Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0011

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/11 tas- 6 ta' Jannar 2015 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-deżinjazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Kranjska klobasa (IGP)]

    ĠU L 3, 7.1.2015, p. 37–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/11/oj

    7.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 3/37


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/11

    tas-6 ta' Jannar 2015

    li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-deżinjazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Kranjska klobasa (IGP)]

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(2) u 52(3)(b) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 daħal fis-seħħ fit-3 ta' Jannar 2013. Dan ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (2).

    (2)

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2), l-applikazzjoni Slovena għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Kranjska klobasa” ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3).

    (3)

    Il-Ġermanja fit-3 ta' Lulju 2012, il-Kroazja fis-16 ta' Awwissu 2012 u l-Awstrija fis-17 ta' Awwissu 2012, ressqu oġġezzjonijiet kontra r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4). L-oġġezzjonijiet tqiesu bħala ammissibbli.

    (4)

    Bl-ittri tal-24 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jinvolvu rwieħhom fil-konsultazzjonijiet xierqa biex jilħqu qbil bejniethom fi żmien sitt xhur skont il-proċeduri interni tagħhom.

    (5)

    Is-Slovenja u l-Ġermanja fuq naħa waħda, u s-Slovenja u l-Awstrija fuq in-naħa l-oħra, laħqu ftehim. Bil-kontra ta' dan, ma ntlaħaq l-ebda qbil bejn is-Slovenja u l-Kroazja.

    (6)

    Peress li ma ntlaħaq l-ebda qbil bejn is-Slovenja u l-Kroazja fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 52(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (7)

    Rigward l-allegat nuqqas ta' konformità mal-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, sostitwit bl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, fir-rigward tad-delimitazzjoni taż-żona ġeografika, jiġifieri li l-prodott ma joriġinax minn post, reġjun jew pajjiż speċifiku jew li l-konsumatur jiġi żgwidat, l-ebda żball ovvju ma ġie identifikat. Fir-rigward tal-allegat nuqqas li jikkonċerna l-użu tal-isem ta' pajjiż li kien permess f'każijiet eċċezzjonali, “Kranjska” mhuwiex l-isem ta' pajjiż iżda ta' reġjun (kif kien qabel). Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ma jipprevedix għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti l-użu tal-isem ta' pajjiż f'każijiet eċċezzjonali biss. Fir-rigward tal-allegazzjoni li ż-żona ġeografika ma għandha l-ebda karatteristika fiżika li tiddistingwiha minn żoni ġirien, ma hemmx lok li tiġi evalwata s-sustanza ta' din l-allegazzjoni billi dan mhux meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (8)

    It-termini “Krainer”, “Käsekrainer”, “Schweinskrainer”, “Osterkrainer” u “Bauernkrainer” minn naħa, u t-termini “Kranjska” u “Kranjska kobasica” min-naħa l-oħra nstabu li kienu l-ismijiet ta' zalzett simili bil-lingwa Ġermaniża u bil-lingwa Kroata rispettivament u għandhom oriġini storiċi komuni li jirreferu għall-art li kienet tissejjaħ “Kranjska” li ma għadhiex teżisti amministrattivament llum. Minħabba li l-ismijiet għandhom oriġini komuni u minħabba x-xebh viżiv bejn il-prodotti, l-applikazzjoni tal-protezzjoni prevista mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u b'mod partikolari l-punt (b) tal-paragrafu (1) tiegħu, tista' tirriżulta li l-“Kranjska klobasa”, jekk reġistrat, ikun jista' jżomm lil dawk il-produtturi li mhumiex konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-“Kranjska klobasa” milli jużaw it-termini “Krainer”, “Käsekrainer”, “Schweinskrainer”, “Osterkrainer”, “Bauernkrainer”, “Kranjska” u “Kranjska kobasica”.

    (9)

    L-evidenza turi li l-użu tat-termini “Krainer”, “Käsekrainer”, “Schweinskrainer”, “Osterkrainer”, “Bauernkrainer”, “Kranjska” u “Kranjska kobasica” kien jirreferi għal prodotti li għandhom oriġini komuni mal-“Kranjska klobasa”, bla ma kien hemm l-intenzjoni li tiġi sfruttata r-reputazzjoni tal-aħħar isem filwaqt li l-konsumatur ma ġiex jew ma setax jiġi żgwidat rigward l-oriġini vera tal-prodotti. Barra minn hekk, intwera li dawn id-deżinjazzjonijiet ilhom jintużaw legalment b'mod konsistenti u ġust għal mill-inqas 25 sena qabel ma l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Kranjska klobasa” ġiet sottomessa lill-Kummissjoni.

    (10)

    Madankollu, għandu jiġi nnutat li bil-lingwa Ġermaniża, wara żewġ sekli, l-isem “Krainer”, u l-ismijiet komposti tiegħu tilfu definittivament ir-rabta ġeografika mar-Reġjun Carniola. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li kemm fil-ftehimiet konklużi mal-Ġermanja u mal-Awstrija rispettivament is-Slovenja rrikonoxxiet li l-użu tat-termini “Krainer”, “Käsekrainer”, “Schweinskrainer”, “Osterkrainer” u “Bauernkrainer” ma għandux jinftiehem bħala abbuż tal-isem “Kranjska klobasa”.

    (11)

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, fl-interess tal-ġustizzja u tal-użu tradizzjonali, irrispettivament minn jekk “Krainer”, “Käsekrainer”, “Schweinskrainer”, “Osterkrainer”, “Bauernkrainer”, “Kranjska” u “Kranjska kobasica” jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ġeneriċi skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni ġuridika tal-Unjoni huma rispettati, l-użu liberu tat-termini “Krainer”, “Käsekrainer”, “Schweinskrainer”, “Osterkrainer” u “Bauernkrainer” għandu jinżamm mingħajr restrizzjonijiet ta' żmien, u l-użu tat-termini “Kranjska” u “Kranjska kobasica” għandu jiġi permess għall-perjodu tranżitorju massimu stabbilit mill-Artikolu 15(2) tar- Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (12)

    L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta' ismijiet li jkunu saru ġeneriċi. L-oġġezzjonijiet jgħidu li l-konsumaturi fl-Awstrija, fil-Kroazja u fil-Ġermanja ma jassoċjawx l-ismijiet u t-termini użati fis-swieq tagħhom bħal “Krainer”, “Krainer Wurst”, “Kranjska” u “Kranjska kobasica” ma' xi oriġini partikolari. Filwaqt li l-isem propost għar-reġistrazzjoni huwa “Kranjska klobasa”, l-evidenza provduta fid-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni tirreferi għall-allegat użu ġenerali tat-termini “Krainer”, “Krainer Wurst”, “Kranjska” u “Kranjska kobasica” fl-Awstrija, fil-Kroazja u fil-Ġermanja, u mhux għal dak ta' “Kranjska klobasa”. L-oġġezzjonijiet ma kkunsidrawx is-sitwazzjoni fis-Slovenja. Ma kienet provduta l-ebda evidenza fid-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjonijiet li turi użu ġenerali li jinvolvi jew li jinkludi l-isem propost għar-reġistrazzjoni. Għalhekk, abbażi tal-informazzjoni pprovduta l-isem “Kranjska klobasa” ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ġeneriku u ma hemm għalhekk l-ebda nuqqas ta' konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (13)

    Filwaqt li tingħata protezzjoni lit-terminu sħiħ “Kranjska klobasa”, il-komponent li mhuwiex ġeografiku ta' dak it-terminu jista' jintuża, anke fit-traduzzjonijiet, fl-Unjoni kollha, dejjem jekk jiġu rrispettati l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni ġuridika tal-Unjoni.

    (14)

    Fid-dawl ta' dan kollu, id-denominazzjoni “Kranjska klobasa” għandha tiddaħħal fir-Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

    (15)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Politika tal-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-isem “Kranjska klobasa” (IĠP) huwa rreġistrat.

    L-isem fl-ewwel inċiż jidentifika prodott minn Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.) tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (5).

    Artikolu 2

    It-termini “Krainer”, “Käsekrainer”, “Schweinskrainer”, “Osterkrainer” u “Bauernkrainer” jistgħu jkomplu jintużaw fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni ġuridika tagħha jitħarsu.

    It-termini “Kranjska” u “Kranjska kobasica” jistgħu jintużaw sabiex jiġi ddeżinjat zalzett li ma jikkonformax mal-ispeċifikazzjoni tal-“Kranjska klobasa” għal perijodu ta' ħmistax-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Jannar 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12).

    (3)  ĠU C 48, 18.2.2012, p. 23.

    (4)  Sadanittant ġew sostitwiti mill-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


    Top