Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0655

    Kawża T-655/18: Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Ottubru 2018 – Aupicon et vs SEAE

    ĠU C 25, 21.1.2019, p. 45–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.1.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 25/45


    Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Ottubru 2018 – Aupicon et vs SEAE

    (Kawża T-655/18)

    (2019/C 25/58)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Delphine Aupicon (Gaboron, il-Botswana) u għaxar rikorrenti oħra (rappreżentant: N. de Montigny, avukat)

    Konvenut: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni ADMIN(2017)26 tad-Direttur Ġenerali għall-Baġit u għall-Amministrazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, tad-19 ta’ Diċembru 2017, dwar id-determinazzjoni tal-pajjiżi li fihom il-kundizzjonijiet tal-għajxien huma meqjusa bħala ekwivalenti għall-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-Unjoni Ewropea, li ma jagħtux id-dritt għall-ħlas ta’ allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien imsemmija fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal – sena finanzjarja 2018;

    sa fejn ikun neċessarju, tannulla d-dikjarazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ Jannar 2018 tar-rikorrenti;

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, peress li s-SEAE ma adottax dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat, minn naħa, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li s-SEAE wettaq fl-analiżi tal-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien u, min-naħa l-oħra, fuq l-assenza ta’ motivazzjoni rilevanti.


    Top