Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0613

    Regolament (UE) 2022/613 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 fir-rigward ta’ żieda fil-prefinanzjament mir-riżorsi tar-REACT-EU u l-istabbiliment ta’ kost unitarju

    PE/14/2022/REV/1

    ĠU L 115, 13.4.2022, p. 38–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/613/oj

    13.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 115/38


    REGOLAMENT (UE) 2022/613 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ April 2022

    li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 fir-rigward ta’ żieda fil-prefinanzjament mir-riżorsi tar-REACT-EU u l-istabbiliment ta’ kost unitarju

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175, it-tielet paragrafu, u l-Artikolu 177 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    L-aggressjoni militari reċenti mill-Federazzjoni -Russa kontra l-Ukrajna u l-kunflitt armat li għaddej biddlu b’mod fundamentali s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa. B’riżultat ta’ dik l-aggressjoni militari, l-Unjoni, u r-reġjuni tal-Lvant tagħha b’mod partikolari, qed jiffaċċaw influss sostanzjali ta’ persuni. Dan joħloq sfida addizzjonali għall-baġits pubbliċi fi żmien meta l-ekonomiji tal-Istati Membri għadhom qed jirkupraw mill-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, u jirriskja li jimmina t-tħejjija ta’ rkupru tal-ekonomija ekoloġiku, diġitali u reżiljenti.

    (2)

    L-Istati Membri diġà jistgħu jiffinanzjaw firxa wiesgħa ta’ investimenti biex jindirizzaw l-isfidi migratorji taħt il-programmi operazzjonali b’appoġġ mingħand il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (“FEŻR”), il-Fond Soċjali Ewropew (“FSE”) u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FGħEB) inkluż taħt ir-riżorsi addizzjonali li saru disponibbli bħala Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU), biex jipprovdu assistenza għat-trawwim tat-tiswija tad-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru tal-ekonomija ekoloġiku, diġitali u reżiljenti.

    (3)

    Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2022/562 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għamel għadd ta’ emendi mmirati għar-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 (3) u (UE) Nru 223/2014 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex tagħmilha aktar faċli għall-Istati Membri li jużaw il-bqija tal-allokazzjonijiet tagħhom taħt il-FEŻR, il-FSE u l-FGħEB taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, kif ukoll biex jużaw ir-riżorsi tar-REACT-EU, biex jindirizzaw l-isfidi migratorji bl-aktar mod effettiv u rapidu possibbli.

    (4)

    Minkejja l-flessibbiltajiet offruti mir-Regolament (UE) 2022/562, l-Istati Membri għadhom jiffaċċaw pressjoni sostanzjali fuq il-baġits pubbliċi minn sfidi li jirriżultaw mil-għadd kbir ħafna ta’ wasliet ta’ persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Dik il-pressjoni tirriskja li timmina l-kapaċità tal-Istati Membri li jimxu lejn irkupru tal-ekonomija reżiljenti mill-pandemija tal-COVID-19. Sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jindirizzaw l-isfidi migratorji, jenħtieġ li l-appoġġ mill-FEŻR, mill-FSE u mill-FGħEB jiġi mmobilizzat malajr billi tiżdied ir-rata ta’ prefinanzjament inizjali mħallas mir-riżorsi tar-REACT-EU għall-Istati Membri kollha. Fl-istess ħin, xi Stati Membri ġew ikkonfrontati b’għadd sinifikanti ta’ persuni li waslu mill-Ukrajna, li jeħtieġu l-għoti ta’ appoġġ immedjat. Għaldaqstant, jenħtieġ li dawk l-Istati Membri jibbenefikaw minn żieda sinifikantement ogħla fir-rata tal-prefinanzjament inizjali biex ipattu għall-kostijiet baġitarji immedjati u jappoġġaw l-isforzi tagħhom fit-tħejjija tal-irkupru tal-ekonomiji tagħhom.

    (5)

    Sabiex jiġi mmonitorjat l-użu li sar minn dak il-prefinanzjament addizzjonali, jenħtieġ li r-rapporti finali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi tal-FEŻR u l-FSE li jirċievu prefinanzjament addizzjonali jinkludu informazzjoni dwar l-użu li sar mill-ammonti addizzjonali rċevuti biex jiġu indirizzati l-isfidi migratorji ffaċċati b’riżultat tal-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa, u kif dawk l-ammonti addizzjonali kkontribwixxu għall-irkupru tal-ekonomija.

    (6)

    Jenħtieġ li jiġi stabbilit kost unitarju, sabiex jiġi ssimplifikat l-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji u għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri fil-kuntest tal-indirizzar tal-isfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa.Il-kost unitarju jenħtieġ li jiffaċilita, fl-Istati Membri kollha, il-finanzjament tal-ħtiġijiet bażiċi u l-appoġġ ta’ persuni li jingħataw protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata oħra skont il-liġi nazzjonali f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (5) u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (6), għal perjodu ta’ 13-il ġimgħa mill-wasla tal-persuna fl-Unjoni. F’konformità mar-Regolament (UE) 2022/562 l-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll kost unitarju meta jużaw il-possibilità prevista fl-Artikolu 98(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 biex jiffinanzjaw operazzjonijiet li jindirizzaw sfidi migratorji mill-FEŻR jew mill-FSE abbażi tar-regoli applikabbli għall-Fond l-ieħor, inkluż meta dak jinvolvi riżorsi tar-REACT-EU. Meta jagħmlu użu mill-kost unitarju, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkollhom l-arranġamenti meħtieġa fis-seħħ biex jevitaw il-finanzjament doppju tal-istess kostijiet.

    (7)

    Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li l-Istati Membri jingħataw assistenza għall-indirizzar tal-isfidi maħluqin mill-għadd eċċezzjonalment kbir ta’ wasliet ta’ persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri għall-qalba lejn irkupru tal-ekonomija reżiljenti mill-pandemija tal-COVID-19, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

    (8)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 jiġu emendati kif xieraq.

    (9)

    Minħabba l-urġenza biex tiġi pprovduta għajnuna rapida għall-baġits pubbliċi bil-ħsieb li tiġi ppreservata l-kapaċità tal-Istati Membri li jappoġġaw l-irkupru tal-ekonomiji mill-pandemija tal-COVID-19 u biex jkunu jistgħu jsiru pagamenti addizzjonali għall-programmi operazzjonali mingħajr dewmien, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat previstafl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

    (10)

    Fid-dawl tal-ħtieġa li tingħata għajnuna rapida għall-baġits pubbliċi bil-għan li tiġi ppreservata l-kapaċità tal-Istati Membri li jsostnu l-proċess ta’ rkupru ekonomiku u jkun permess li jsiru pagamenti addizzjonali għall-programmi operazzjonali mingħajr dewmien, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013

    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 68c

    Kost unitarju għall-operazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa

    Għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa, fin-nefqa ddikjarata fl-applikazzjonijiet għall-pagament, l-Istati Membri jistgħu jinkludu kost unitarju marbut mal-ħtiġijiet bażiċi u mal-appoġġ ta’ persuni li ngħataw protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata oħra skont il-liġi nazzjonali f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (*1) u mad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (*2). Dak il-kost unitarju għandu jkun ta’ EUR 40 fil-ġimgħa għal kull ġimgħa sħiħa jew parzjali li l-persuna tkun fl-Istat Membru kkonċernat. Il-kost unitarju jista’ jintuża għal massimu ta’ 13-il ġimgħa b’kollox, mid-data tal-wasla tal-persuna fl-Unjoni.

    L-ammonti kkalkulati fuq dik il-bażi għandhom jitqiesu bħala appoġġ pubbliku mħallas lill-benefiċjarji u bħala nefqa eliġibbli għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (*1)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta' influss bil-massa ta' persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1)."

    (*2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).”;"

    (2)

    fl-Artikolu 92b, il-paragrafu 7, huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin wara l-ewwel subparagrafu:

    “Minbarra l-prefinanzjament inizjali stabbilit fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tħallas 4 % tar-riżorsi tar-REACT-EU allokati għall-programmi għas-sena 2021 bħala prefinanzjament inizjali addizzjonali fl-2022. Għall-programmi fl-Istati Membri li kellhom livell ta’ wasliet ta’ persuni mill-Ukrajna ogħla minn 1 % tal-popolazzjoni nazzjonali tagħhom bejn l-24 ta’ Frar 2022 u t-23 ta’ Marzu 2022, dak il-perċentwal għandu jiżdied għal 34 %.

    Meta jibagħtu r-rapport ta’ implimentazzjoni finali meħtieġ skont l-Artikolu 50(1) u l-Artikolu 111, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar l-użu li jkun sar mill-prefinanzjament inizjali addizzjonali previst fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu biex jindirizzaw l-isfidi migratorji ffaċċati b’riżultat tal-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa u l-kontribuzzjoni ta’ dak il-prefinanzjament inizjali addizzjonali għall-irkupru tal-ekonomija.”;

    (b)

    it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm operazzjonali jew l-emenda għall-programm operazzjonali li jalloka r-riżorsi REACT-EU għall-2021 tkun ġiet adottata wara l-31 ta’ Diċembru 2021 u l-prefinanzjament relatat ma jkunx tħallas, l-ammont ta’ prefinanzjament inizjali msemmi fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu għandu jitħallas fl-2022.

    L-ammont imħallas bħala prefinanzjament inizjali msemmi fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi saldat għalkollox mill-kontijiet tal-Kummissjoni mhux aktar tard minn meta jingħalaq il-programm operazzjonali.”;

    (3)

    fl-Artikolu 131, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   In-nefqa eliġibbli inkluża f’applikazzjoni għall-pagament għandha tkun appoġġata minn fatturi riċevuti jew dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti, ħlief għall-forom ta’ appoġġ imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 67(1), l-Artikoli 68, 68a, 68b u 68c, l-Artikolu 69(1) u l-Artikolu 109 ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 14 tar-Regolament FSE. Għal dawk il-forom ta’ appoġġ, l-ammonti inklużi f’applikazzjoni għall-pagament għandhom ikunu l-kostijiet kkalkulati fuq il-bażi applikabbli.”.

    Artikolu 2

    Emenda għar-Regolament (UE) Nru 223/2014

    L-Artikolu 6a, il-paragrafu 4, tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

    “Minbarra l-prefinanzjament inizjali stabbilit fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tħallas 4 % tar-riżorsi tar-REACT-EU allokati għall-programmi għas-sena 2021 bħala prefinanzjament inizjali addizzjonali fl-2022. Għall-programmi fl-Istati Membri li kellhom livell ta’ wasliet ta’ persuni mill-Ukrajna ogħla minn 1 % tal-popolazzjoni nazzjonali tagħhom bejn l-24 ta’ Frar 2022 u t-23 ta’ Marzu 2022, dak il-perċentwal għandu jiżdied għal 34 %.”;

    (2)

    it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “L-ammont imħallas bħala prefinanzjament inizjali msemmi fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi għandu jiġi saldat għalkollox mill-kontijiet tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn meta jingħalaq il-programm operazzjonali.”.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ April 2022.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. BEAUNE


    (1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ April 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2022.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2022/562 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) (ĠU L 109, 8.4.2022, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta' influss bil-massa ta' persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1).

    (6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).


    Top