EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008H0506(01)

Rakkomandazzjoni Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

6.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 111/1


RAKKOMANDAZZJONI PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta' April 2008

dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 111/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 149(4), u l-Artikolu 150(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

L-iżvilupp u r-rikonoxximent tal-konoxxenza, ħiliet u kompetenza taċ-ċittadini huma kruċjali għall-iżvilupp ta' l-individwu, għall-kompetittività, għall-impjiegi u għall-koeżjoni soċjali fil-Komunità. Tali żvilupp u tali rikonoxximent għandhom jiffaċilitataw il-mobbiltà transnazzjonali għall-ħaddiema u għal min jitgħallem u għandhom jikkontribwixxu għas-sodisfazzjon tar-rekwiżiti fir-rigward tal-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol Ewropew. L-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, u l-parteċipazzjoni fih, għal kulħadd, inklużi persuni żvantaġġati, u l-użu tal-kwalifiki għandhom għalhekk jiġu promossi u mtejba fil-livelli nazzjonali u fil-livell Komunitarju.

(2)

Il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tas-sena 2000 ikkonkluda li ż-żieda fit-trasparenza tal-kwalifiki għandha tkun waħda mill-komponenti ewlenin meħtieġa sabiex jiġu adattati s-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ fil-Komunità għall-bżonnijiet tas-soċjetà bbażata fuqil-konoxxenza. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona fl-2002 għamel sejħa għall-koperazzjoni aktar mill-qrib fis-settur universitarju u għal titjib fil-metodi tat-trasparenza u tar-rikonoxximent fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar it-tagħlim tul il-ħajja (4) stiednet lill-Kummissjoni sabiex, f'koperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill u l-Istati Membri, tiżviluppa qafas għar-rikonoxximent tal-kwalifiki kemm għall-edukazzjoni kif ukoll għat-taħriġ, li jibni fuq il-kisbiet tal-proċess ta' Bologna u jippromwovi azzjoni simili fil-qafas tat-taħriġ vokazzjonali.

(4)

Ir-rapporti konġunti tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”, adottati fl-2004 u l-2006, saħqu dwar il-ħtieġa li jiġi żviluppat Qafas Ewropew tal-Kwalifiki.

(5)

Fil-kuntest tal-proċess ta' Kopenħagen, il-konklużjonijiet tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2004, dwar il-prijoritajiet futuri ta' koperazzjoni Ewropea mtejba fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali taw prijorità lill-iżvilupp ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki li jkun miftuħ u flessibbli, ibbażat fuq it-trasparenza u l-fiduċja reċiproka, li għandu jkun referenza komuni li tkopri kemm l-edukazzjoni kif ukoll it-taħriġ.

(6)

Il-validazzjoni ta' riżultati ta' tagħlim mhux formali u informali għandha tiġi promossa f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2004 dwar il-prinċipji Ewropej komuni għall-identifikazzjoni u l-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali.

(7)

Il-Kunsilli Ewropej ta' Brussell ta' Marzu 2005 u Marzu 2006 saħqu dwar l-importanza ta' l-adozzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki.

(8)

Din ir-Rakkomandazzjoni tieħu kont tad-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas uniku Komunitarju għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass) (5) u r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (6).

(9)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija kompatibbli mal-qafas għal Qasam Ewropew għall-Edukazzjoni Superjuri u mad-deskritturi ċikliċi miftiehma mill-ministri għall-edukazzjoni superjuri f'45 pajjiż Ewropew fil-laqgħa tagħhom f'Bergen fid-19 u 20 ta' Mejju 2005 fi ħdan il-Proċess ta' Bolonja.

(10)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tat-23 u 24 ta' Mejju 2004, ir-Rakkomandazzjoni 2006/143/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2006 dwar aktar koperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità ta' l-edukazzjoni ogħla (7) u l-istandards u l-linji gwida għall-assigurazzjoni tal-kwalità fil-Qasam ta' l-Edukazzjoni Superjuri Ewropea, miftiehma mill-ministri għall-edukazzjoni superjuri fil-laqgħa tagħhom f'Bergen fihom prinċipji komuni għall-assigurazzjoni tal-kwalità, li għandhom ikunu l-bażi ta' l-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki.

(11)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (8) li tagħti drittijiet u obbligi kemm lill-awtorità nazzjonali rilevanti kif ukoll lill-migrant. Ir-referenzi magħmula għal-livelli tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki dwar il-kwalifiki m'għandhomx jinċidu fuq l-aċċess għas-suq tax-xogħol fejn il-kwalifiki professjonali ikunu ġew rikonoxxuti skond id-Direttiva 2005/36/KE.

(12)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li toħloq qafas komuni ta' referenza li għandu jservi bħala mezz ta' traduzzjoni bejn is-sistemi differenti ta' kwalifiki u l-livelli tagħhom, kemm għall-edukazzjoni ġenerali u superjuri kif ukoll għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Dan għandu jtejjeb it-trasparenza, il-komparabbiltà u l-portabbiltà tal-kwalifiki taċ-ċittadini mogħtija skond il-prattika fid-diversi Stati Membri. Kull livell ta' kwalifika, bħala prinċipju, għandu jkun jista' jintlaħaq permezz ta' aċċess f'diversi oqsma ta' l-edukazzjoni u tal-karriera. Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għandu, barra minn hekk, jippermetti organizzazzjonijiet internazzjonali settorali sabiex jirrelataw is-sistemi tal-kwalifiki tagħhom ma' punt ta' referenza komuni Ewropew u għalhekk juri r-relazzjoni bejn kwalifiki internazzjonali settorali u sistemi nazzjonali ta' kwalifiki. Din ir-Rakkomandazzjoni għalhekk tikkontribwixxi għal għanijiet usa' fil-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja u għal żieda fil-impjegabbiltà, mobbiltà, u integrazzjoni soċjali ta' ħaddiema u ta' min jitgħallem. Il-prinċipji trasparenti ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-iskambju ta' informazzjoni għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni tagħha billi jgħinu sabiex tinbena fiduċja reċiproka.

(13)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ, għar-relazzjoni bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg u għall-iżvilupp ta' pontijiet bejn it-tagħlim formali, it-tagħlim mhux formali u dak informali, u b'hekk twassal ukoll għall-validazzjoni ta' riżultati ta' tagħlim akkwistati permezz ta' l-esperjenza.

(14)

Din ir-Rakkomandazzjoni la tissostitwixxi u lanqas tiddefinixxi s-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki u/jew il-kwalifiki nazzjonali. Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki ma jiddeskrivix kwalifiki speċifiċi jew kompetenzi ta' individwu, u kwalifiki partikolari għandu jkollhom referenza fil-livell korrett tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki permezz tas-sistemi nazzjonali rilevanti tal-kwalifiki.

(15)

Din ir-Rakkomandazzjoni, fid-dawl tan-natura non obbligatorja tagħha, tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarita' billi tappoġġa u tissuplimenta l-attivitajiet ta' l-Istati Membri billi tiffaċilita aktar koperazzjoni bejniethom sabiex tiżdied it-trasparenza u jiġu promossi l-mobbiltà u t-tagħlim tul il-ħajja. Hija għandha tiġi implimentata skond il-leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali.

(16)

Ladarba l-għan ta' din ir-Rakkomandazzjoni, b'mod partikolari l-ħolqien ta' qafas komuni ta' referenza li jservi bħala mezz ta' traduzzjoni bejn is-sistemi differenti ta' kwalifiki u l-livelli tagħhom, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u jista', għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta' l-azzjoni kontemplata, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din ir-Rakkomandazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan,

B'DAN JIRRAKKOMANDAW LI L-ISTATI MEMBRI:

1.

jużaw il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki bħala għodda ta' referenza sabiex jikkomparaw il-livelli tal-kwalifika ta' sistemi ta' kwalifiki differenti u jippromwovu kemm tagħlim tul il-ħajja u opportunitajiet ugwali fis-soċjetà bbażata fuq il-konoxxenza, kif ukoll integrazzjoni akbar tas-suq tax-xogħol Ewropew, waqt li jirrispettaw id-diversità rikka fis-sistemi ta' edukazzjoni nazzjonali;

2.

jirrelataw is-sistemi nazzjonali tagħhom tal-kwalifiki mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki sa l-2010, b'mod partikolari billi jistabbilixxu r-referenzi b'mod trasparenti mil-livelli tagħhom tal-kwalifiki għal-livelli stabbiliti fl-Anness II, u, fejn ikun il-każ, billi jiżviluppaw l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki skond il-leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali;

3.

jadottaw miżuri, skond il-każ, sabiex sa l-2012 iċ-ċertifikati ġodda kollha tal-kwalifiki, diplomi u d-dokumenti “Europass” maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti jkollhom fihom referenza ċara — permezz tas-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki — għal-livell xieraq tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;

4.

jużaw approċċ ibbażat fuq ir-riżultati tat-tagħlim meta jiddefinixxu u jiddeskrivu l-kwalifiki, u jippromwovu l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali skond il-prinċipji Ewropej komuni miftiehma espressi fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2004, waqt li jagħtu attenzjoni partikulari lil dawk iċ-ċittadini li probabbilment ikunu l-aktar suġġetti għall-qgħad jew għal-forom prekarji ta' impjieg, u li għalihom dan il-metodu jista' jżid il-parteċipazzjoni f'tagħlim tul il-ħajja u aċċess għas-suq tax-xogħol;

5.

jippromwovu u japplikaw il-prinċipji ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u fit-taħriġ stabbiliti fl-Anness III meta jirrelataw il-kwalifiki ta' l-edukazzjoni superjuri, ta' l-edukazzjoni vokazzjonali u tat-taħriġ fis-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;

6.

jinnominaw punti ta' koordinazzjoni nazzjonali, konnessi ma' l-istrutturi rilevanti u r-rekwiżiti ta' l-Istati Membri, sabiex jappoġġaw u sabiex, flimkien ma' awtoritajiet nazzjonali rilevanti, jiggwidaw ir-relazzjoni bejn is-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki bil-ħsieb li jiġu promossi l-kwalità u t-trasparenza ta' dik ir-relazzjoni.

Il-kompiti ta' dawn il-punti ta' koordinazzjoni nazzjonali għandhom jinkludu:

(a)

l-istabbiliment ta' referenzi bejn il-livelli tal-kwalifiki fi ħdan is-sistemi nazzjonali ta' kwalifiki u l-livelli tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki deskritti fl-Anness II;

(b)

l-assigurazzjoni ta' l-użu ta' metodoloġija trasparenti fl-istabbiliment ta' referenzi bejn il-livelli tal-kwalifiki nazzjonali u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki sabiex, minn naħa waħda, tkun faċilitata l-komparabbiltà bejniethom u, min-naħa l-oħra, ikun żgurat li d-deċiżjonijiet riżultanti jiġu pubblikati;

(c)

l-għoti ta' aċċess għall-informazzjoni u ta' gwida lill-partijiet interessati dwar kif il-kwalifiki nazzjonali jirrelataw mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki permezz ta' sistemi nazzjonali tal-kwalifiki;

(d)

il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti kollha inklużi, skond il-prattika u l-leġislazzjoni nazzjonali, l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri, ta' l-edukazzjoni vokazzjonali u tat-taħriġ, l-imsieħba soċjali, is-setturi u l-esperti dwar il-paragun u l-użu tal-kwalifiki f'livell Ewropew.

JAPPROVAW L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI SABIEX:

1.

tappoġġa lill-Istati Membri fit-twettiq tal-kompiti msemmija hawn fuq u l-organizzazzjonijiet internazzjonali settorali fl-użu tal-livelli ta' referenza u l-prinċipji tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki kif stabbilit f'din ir-Rakkomandazzjoni, b'mod partikolari billi jiġu ffaċilitati l-koperazzjoni, l-iskambju ta' prattika tajba u l-kontrolli — inter alia permezz ta' reviżjoni volontarja bejn il-pari u proġetti esperimentali taħt programmi Komunitarji, bit-tnedija ta' eżercizzi ta' informazzjoni u konsultazzjoni mal-kumitati ta' djalogu soċjali — u jiġi żviluppat materjal ta' appoġġ u ta' gwida;

2.

tistabbilixxi, sa 23 ta' April 2009, grupp konsultattiv dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u jinvolvi l-imsieħba soċjali Ewropej u partijiet interessati oħra, skond il-każ, li jkun responsabbli sabiex jipprovdi koerenza ġenerali u jippomwovi trasparenza fil-proċess ta' riferiment tas-sistemi ta' kwalifiki mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;

3.

tistma u tivvaluta, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri u wara li tikkonsulta lill-partijiet interessati konċernati, l-azzjoni meħuda bħala rispons għal din ir-Rakkomandazzjoni, inklużi l-kamp operattiv u t-tul tal-mandat tal-grupp konsultattiv, u sa 23 ta' April 2013, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba u l-implikazzjonijiet għall-futur, inklużi, jekk ikunu meħtieġa, il-konsiderazzjoni mill-ġdid u r-reviżjoni, eventwalment possibbli, ta' din ir-Rakkomandazzjoni;

4.

tippromwovi rabtiet mill-qrib bejn il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u sistemi attwali u futuri Ewropej għat-trasferiment u l-akkumulazzjoni ta' krediti fl-edukazzjoni superjuri, fl-edukazzjoni vokazzjonali u fit-taħriġ, sabiex ittejjeb il-mobbiltà taċ-ċittadini u tiffaċilita r-rikonoxximent tar-riżultati ta' tagħlim.

Magħmula fi Strasburgu, 23 ta’ April 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LANARČIČ


(1)  ĠU C 175, 27.7.2007, p. 74.

(2)  ĠU C 146, 30.6.2007, p. 77.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Ottubru 2007 (għadha mhijiex publikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Frar 2008.

(4)  ĠU C 163, 9.7.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6.

(6)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(7)  ĠU L 64, 4.3.2006, p. 60.

(8)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 2006/100/KE tal-Kunsill (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 141).


ANNESS I

Definizzjonijiet

Għall-finijiet tar-Rakkomandazzjoni, id-definizzjonijiet li japplikaw huma dawn li ġejjin:

(a)

“kwalifika” tfisser ir-riżultat formali ta' proċess ta' evalwazzjoni u validazzjoni li jinkiseb meta korp kompetenti jiddetermina li individwu kiseb ir-riżultati tat-tagħlim sal-livelli preskritti;

(b)

“sistema nazzjonali ta' kwalifiki” tfisser l-aspetti kollha ta' l-attività ta' l-Istati Membri relatati mar-rikonoxximent tat-tagħlim u mekkaniżmi oħra li jorbtu l-edukazzjoni u t-taħriġ mas-suq tax-xogħol u mas-soċjetà ċivili. Dan jinkludi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti istituzzjonali u l-proċessi relatati ma' l-assigurazzjoni tal-kwalità, ma' l-evalwazzjoni u ma' l-għoti tal-kwalifiki. Sistema nazzjonali tal-kwalifiki tista' tkun magħmula minn għadd ta' sub-sistemi u tista' tinkludi qafas nazzjonali tal-kwalifiki;

(c)

“qafas nazzjonali tal-kwalifiki” tfisser strument għall-klassifikazzjoni tal-kwalifiki skond ta' kriterji għal-livelli speċifikati ta' tagħlim miksub, li jkollu l-għan li jintegra u jikkoordina s-sub-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki u jtejjeb it-trasparenza, l-aċċess, il-progress u l-kwalità tal-kwalifiki f'relazzjoni mas-suq tax-xogħol u s-soċjetà ċivili;

(d)

“settur” tfisser grupp ta' attivitajiet professjonali fuq il-bażi tal-funzjoni ekonomika ewlenija tagħhom, prodott, servizz jew teknoloġija;

(e)

“organizzazzjoni internazzjonali settorali” tfisser assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet nazzjonali, inklużi, per eżempju, min iħaddem u korpi professjonali, li tirrappreżenta l-interessi tas-setturi nazzjonali;

(f)

“riżultati tat-tagħlim” tfisser dikjarazzjonijiet ta' dak li jaf, jifhem u jkun kapaċi jagħmel dak li jitgħallem ladarba jtemm il-proċess tat-tagħlim, li huma definiti f'termini ta' konoxxenza, ħiliet u kompetenza;

(g)

“konoxxenza” tfisser ir-riżultat ta' l-assimilazzjoni ta' informazzjoni permezz tat-tagħlim. Il-konoxxenza hija l-korp tal-fatti, prinċipji, teoriji u prattika li huwa relatat ma' qasam ta' xogħol jew studju. Fil-kuntest tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-konoxxenza hija deskritta bħala teoretika u/jew fattwali;

(h)

“ħiliet” tfisser il-ħila li tapplika l-konoxxenza u li tuża dak li taf sabiex twettaq kompiti u ssolvi problemi. Fil-kuntest tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-ħiliet huma deskritti bħala konoxxittivi (li jinvolvu l-użu tal-loġika, intwizzjoni u ħsieb kreattiv) jew prattiċi (li jinvolvu l-kapaċità manwali u l-użu ta' metodi, materjali, għodda u strumenti);

(i)

“kompetenza” tfisser il-ħila manifestata ta' l-użu tal-konoxxenza, ħiliet u abbiltajiet personali, soċjali u/jew metodoloġiċi, f'sitwazzjonijiet ta' xogħol jew studju u fl-iżvilupp professjonali u/jew personali. Fil-kuntest tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, “kompetenza” hija deskritta f'termini ta' responsabbiltà u awtonomija.


ANNESS II

Deskritturi li jiddefinixxu l-livelli tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK)

Kull wieħed mit-8 livelli huwa definit b'sett ta' deskritturi li jindikaw ir-riżultati tat-tagħlim rilevanti għall-kwalifiki f'dak il-livell fi kwalunkwe sistema tal-kwalifiki

 

Konoxxenza

Ħiliet

Kompetenza

 

Fil-kuntest tal-QEK, il-konoxxenza hija deskritta bħala teoretika u/jew fattwali

Fil-kuntest tal-QEK, il-ħiliet huma deskritti bħala konoxxittivi (jinvolvu l-użu tal-loġika, intwizzjoni u ħsieb kreattiv) u prattiċi (li jinvolvu l-kapaċità manwali u l-użu ta' metodi, materjali, għodda u strumenti)

Fil-kuntest tal-QEK, kompetenza hija deskritta f'termini ta' responsabbiltà u awtonomija

Livell 1

Ir-riżultati tat-tagħlim rilevanti għal-Livell 1 huma

konoxxenza ġenerali bażika

ħiliet bażiċi meħtieġa għat-twettiq ta' kompiti sempliċi

xogħol jew studju taħt superviżjoni diretta f'kuntest strutturat

Livell 2

Ir-riżultati tat-tagħlim rilevanti għal-Livell 2 huma

konoxxenza fattwali bażika ta' qasam ta' xogħol jew studju

ħiliet konoxxittivi bażiċi u prattiċi meħtieġa għall-użu ta' l-informazzjoni rilevanti sabiex jitwettqu kompiti u sabiex jiġu solvuti problemi ta' rutina permezz ta' regoli u għodod sempliċi

xogħol jew studju taħt superviżjoni imma bi grad ta' awtonomija

Livell 3

Ir-riżultati tat-tagħlim rilevanti għal-Livell 3 huma

konoxxenza dwar il-fatti, prinċipji, proċessi u kunċetti ġenerali, fil-qasam tax-xogħol jew ta' l-istudju

firxa ta' ħiliet konoxxittivi u prattiċi meħtieġa sabiex jitwettqu kompiti u jissolvew problemi billi jiġu magħżula u applikati metodi bażiċi, għodod, materjali u informazzjoni

teħid ta' responsabbiltà għat-twettiq tal-kompiti fix-xogħol jew l-istudju

adattament ta' l-imġiba għaċ-ċirkostanzi sabiex jissolvew il-problemi

Livell 4

Ir-riżultati tat-tagħlim rilevanti għal-Livell 4 huma

konoxxenza fattwali u teoretika f'kuntesti wesgħin fil-qasam tax-xogħol jew studju

firxa ta' ħiliet konoxxittivi u prattiċi meħtieġa sabiex jiġġeneraw soluzzjonijiet għal problemi speċifiċi f'qasam ta' xogħol jew studju

kapaċità li jmexxi lilu nnifsu fi ħdan il-linjigwida tal-kuntesti tax-xogħol jew studju li ġeneralment ikunu mbassra, imma jistgħu jinbidlu

superviżjoni tax-xogħol ta' rutina ta' l-oħrajn, u ammont ta' responsabbiltà għall-evalwazzjoni u t-titjib tax-xogħol jew attivitajiet ta' studju

Livell 5 (1)

Ir-riżultati tat-tagħlim rilevanti għal-Livell 5 huma

konoxxenza komprensiva, speċjalizzata, fattwali u teoretika fi ħdan qasam ta' xogħol jew studju u kuxjenza tal-limiti ta' dik il-konoxxenza

firxa komprensiva ta' ħiliet prattiċi u konoxxittivi meħtieġa għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet kreattivi għal problemi astratti

eżerċizzju ta' tmexxija u superviżjoni f'kuntesti ta' attivitajiet ta' xogħol jew studju fejn hemm bidla mhix imbassra

analiżi u żvilupp tar-rendiment personali u ta' l-oħrajn

Livell 6 (2)

Ir-riżultati tat-tagħlim rilevanti għal-Livell 6 huma

konoxxenza avvanzata ta' qasam ta' xogħol jew studju, li tinvolvi fehim kritiku tat-teoriji u l-prinċipji

ħiliet avvanzati, li juru kapaċità u innovazzjoni, meħtieġa sabiex isolvu problemi kumplessi u li ma jistgħux jiġu mbassra minn qabel f'qasam ta' xogħol jew studju speċjalizzat

immaniġġjar ta' attivitajet jew proġetti tekniċi jew professjonali kumplessi, teħid ta' responsabbiltà għat-teħid tad-deċiżjonijiet f'kuntest ta' xogħol jew studju mhux imbassar

teħid ta' responsabbiltà għall-immaniġġjar ta' l-iżvilupp professjonali ta' individwi u gruppi

Livell 7 (3)

Ir-riżultati tat-tagħlim rilevanti għal-Livell 7 huma

għarfien speċjalizzat ferm, li ftit minnu ikun fost l-aktar reċenti f'qasam ta' xogħol jew studju, bħala l-bażi għal ħsieb u/jew riċerka oriġinali

kuxjenza kritika ta' kwistjonijiet tal-konoxxenza f'qasam partikolari u bħala interface bejn żewġ oqsma differenti

ħiliet speċjalizzati sabiex jissolvew problemi meħtieġa fir-riċerka u/jew l-innovazzjoni sabiex jiġu żviluppati konoxxenza u proċeduri ġodda u sabiex tiġi integrata l-konoxxenza minn oqsma differenti

immaniġġjar u trasformazzjoni ta' kuntesti tax-xogħol jew studju li huma kumplessi, ma jistgħux jiġu mbassra u jeħtieġu strateġiji ġodda

teħid tar-responsabbiltà għall-kontribuzzjoni tal-konoxxenza u l-prattika professjoni u/jew għar-reviżjoni ta' timijiet ta' rendiment strateġiċi

Livell 8 (4)

Ir-riżultati tat-tagħlim rilevanti għal-Livell 8 huma

konoxxenza mill-aktar avvanzata f'qasam ta' xogħol jew studju u bħala interface bejn żewġ oqsma

l-aktar ħiliet u teknika avvanzati u speċjalizzati, inklużi sinteżi u evalwazzjoni, meħtieġa sabiex isolvu problemi kritiċi fir-riċerka u/jew l-innovazzjoni u sabiex jiġu estiżi u ridefiniti l-konoxxenza eżistenti jew il-prattika professjonali

wiri ta' awtorità sostanzjali, innovazzjoni, awtonomija, integrità professjonali u impenn sostnut għall-iżvilupp ta' ideat jew proċess mill-aktar avvanzati f'kuntesti ta' xogħol jew studju inkluż ir-riċerka

Il-Qafas tal-Kwalifiki tal-Qafas Ewropew ta' l-Edukazzjoni Superjuri jipprovdi deskritturi għal ċikli.

Kull deskrittur ta' ċiklu joffri dikjarazzjoni ġenerika ta' l-aspettattivi tipiċi tal-kisbiet u l-abbiltajiet assoċjati mal-kwalifiki li jirrappreżentaw it-tmiem ta' dak iċ-ċiklu.


(1)  Id-deskrittur għaċ-ċiklu qasir ta' l-edukazzjoni superjuri (fi ħdan l-ewwel ċiklu jew marbut miegħu), żviluppat mill-Inizjattiva Konġunta dwar il-Kwalità bħala parti mill-proċess ta' Barċellona, jikkorrispondi għar-riżultati tat-tagħlim għal-livell 5 tal-QEK.

(2)  Id-deskrittur għall-ewwel ċiklu fil-Qafas tal-Kwalifiki tal-Qasam Ewropew ta' l-Edukazzjoni Superjuri miftiehem mill-ministri responsabbli għall-edukazzjoni superjuri fil-laqgħa tagħhom li saret f'Bergen f'Mejju ta' l-2005 fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta' Bolonja jikkorrispondi għar-riżultati tat-tagħlim għas-6 livell ta' l-EQF.

(3)  Id-deskrittur għat-tieni ċiklu fil-Qafas tal-Kwalifiki tal-Qasam Ewropew ta' l-Edukazzjoni Superjuri miftiehem mill-ministri responsabbli għall-edukazzjoni superjuri fil-laqgħa tagħhom li saret f'Bergen f'Mejju ta' l-2005 fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta' Bolonja jikkorrispondi għar-riżultati tat-tagħlim għas-7 livell ta' l-EQF.

(4)  Id-deskrittur għat-tielet ċiklu fil-Qafas tal-Kwalifiki tal-Qasam Ewropew ta' l-Edukazzjoni Superjuri miftiehem mill-ministri responsabbli għall-edukazzjoni superjuri fil-laqgħa tagħhom li saret f'Bergen f'Mejju ta' l-2005 fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta' Bolonja jikkorrispondi għar-riżultati tat-tagħlim għat-8 livell ta' l-EQF.


ANNESS III

Prinċipji komuni għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni, fl-edukazzjoni vokazzjonali u fit-taħriġ fil-kuntest tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki

Fl-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, l-assigurazzjoni tal-kwalità — li hi meħtieġà għall-assigurazzjoni tar-responsabbilizzazzjoni u tat-titjib fl-edukazzjoni superjuri, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali — għandha titwettaq skond il-prinċipji li ġejjin:

il-linji politiċi u l-proċeduri għall-assigurazzjoni tal-kwalità għandhom ikunu bażilari għal-livelli kollha tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki,

l-assigurazzjoni tal-kwalità għandha tkun parti integrali mill-ġestjoni interna ta' l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ,

l-assigurazzjoni tal-kwalità għandha tinkludi evalwazzjoni regolari ta' l-istituzzjonijiet, tal-programmi tagħhom jew tas-sistemi tagħhom ta' assigurazzjoni tal-kwalità minn korpi jew aġenziji esterni ta' monitoraġġ,

il-korpi jew l-aġenziji esterni ta' monitoraġġ li jwettqu l-assigurazzjoni tal-kwalità għandhom ikunu suġġetti għal analiżi regolari,

l-assigurazzjoni tal-kwalità għandha tinkludi dimensjonijiet ta' kuntest, ta' kontribut, ta' proċess u ta' rendiment, filwaqt li tenfasizza r-rendiment u r-riżultati tat-tagħlim,

is-sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin: għanijiet u standards ċari u miżurabbli,

linji gwida għall-implimentazzjoni, inkluż l-involviment tal-partijiet interessati,

riżorsi adatti,

metodi konsistenti ta' evalwazzjoni, li jassoċjaw l-awto-evalwazzjoni u l-analiżi esterna,

mekkaniżmi ta' kummenti u proċeduri għat-titjib,

riżultati ta' evalwazzjoni li jkunu ampjament aċċessibbli,

l-inizjattivi ta' assigurazzjoni tal-kwalità fil-livelli internazzjonali, nazzjonali u reġjonali għandhom ikunu kkoordinati sabiex ikunu assigurati s-sorveljanza, il-koerenza, is-sinerġija u l-analiżi tas-sistema kollha,

l-assigurazzjoni tal-kwalità għandha tkun proċess koperattiv fil-livelli u s-sistemi kollha ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, bl-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha, fi ħdan l-Istati Membri u fil-Komunità kollha,

l-orjentazzjonijiet ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità fil-livell Komunitarju jistgħu jipprovdu punti ta' riferiment għall-evalwazzjonijiet u t-tagħlim bejn il-pari.


Top