EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1196

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1196 tal-11 ta' Lulju 2019 dwar il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq fir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust)

C/2019/5329

ĠU L 187, 12.7.2019, p. 50–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1196/oj

12.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/50


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1196

tal-11 ta' Lulju 2019

dwar il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq fir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat il-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Bl-ittra lill-President tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2019, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (ir-“Renju Unit”) innotifika l-intenzjoni tiegħu li jipparteċipa fir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(2)

Billi ma hemm l-ebda kundizzjoni speċifika marbuta mal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fir-Regolament (UE) 2018/1727, mhumiex meħtieġa miżuri tranżitorji.

(3)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fir-Regolament (UE) 2018/1727 tiġi kkonfermata.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2018/1727 daħal fis-seħħ fil-11 ta' Diċembru 2018 u japplika mit-12 ta' Diċembru 2019.

(5)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati se jieqfu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(6)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2) (il- “Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie miftiehem bejn l-Unjoni u l-gvern tar-Renju Unit f'Novembru 2018 iżda l-proċeduri interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu għadhom ma tlestewx. Il-Parti Erbgħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi perjodu tranżitorju, li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. Matul il-perjodu tranżitorju il-liġi tal-Unjoni se tibqa' tapplika għar-Renju Unit u fit-territorju tiegħu b'konformità mal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(7)

Fit-22 ta' Marzu 2019, id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 (3), bi ftehim mar-Renju Unit, il-perjodu msemmi fl-Artikolu 50(3) tat-TUE ġie estiż sat-22 ta' Mejju 2019 fl-eventwalità li l-House of Commons tapprova l-Ftehim dwar il-Ħruġ sad-29 ta' Marzu 2019 jew, jekk dan ma jseħħx, sat-12 ta' April 2019. Il-House of Commons ma approvax il-Ftehim dwar il-Ħruġ sad-29 ta' Marzu 2019. Fil-11 ta' April 2019, id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 (4), bi ftehim mar-Renju Unit, il-perjodu skont l-Artikolu 50(3) TUE reġa' ġie estiż sal-31 ta' Ottubru 2019. Fuq talba min-naħa tar-Renju Unit, dak il-perjodu jista' jerġa' jiġi estiż permezz ta' deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew meħuda bi ftehim mar-Renju Unit. Barra minn hekk, ir-Renju Unit jista' jirrevoka n-notifika dwar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni fi kwalunkwe ħin.

(8)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) 2018/1727 se japplika għar-Renju Unit u fit-territorju tiegħu biss jekk ir-Renju Unit jkun Stat Membri fit-12 ta' Diċembru 2019 jew jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ikun daħal fis-seħħ sa dik id-data.

(9)

Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ b'urġenza fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq fir-Regolament (UE) 2018/1727 hija kkonfermata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).

(2)  ĠU C 144I, 25.4.2019, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tat-22 ta' Marzu 2019 li testendi l-perjodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 80 I, 22.3.2019, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tal-11 ta' April 2019 li testendi l-perjodu skont l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 101, 11.4.2019, p. 1).


Top