Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0530

    Kawża C-530/12 P: Appell ippreżentat fil- 21 ta’ Novembru 2012 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit- 13 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-404/10: National Lottery Commission vs Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    ĠU C 26, 26.1.2013, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 26/36


    Appell ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2012 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-13 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-404/10: National Lottery Commission vs Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    (Kawża C-530/12 P)

    2013/C 26/69

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellant: Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (rappreżentanti: P. Bullock, F. Mattina, aġenti)

    Parti oħra fil-proċedura: National Lottery Commission

    Talbiet tal-appellant

    tannulla s-sentenza appellata,

    tikkundanna lil National Lottery Commission (rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali) għall-ispejjeż sostnuti mill-UASI.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-Uffiċċju jinvoka tliet aggravji, partikolarment (i) il-ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1), (ii) il-ksur tad-dritt għal smigħ tal-UASI u (iii) l-inkonsistenza manifesta u l-iżnaturament tal-fatti li jaffettwaw is-sentenza appellata.

    L-ewwel aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 76(1) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u l-premessa 37 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 (2) fis-sentenza Elio Fiorucci, sa fejn hija bbażat ruħha fuq dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali, jiġifieri l-Artikolu 2704 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, li ma kienx ġie invokat mill-partijiet u li għalhekk ma kienx jifforma parti mill-każ imressaq quddiem il-Bord tal-Appell. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 76(1) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja sa fejn hija bbażat ruħha fuq ġurisprudenza nazzjonali, jiġifieri s-sentenza msemmija iktar ’il fuq Nru 13912, tal-14 ta’ Ġunju 2007, tal-Corte Suprema di Cassazione li jsir riferiment għaliha fil-punt 32 tas-sentenza appellata, li ma ġietx invokata mill-partijiet u li ma kinitx tifforma parti mill-każ imressaq quddiem il-Bord tal-Appell.

    It-tieni aggravju jikkonċerna l-ksur tad-dritt għal smigħ tal-UASI, sa fejn l-UASI ma ingħatax l-opportunità li jittratta dwar aspetti proċedurali u sostantivi li jirrigwardjaw id-digriet tal-Corte Suprema di Cassazione. Li kieku l-UASI ngħata din l-opportunità, ma jistax ikun eskluż li r-raġunament u l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali kienu jkunu differenti.

    It-tielet aggravju jikkonċerna l-inkonsistenza manifesta u l-iżnaturament tal-fatti li jaffettwaw ir-raġunament u l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali. L-UASI josserva li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin u żnaturat l-analiżi tal-Bord tal-Appell kif ukoll l-argumenti tan-National Lottery Commission stess u naqset milli tiħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Bord tal-Appell applika n-norma ġuridika korretta, skont il-liġi Taljana, billi sab li n-National Lottery Commission ma pproduċietx prova li d-data tal-bolla tal-uffiċċju postali mwaħħla mal-ftehim tal-1986 ma kinitx konklussiva.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja ĠU L 78, p. 1

    (2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189


    Top