EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31990L0641

Id-Direttiva tal-Kunsill tA' l-4 ta Diċembru 1990 dwar il-protezzjoni operattiva ta ħaddiema esterni esposti għar-riskju ta' radjazzjoni jonizzanti matul l-attivitajiet tagħhom f'żoni kkontrollati

ĠU L 349, 13.12.1990, p. 21–25 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/02/2018; Imħassar b' 32013L0059

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1990/641/oj

31990L0641



Official Journal L 349 , 13/12/1990 P. 0021 - 0025
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 10 P. 0013
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 10 P. 0013


Id-Direttiva tal-Kunsill

ta' l-4 ta Diċembru 1990

dwar il-protezzjoni operattiva ta' ħaddiema esterni esposti għar-riskju ta radjazzjoni jonizzanti matul l-attivitajiet tagħhom f'żoni kkontrollati

(90/641/Euratom)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u b'mod partikulari l-Artikoli 31 u 32 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, sottomessa wara konsultazzjoni ma' grupp ta' persuni maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku minn fost esperti xjentifiċi fl-Istati Membri, kif stabbilit fl-Artikolu 31 tat-Trattat,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi, l-Artikolu 2(b) tat-Trattat jipprovdi li l-Komunità għandha tistabilixxi standards uniformi ta sigurtà biex tipproteġi s-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku inġenerali u tiżgura li jkunu applikati skond il-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III tat-Titolu II tat-Trattat;

Billi, fit-2 ta' Frar 1959, il-Kunsill adotta Direttivi li jistabilixxu standards bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku inġenerali kontra l-perikoli kkawżati mir-radjazzjonijiet jonizzanti [3], kif emendati bid-Direttivi 80/836/Euratom [4] u 84/467/Euratom [5];

Billi t-Titolu VI tad-Direttiva 80/836/Euratom jistabilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw protezzjoni operattiva ta' ħaddiema esposti;

Billi l-Artikolu 40(1) ta' dik id-Direttiva jipprovdi li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura l-protezzjoni effikaċi tal-ħaddiema esposti;

Billi l-Artikoli 20 u 23 ta' dik id-Direttiva jistabbilixxu klassifika ta' arji ta' xogħol u kategoriji ta' ħaddiema esposti skond il-livell ta' espożizzjoni;

Billi l-ħaddiema li jwettqu attivitajiet f'arja kkontrollata fis-sens ta' l-imsemmija L-Artikoli 20 u 23 jistgħu ikunu parti mill-persunal ta' l-operatur jew ikunu ħaddiema esterni;

Billi l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/836/Euratom dwar l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta' dik id-Direttiva jipprovdi li dawn għandhom ikunu rrapportati jew suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel f'każijiet li jiġu deċiżi minn kull wieħed mill-Istati Membri;

Billi ħaddiema esterni x'aktarx ikunu esposti għal radjazzjoni jonizzanti f'diversi arji kkontrollati b'mod suċċessiv f'wieħed u l-istess Stat Membru jew fi Stati Membri differenti; billi dawn il-kondizzjonijiet speċifiċi ta' xogħol jirrikjedu sistema approprjata ta' monitoraġġ radjoloġiku;

Billi kull sistema ta' monitoraġġ radjoloġiku għal ħaddiema esterni għandha tipprovdi protezzjoni ekwivalenti għal dik offerta lill-ħaddiema stabbli ta' l-operatur, permezz ta' dispożizzjonijiet komuni;

Billi, sakemm tkun introdotta sistema uniformi mal-Komunità kollha, għandu jittieħed kont ukoll tas-sistemi ta' monitoraġġ radjoloġiku għal ħaddiema esterni li jistgħu jeżistu fl-Istati Membri;

Billi, biex tintuża bl-aħjar mod ta' protezzjoni ta' ħaddiema esterni, huwa neċessarju li jiġu definiti b'mod ċar l-obbligi ta' impriżi u operaturi esterni, mingħajr preġudizzju għall-kontribuzzjoni li ħaddiema esterni stess għandhom jagħtu għall-protezzjoni tagħhom innifishom;

Billi s-sistema għall-protezzjoni radjoloġika ta' ħaddiema esterni tapplika wkoll sa fejn hu prattikabbli għall-każ ta' ħaddiem li jaħdem għal rasu bl-istatus ta' impriża esterna,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TITOLU I

L-Iskop u d-definizzjonijiet

L-Artikolu 1

L-iskop ta' din id-Direttiva huwa li tissupplimenta d-Direttiva 80/836/Euratom biex b'hekk isir l-aħjar użu f'livell Komunitarju ta' l-arranġamenti ta' protezzjoni operattiva għal ħaddiema esterni li jwettqu attivitajiet f'arji kkontrollati.

L-Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

- "arji kkontrollati" tfisser kull arja suġġetta għal regoli speċifiċi għall-finijiet ta' protezzjoni kontra r-radjazzjoni jonizzanti li għaliha l-aċċess hu kkontrollat, kif speċifikat fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 80/836/Euratom;

- "operatur" ifisser kull persuna fiżika jew ġuridika li taħt il-liġi nazzjonali, hija responsabbli għal arja kkontrollata li fiha titwettaq attività rikjesta li tkun irrapportata skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/836/Euratom;

- "impriża esterna" tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika, minbarra l-operatur, inklużi membri mill-persunal tiegħu, li jwettqu attività ta' kull xorta f'arja kkontrollata;

- "ħaddiem estern" ifisser kull ħaddiem ta' kategorija A, kif definit fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 80/836/Euratom, li jwettaq attività ta' kull xorta f'arja kkontrollata, kemm jekk impjegat temporanjament jew permanentement minn impriża esterna, inklużi trainees, apprentisti u studenti fis-sens ta' l-Artikolu 10 ta' dik id-Direttiva, kif ukoll jekk jipprovdi servizzi bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu;

- "sistema ta" monitoraġġ radjoloġiku' tfisser miżuri biex ikunu applikati l-arranġamenti stabbiliti fid-Direttiva 80/836/Euratom, u b'mod partikulari fit-Titolu VI tagħha, matul l-attivitajiet ta' ħaddiema esterni.

- "attivitajiet imwettqa minn ħaddiem" tfisser kull servizz jew is-servizzi pprovduti minn ħaddiema esterni f'arja kkontrollata li għaliha l-operatur huwa responsabbli.

IT-TITOLU II

Obbligi ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri

L-Artikolu 3

Kull Stat Membru għandu jwettaq l-attivitajiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 2 tad-Direttiva 80/836/Euratom minn impriżi esterni soġġetti għal rapport jew awtorizzazzjoni minn qabel kif stabbilit skond it-Titolu II tad-Direttiva msemmija qabel, b'mod partikulari l-Artikolu 3 tiegħu.

L-Artikolu 4

1. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiżgura li s-sistema ta' monitoraġġ radjoloġiku tagħti lill-ħaddiema esterni protezzjoni ekwivalenti għal dik li tingħata lill-ħaddiema impjegati fuq bażi permanenti mill-operatur.

2. Sakemm titwaqqaf, fuq livell Komunitarju, sistema uniformi ta' protezzjoni radjoloġika għall-ħaddiema esterni, bħal ma jkun network ta' kompjuters, wieħed għandu jirrikorri:

(a) fuq bażi transitorja, skond id-dispożizzjonijiet komuni espressi fl-Anness I, għal

- network nazzjonali ċċentralizzat, jew

- il-ħruġ ta' dokument individwali ta' monitoraġġ radjoloġiku lil kull ħaddiem estern, f'dan il-każ id-dispożizzjonijiet komuni ta' l-Anness II għandhom ukoll japplikaw;

(b) fil-każ ta' ħaddiema esterni li jiġu minn barra, u sad-data tat-twaqqif ta' sistema fis-sens tal-paragrafu 2, għad-dokument individwali msemmi f'(a).

IT-TITOLU III

Obbligi ta' impriżi u operaturi esterni

L-Artikolu 5

Impriżi esterni, kemm direttament kemm permezz ta' ftehim kuntrattwali ma' l-operaturi, għandhom jiżguraw il-protezzjoni radjoloġika tal-ħaddiema tagħhom skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva 80/836/Euratom, u b'mod partikulari:

(a) jiżguraw konformità mal-prinċipji ġenerali u l-limitazzjoni ta' dożi msemmija fl-Artikolu 6 sa 11 tagħha;

(b) jipprovdu informazzjoni u taħriġ fil-qasam ta' protezzjoni minn radjazzjoni imsemmi fl-Artikolu 24 tagħha;

(ċ) jiggarantixxu li l-ħaddiema tagħhom jkunu suġġetti għal eżami ta' espożizzjoni u sorveljanza medika taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 26 u 28 sa 38 tagħha;

(d) jiżguraw li l-informazzjoni radjoloġika tal-monitoraġġ ta' espożizzjoni individwali ta' kull wieħed mill-ħaddiema tagħhom fis-sens ta' l-Anness I, parti II ta' din id-Direttiva jinżammu aġġornati fin- networks u dokumenti individwali msemmija fl-Artikolu 4(2).

L-Artikolu 6

1. L-operatur ta' arja kkontrollata li fiha ħaddiema estern iwettqu l-attivitajiet għandu jkun responsabbli, kemm direttament jew permezz ta' ftehim kuntrattwali, għall-aspetti operattivi tal-protezzjoni radjoloġika tagħhom li huma direttament relatati man-natura ta' l-arja kkontrollata u ta' l-attivitajiet.

2. B'mod partikulari, għal kull ħaddiem estern li jwettaq attivitajiet f'arja kkontrollata, l-operatur għandu:

(a) jikkontrolla li l-ħaddiem ikkonċernat għadda bħala medikalment adatt għall-attivitajiet li se jingħataw lilu;

(b) jiżgura li, b'żieda għat-taħriġ bażiku fi protezzjoni kontra r-radjazzjoni imsemmija fl-Artikolu 5(1)(b), huwa għandu jircievi taħriġ speċifiku inkonnessjoni mal-karatteristiċi kemm ta' l-arja kkontrollata u kemm ta' l-attivitajiet;

(ċ) jiżgura li jkun inħariġlu t-tagħmir protettiv personali meħtieġ;

(d) jiżgura wkoll li jirċievi monitoraġġ individwali ta' l-espożizzjoni approprjata għan-natura ta' l-attivitajiet, u kull monitoraġġ operazzjonali dosimetriku li jista' jkun meħtieġ;

(e) jiżgura konformità mal-prinċipji ġenerali u l-limitazzjoni ta' dożi msemmija fl-Artikoli 6 sa 11 tad-Direttiva 80/836/Euratom;

(f) jiżgura jew jieħu l-passi approprjati kollha biex jiżgura li wara kull attività l-informazzjoni radjoloġika ta' monitoraġġ individwali ta' l-espożizzjoni ta' kull ħaddiem estern fis-sens ta' l-Anness I, il-Parti III, tkun irreġistrata.

IT-TITOLU IV

L-obbligi ta' ħaddiema esterni

L-Artikolu 7

Kull ħaddiem estern għandu jkun obbligat li jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu stess sakemm huwa prattikabbli għall-protezzjoni li s-sistema ta' monitoraġġ radjoloġiku li jirreferi għaliha l-Artikolu 4 hija maħsuba biex tagħtih.

IT-TITOLU V

Dispożizzjonijiet Finali

L-Artikolu 8

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 1993, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni bihom.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, huma għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 9

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-4 ta' Diċembru 1990.

Għall-Kunsill

Il-President

G. de Michelis

[1] Opinjoni mogħtija fil-11 ta' Ottubru 1990 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

[2] ĠU C 56, tas-7.3.1990, p. 1.

[3] ĠU Nru 11, ta' l-20.2.1959.

[4] ĠU L 246, tas-17.9.1980, p. 1.

[5] ĠU L 265, tal-5.10.1984, p. 4.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI GĦAN-NETWORKS U DOKUMENTI INDIVIDWALI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4(2)

IL-PARTI I

1. Kull sistema ta monitoraġġ radjoloġiku ta' l-Istati Membri għal ħaddiema esterni għandha tinkludi t-tliet taqsimiet li ġejjin:

- dettalji dwar l-identità tal-ħaddiema esterni;

- dettalji li għandhom ikunu fornuti qabel il-bidu ta' kull attività;

- dettalji li għandhom ikunu fornuti wara t-tmiem ta' kull attività.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarja biex jimpedixxu kull falsifikazzjoni jew użu ħażin ta', jew tbagħbis illegali mas-sistema ta' monitoraġġ radjoloġiku.

3. Informazzjoni dwar l-identità tal-ħaddiem estern għandha tinkludi wkoll is-sess tal-ħaddiem u d-data tat-twelid.

IL-PARTI II

Qabel il-bidu ta' kull attività, id-data li għandha tiġi fornita permezz tas-sistema ta' monitoraġġ radjoloġiku lill-operatur jew lit-tabib tiegħu approvat mill-impriża barranija jew mill-awtorità li għandha s-setgħa li tagħmel dan għandhom ikunu kif ġej:

- l-isem u l-indirizz ta' l-impriża esterna;

- il-klassifika medika tal-ħaddiem estern skond l-Artikolu 35 tad- Direttiva 80/836/Euratom;

- id-data ta' l-aħħar reviżjoni perjodika medika;

- ir-riżltati tal-monitoraġġ ta' l-espożizzjoni individwali tal-ħaddiem estern.

IL-PARTI III

L-informazzjoni li l-operatur għandu jirreġistra jew ikollu rreġistrat mill-awtorità li għandha s-setgħa għal dak l-iskop fis-sistema ta' monitoraġġ radjoloġiku wara t-tmiem ta' kull attività għandha tkun kif ġej:

- il-perijodu kopert mill-attività;

- stima ta' kull doża effettiva li jkun irċieva l-ħaddiem estern;

- fil-każ ta' espożizzjoni mhux uniformi, stima ta' doża ekwivalenti fil-partijiet differenti tal-ġisem;

- fil-każ ta' kontaminazzjoni interna, stima ta' l-attività li daħlet fil-ġisem jew id-doża kommessa.

--------------------------------------------------

L- ANNESS II

DISPOŻIZZJONIJIET ADDIZZJONALI GĦAL DAWK FL-ANNESS I DWAR ID-DOKUMENT INDIVIDWALI TA MONITORAĠĠ RADJOLOĠIKU

1. Id-dokument individwali ta' monitoraġġ radjoloġiku maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għal ħaddiema esterni għandu jkun dokument mhux trasferibbli.

2. Skond l-Anness I, il-Parti I(2), dokumenti individwali għandhom jinħarġu fl-Istati Membri mill-awtoritajiet kompetenti, li għandhom jagħtu lil kull dokument individwali numru ta' identifikazzjoni.

--------------------------------------------------

Top