EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0279

Kawża T-279/19: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ April 2019 — Front Polisario vs Il-Kunsill

ĠU C 220, 1.7.2019, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 220/41


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ April 2019 — Front Polisario vs Il-Kunsill

(Kawża T-279/19)

(2019/C 220/52)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Front Popolari għal-Liberazzjoni ta’ Saguia el-Hamra u ta’ Rio de oro (Front Polisario) (rappreżentant: G. Devers, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors tiegħu ammissibbli;

tikkonkludi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 tat-28 ta’ Jannar 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2019, L 34, p. 1), ir-rikorrent jinvoka għaxar motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk huma inkompetenti sabiex jikkonkludu ftehimiet internazzjonali, li jinkludu s-Saħara tal-Punent, minflok il-poplu ta’ dan it-territorju, kif irrappreżentat mill-Front Polisario.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu eżaminati l-fatti rilevanti kollha tal-każ ineżami, sa fejn il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni il-fatt li l-ftehim internazzjonali, konkluż bid-deċiżjoni kkontestata, kien is-suġġett ta’ applikazzjoni provviżorja, matul tnax-il sena, għat-territorju tas-Saħara tal-Punent, bi ksur tal-istatut separat u distint tiegħu.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tiġi eżaminata l-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-dritt umanitarju internazzjonali, sa fejn, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma stħarriġx il-kwistjoni dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fir-territorju tas-Saħara tal-Punent okkupat.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża sa fejn il-Kunsill ma ta bidu għal ebda diskussjoni mal-Front Polisario, l-uniku rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji u tal-valuri essenzjali li jiggwidaw l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali. Ir-rikorrent iqis fil-fatt li l-ftehim internazzjonali, konkluż bid-deċiżjoni kkontestata, japplika għat-territorju tas-Saħara tal-Punent fil-kuntest tal-politika annessjonista tar-Renju tal-Marokk u tal-ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali li ż-żamma ta’ din il-politika teħtieġ.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ awtodeterminazzjoni, sa fejn il-ftehim internazzjonali, konkluż bid-deċiżjoni kkontestata, huwa applikabbli għas-Saħara tal-Punent bi ksur, minn naħa, tal-istatut separat u distint ta’ dan it-territorju, u, min-naħa l-oħra, tad-dritt tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għar-rispett tal-integrità territorjali tat-territorju tiegħu.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ effett relattiv tat-trattati, sa fejn il-poplu tas-Saħara tal-Punent, kif irrappreżentat mill-Front Polisario, ma tax il-kunsens tiegħu għall-ftehim internazzjonali, konkluż bid-deċiżjoni kkontestata.

8.

It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-ispazju tal-ajru tas-Saħara tal-Punent, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata, billi rratifikat il-prattika illegali li oriġinat mill-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim internazzjonali, konkluż minnha, għandha l-effett li tinkludi l-ispazju tal-ajru tas-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim.

9.

Id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ responsabbiltà internazzjonali, sa fejn, bid-deċiżjoni kkontestata, l-Unjoni tonqos mill-obbligi tagħha, minn naħa, billi ma twettaqx l-obbligu tagħha li ma tirrikonoxxix l-okkupazzjoni illegali tas-Saħara tal-Punent, u min-naħa l-oħra, billi tgħin u tassisti ż-żamma ta’ din is-sitwazzjoni.

10.

L-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu li tiżgura l-osservanza tad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali umanitarju, sa fejn l-osservanza mill-Unjoni tal-obbligi internazzjonali tagħha, fir-rigward tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, timplika a minima li l-Kunsill jastjeni milli jadotta d-deċiżjoni kkontestata, billi din tippermetti d-dħul fis-seħħ ta’ ftehim internazzjonali applikabbli għall-parti mis-Saħara tal-Punent taħt okkupazzjoni Marokkina.


Top