwejjeġ lesti huwa influwenzat minn spejjeż baxxi ta’ xogħol u s-sottokuntratturi jistgħu jirrilokaw b’mod faċli minn pajjiż għal ieħor. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2007/740/KE irrikjediet li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jissorvelja u jivvaluta l-impatt ta’ dawk il-fatturi fuq l-effettività tad-deroga u jippreżenta rapport lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Lulju 2009. |
(6) |
Dak ir-rapport kien jindika li l-inċidenza tal-frodi naqset b’mod konsiderevoli u li l-għadd ta’ intrapriżi tal-ħwejjeġ lesti li kienu jikkwalifikaw għall-proċedura ta’ ħlas riversibbli taħt id-Deċiżjoni 2007/740/KE naqas b’ritmu kostanti b’riżultat tal-miżura ta’ deroga u l-iżvilupp tas-swieq internazzjonali. Konsegwentement, fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi qed terġa’ tinkiseb l-istabbiltà fis-settur tal-ħwejjeġ lesti. |
(7) |
Sabiex jintemm dak il-proċess, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab li l-miżura tkun estiża għall-perjodu limitat u ħabbar, fl-istess waqt, li fl-2011 trid tittieħed deċiżjoni finali dwar l-abolizzjoni possibli tal-miżura. Hu għalhekk xieraq li d-deroga tkompli tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2012. |
(8) |
Fil-każ li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkunsidra estensjoni oħra tal-miżura ta’ deroga lil hinn mill-2012, għandu jintbagħat rapport ġdid ta’ valutazzjoni lill-Kummissjoni flimkien ma’ dik it-talba għal estensjoni mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2012. |
(9) |
Id-deroga ma għandhiex ikollha effett ħażin fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea li jiġu mit-taxxa tal-valur miżjud u lanqas ma taffettwa l-ammont tal-VAT impost fl-aħħar stadju tal-konsum. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa b’dan awtorizzat li japplika skema sal-31 ta’ Diċembru 2012 fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti biex tgħaddi l-obbligi tas-sottokuntratturi li jħallsu l-VAT lill-awtoritajiet fiskali, mis-sottokuntrattur għal fuq l-intrapriża tal-ħwejjeġ (il-kuntrattur).
Artikolu 2
Kwalunkwe talba biex tiġi estiża l-miżura lil hinn mill-2012 għandha tkun akkumpanjata mill-preżentazzjoni ta’ rapport lill-Kummissjoni mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, partikolarment fir-rigward tal-effettività tal-miżura u kwalunkwe evidenza tar- rilokazzjoni ta’ sottokuntratturi fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti lejn pajjiżi oħrajn, u għandu jintbagħat sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2012.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
K. PEETERS
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 li tawtorizza lir-Renju tal-Olanda biex japplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, (ĠU L 300, 17.11.2007, p. 71).