Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Rekwiżiti ta’ approvazzjoni tat-tip u ta’ sorveljanza tas-suq għall-muturi/mopeds u quads fl-Ewropa

Rekwiżiti ta’ approvazzjoni tat-tip u ta’ sorveljanza tas-suq għall-muturi/mopeds u quads fl-Ewropa

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 – l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • L-għan ewlieni tiegħu huwa li jnaqqas it-tniġġis mit-trasport u jżid is-sigurtà funzjonali ta’ vetturi tal-kategorija L* ġodda.
  • Għandu l-għan li jaġġorna r-rekwiżiti ta’ sigurtà funzjonali u ambjentali tal-UE għal vetturi tal-kategorija L bħala rekwiżit għar-reġistrazzjoni tal-vetturi.
  • Japplika wkoll għal muturi enduro, muturi trial u quads tqal għat-terreni kollha li jistgħu jintużaw kemm fuq it-triq kif ukoll “off-road”.

PUNTI EWLENIN

Awtoritajiet ta’ approvazzjoni u ta’ sorveljanza tas-suq

L-Istati Membri tal-UE għandhom jaħtru:

  • awtoritajiet ta’ approvazzjoni biex jiċċertifikaw li tip partikolari ta’ vetturi jikkonforma mad-diversi rekwiżiti amministrattivi u tekniċi li huma stipulati fil-liġi;
  • awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq biex jiġi żgurat li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati fis-suq jikkonformaw mal-liġi u ma jpoġġux f’periklu s-saħħa, is-sigurtà jew kwalunkwe aspett ieħor tal-ħarsien tal-interess pubbliku.

Approvazzjoni tat-tip

  • Rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip huma stabbiliti għall-manifatturi (tal-vetturi), awtoritajiet ta’ approvazzjoni u servizzi tekniċi (eż. korpi ta’ spezzjoni) involuti. Ladarba vettura tikkonforma ma’ sett komprensiv ta’ rekwiżiti, tip ta’ vettura tista’ tinbiegħ fis-suq tal-UE.
  • Il-manifattur għandu jipprovdi ċertifikat ta’ konformità ma’ kull vettura; dan jippermetti lis-sid jirreġistra l-vettura.

Rekwiżiti ta’ sigurtà funzjonali

Ir-regolament jistipula r-rekwiżiti ta’ sigurtà bħal:

  • muturi ġodda ta’ aktar minn 125 ċm3 għandhom ikunu mgħammra b’sistema ta’ bbrejkjar li ma teħilx;
  • fuq mutur b’żewġ roti taħt 125 ċm3, it-twaħħil ta’ sistema ta’ bbrejkjar li ma teħilx, sistema kombinata ta’ bbrejkjar jew it-tnejn titħalla fid-diskrezzjoni tal-manifattur;
  • għal viżibilità aħjar:
    • minn Lulju 2014, il-vetturi kollha tal-kategorija L ġodda għandu jkollhom mekkaniżmu li jixgħel id-dwal awtomatikament,
    • mill-1 ta’ Jannar 2016, it-tipi eżistenti kollha ta’ dawn il-vetturi għandhom jikkonformaw ukoll;
  • it-twaħħil obbligatorju ta’ differential (li tippermetti lil roti fuq l-istess fus iduru b’rati differenti) fuq quads u tipi oħrajn ta’ vetturi tal-kategorija L bi 3 u 4 roti biex jiġi żgurat li jistgħu jduru fil-kantunieri b’mod sigur.

Rekwiżiti ta’ prestazzjoni ambjentali

  • Biex tingħata approvazzjoni, vettura tal-kategorija L għandha tikkonforma ma’ tmien tipi ta’ testijiet differenti, bħal emissjonijiet mill-evaporazzjoni (fwar tal-fjuwil), tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis, l-effiċjenza enerġetika u l-ħoss.
  • Ir-regolament jistabbilixxi rekwiżiti ambjentali għal żewġ stadji ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet. L-ewwel stadju (Euro 4) huwa obbligatorju għal tipi ġodda ta’ vetturi mill-1 ta’ Jannar 2016. It-tieni stadju (Euro 5) ilu japplika mill-2020, u jippermetti lill-manifatturi u l-fornituri jippjanaw għal tul ta’ żmien medju.

Obbligi fuq il-manifatturi, ir-rappreżentanti tagħhom, l-importaturi u d-distributuri

Ir-regolament jistabbilixxi l-obbligi ta’ dawk kollha involuti fil-katina tal-forniment:

  • fejn vettura tippreżenta riskju serju għall-utenti jew l-ambjent, il-manifattur jew partijiet oħra fil-katina tal-provvista għandhom jieħdu miżuri protettivi effettivi, inkluż sejħa lura tal-vetturi jekk meħtieġ;
  • il-manifatturi għandhom jipprovdu aċċess għal dijanjostika abbord permezz ta’ konnettur standardizzat u għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni ta’ vetturi permezz ta’ siti web lil negozjanti u dawk li jsewwu awtorizzati, kif ukoll operaturi indipendenti. Dan ma japplikax għal vetturi ta’ “serje żgħira”.

Atti delegati u ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea adottat atti delegati biex tissupplementa r-Regolament (KE) Nru 168/2013:

  • Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 3/2014 jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri tat-testijiet dettaljati fir-rigward tas-sikurezza funzjonali għall-approvazzjoni tat-tip u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi tal-kategorija L u s-sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawn il-vetturi. Dan ġie emendat mir-Regolament ta’ Delega (UE) 2016/1824 biex jadattah għall-progress tekniku.
  • Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 134/2014 dwar ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali u tal-prestazzjoni tal-unità tal-propulsjoni u li jemenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 168/2013. Dan ir-regolament ġie emendat mir-Regolament ta’ Delega (UE) 2016/1824 u mir-Regolament ta’ Delega (UE) 2018/295. biex itejjeb ir-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri tal-ittestjar u jadattahom għall-progress tekniku.

Il-Kummissjoni adattat ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 901/2014 dwar ir-rekwiżiti amministrattivi għall-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli. Dan l-atti ta’ implimentazzjoni kien emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1825 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/239.

Tħassir ta’ leġiżlazzjoni preċedenti

Ir-Regolament (UE) 168/2013 jirrevoka u jissostitwixxi d-Direttiva 2002/24/KE mill-1 ta’ Jannar 2016.

MINN META JIBDA JAPPLIKA IR-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-1ta’ Jannar 2016.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Vetturi tal-kategorija L: familja ta’ vetturi motorizzati bħal roti motorizzati, mopeds b’żewġ jew tliet roti, muturi (b’karozelli tal-ġenb jew mingħajrhom), triċikli u kwadriċikli.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 60, 2.3.2013, pp. 52-128)

L-Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 168/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 901/2014 tat-18 ta’ Lulju 2014 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti amministrattivi għall-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 249, 22.8.2014, pp. 1-202)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 134/2014 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali u tal-prestazzjoni tal-unità tal-propulsjoni, u li jemenda l-Anness V tiegħu (ĠU L 53, 21.2.2014, pp. 1-10)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 44/2014 tal-21 ta’ Novembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-vetturi u r-rekwiżiti ġenerali għall-approvazzjoni ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 25, 28.1.2014, pp. 1-102)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 3/2014 of 24 ta’ Ottubru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tas-sikurezza funzjonali tal-vetturi għall-approvazzjoni ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 7, 10.1.2014, pp. 1-12)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 28.05.2021

Top