Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0789

    Kawża T-789/19: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Novembru 2019 – Moerenhout et vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 45, 10.2.2020, p. 76–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 45/76


    Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Novembru 2019 – Moerenhout et vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża T-789/19)

    (2020/C 45/61)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Tom Moerenhout (Humbeek, il-Belġju) u sitt rikorrenti oħra (rappreżentant: G. Devers, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 6390 finali tal-4 ta’ Settembru 2019 li tirrifjuta li tirreġistra l-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, intitolata “Ensuring Common Commercial Policy conformity with EU Treaties and compliance with international law” (ĠU 2019, L 241, p. 12), ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll tal-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Parlament tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 94, p. 49), sa fejn il-Kummissjoni żnaturat il-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011, billi l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tagħti motivi għad-deċiżjoni kkontestata.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-azzjoni prevista mill-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini setgħet tiġi adottata biss fuq il-bażi tal-Artikolu 215 TFUE, filwaqt li l-imsemmija azzjoni taqa’ manifestament fil-politika kummerċjali komuni.

    4.

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 sa fejn il-Kummissjoni injorat bażijiet legali oħra, li l-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej tirreferi manifestament għalihom, jiġifieri l-Artikolu 43(2) TFUE u l-Artikolu 114 TFUE.


    Top