Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0307

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/307 tat-28 ta' Frar 2018 dwar l-estensjoni ta' garanziji speċjali li jikkonċernaw is-Salmonella spp. stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għal-laħam li joriġina mit-tiġieġ tas-simna (Gallus gallus) maħsub għad-Danimarka (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2018/1148

    ĠU L 60, 2.3.2018, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/307/oj

    2.3.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 60/5


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/307

    tat-28 ta' Frar 2018

    dwar l-estensjoni ta' garanziji speċjali li jikkonċernaw is-Salmonella spp. stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għal-laħam li joriġina mit-tiġieġ tas-simna (Gallus gallus) maħsub għad-Danimarka

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3)(b) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi dwar l-iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali għall-operaturi tan-negozju tal-ikel, b'ċerti garanziji speċjali għal ċertu ikel li joriġina mill-annimali maħsub għas-swieq tal-Finlandja u tal-Iżvezja. Għaldaqstant, l-operaturi tan-negozju tal-ikel li beħsiebhom iqiegħdu fis-suq laħam minn annimali speċifikati f'dawk l-Istati Membri jridu jikkonformaw ma' ċerti regoli fir-rigward tas-Salmonella. Barra minn hekk, il-konsenji ta' dan il-laħam iridu jkunu akkumpanjati minn dokument kummerċjali li jiddikjara li twettaq test mikrobijoloġiku b'riżultati negattivi skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    (2)

    Minbarra dan, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1688/2005 (2) jispeċifika dawk il-garanziji speċjali, li jistabbilixxu r-regoli dwar il-kampjunar ta' dan il-laħam u l-metodi mikrobijoloġiċi għall-eżami ta' dawk il-kampjuni. Jistabbilixxi wkoll mudell dokument kummerċjali li jakkumpanja l-konsenji tal-laħam.

    (3)

    Fil-5 ta' Ottubru 2007, l-Amministrazzjoni Veterinarja u Alimentari Daniża ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni għal garanziji speċjali biex jiġu awtorizzati għad-Danimarka fir-rigward tas-Salmonella fil-laħam li joriġina mit-tiġieġ tas-simna (Gallus gallus) għad-Danimarka kollha skont ir-Regolament (KE) Nru 853/2004. L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni tal-Programm Daniż ta' Kontroll tas-Salmonella għal-laħam li ġej mit-tiġieġ tas-simna (Gallus gallus).

    (4)

    Matul il-laqgħa tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali qabel dwar dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni intitolat “Dokument ta' gwida dwar ir-rekwiżiti minimi għall-programmi ta' kontroll tas-Salmonella li jridu jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk approvati għall-Iżvezja u għall-Finlandja fir-rigward tal-laħam u l-bajd tal-Gallus gallus  (3)” (id-“Dokument ta' gwida”).

    (5)

    Il-Programm ta' Kontroll tas-Salmonella Daniż għal-laħam li joriġina mit-tiġieġ tas-simna (Gallus gallus) jitqies bħala ekwivalenti għal dak approvat għall-Finlandja u għall-Iżvezja u hu konformi mad-Dokument ta' gwida. Madankollu, l-prevalenza tas-Salmonella fil-qatgħat ta' Gallus gallus għat-tnissil kienet ogħla mil-limitu massimu propost fid-Dokument ta' gwida, u għalhekk ma setgħetx titqies bħala ekwivalenti għas-sitwazzjoni fil-Findlandja u fl-Iżvezja.

    (6)

    Fis-6 ta' Frar 2017, l-Amministrazzjoni Veterinarja u Alimentari Daniża għaddiet dejta dwar il-prevalenza tas-Salmonella fil-qatgħat ta' tiġieġ Gallus gallus għat-tnissil, fit-tiġieġ adulti għat-tnissil, fit-tiġieġ tas-simna u l-laħam tal-Gallus gallus għall-perjodu bejn l-2011-2016. Il-prevalenzi għall-2015-2016 huma skont il-limiti massimi stabbiliti fid-Dokument ta' gwida.

    (7)

    Għaldaqstant, il-garanziji speċjali jenħtieġ li jiġu estiżi għall-konsenji tal-laħam mit-tiġieġ tas-simna (Gallus gallus) maħsub għad-Danimarka. Barra minn hekk, ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1688/2005 dwar it-teħid ta' kampjuni ta' dan il-laħam, il-metodi mikrobijoloġiċi għall-eżami ta' dawk il-kampjuni u d-dokument kummerċjali, jenħtieġ li japplikaw għal dawn il-konsenji.

    (8)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Id-Danimarka hi awtorizzata tapplika l-garanziji speċjali dwar is-Salmonella spp. stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għall-konsenji tal-laħam li joriġina mit-tiġieġ tas-simna (Gallus gallus), kif definit fil-punt 1.1 tal-Anness I ta' dak ir-Regolament, maħsub għad-Danimarka.

    Artikolu 2

    Il-konsenji tal-laħam imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat li jikkonforma mal-mudell previst fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1688/2005.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Frar 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1688/2005 tal-14 ta' Ottubru 2005 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' garanziji speċjali li jikkonċernaw is-salmonella għall-konsenji lejn il-Finlandja u l-Iżvezja ta' ċertu laħam u bajd (ĠU L 271, 15.10.2005, p. 17).

    (3)  https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/biosafety_food-borne-disease_salmonella_guidance_min-req_eggs-poultry-meat.pdf


    Top